Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Belt-Valletta — Monti - rilokazzjoni

Question

B'referenza għall-intervista li saritlu fil-programm TVAM fit-28 ta' Mejju 2013, jista' l-Ministru jgħid liema hi t-triq fil-Belt Valletta li se tintuża wkoll kull nhar ta' Ħadd mill-bejjiegħa tal-Monti, minbarra Triq l-Ordinanza, hekk kif jiċċaqilqu minn fejn qegħdin bħalissa u li għaliha għamel referenza Ministru waqt l-istess programm?

Response (CARDONA, CHRIS)

Għadna għaddejin bil-konsultazzjoni mal-partijiet kollha involuti.

Il-Belt Valletta — Monti – konsultazzjoni dwar rilokazzjoni

Question

B'referenza għal dak li qal is-Sindku tal-Belt Valletta fil-programm TVAM fit-28 ta' Mejju 2013, jista' l-Ministru jgħid għaliex ma ħassx il-ħtieġa li jikkonsulta lill-Kunsill Lokali tal-Belt fil-pjani tiegħu biex iċċaqlaq il-Monti għal Triq l-Ordinanza?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali tal-Belt qiegħed jiġi kkonsultat dwar iċ-ċaqliq tal-Monti għal Triq l-Ordinanza.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — ingaġġ ta' konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 348 u jgħid min huma l-konsulenti (inkluż persons of trust) li qegħdin jagħtu kontribut fid-dekasteru tiegħu? X’terms of reference għandhom għall-ħidma tagħhom fil-Ministeru? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti jew appointment letters fejn dawn diġà ġew iffirmati?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Awtorità ta' Malta dwar il-Komunikazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament kellux kunflitt ta’ interess fil-kariga li kien jokkupa fi ħdan l-Awtorità tal-Komunikazzjoni ta’ Malta (MCA)? Jekk fl-affermattiv x’kien dan il-kunflitt ta’ interess? Jista’ jgħid ukoll jekk kienx f’din il-kariga fuq bażi full-time jew fuq bażi part-time u kemm kien il-ħlas tiegħu flimkien mal-pakkett finanzjarju sħiħ?

Response (CARDONA, CHRIS)

Fil-waqt li nfakkar li hija r-responsabbiltà u l-onus ta’ kull uffiċjal li jiddikjara kull kunflitt ta’ interess li jista’ jkollu, kemm attwali kif ukoll potenzjali, jien infurmat li l-persuna in kwistjoni qatt ma ddikjara li kellu xi tip ta’ kunflitt ta’ interess. Il-persuna konċernata qatt ma okkupa kariga eżekettiva u allura ma kienx fuq bażi full-time. Il-pakkett finanzjarju sħiħ li kien igawdi għaż-żewg karigi li okkupa, jiġifieri dik ta’ Membru tal-Bord tal-Awtorità u sussegwentement bħala chairman, kien ta’ €3494 fis-sena. Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ- chairman preċedenti li kien fuq bażi full-time , kellu salarju ta’ €94,000 fis-sena.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — uffiċjali tas-segretarjati - kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti ta' impjieg tal-uffiċjali tas-segretarjat privat tiegħu, inkluż is-segretarjat tas-Segretarju Parlamentari?

Response (CARDONA, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-kuntratti ta' mpjiegi tal-uffiċjali tas-segretarjat privat tiegħi inkluż is-segretarjat tas-Segretarju Parlamentari.

proġett tal-BioMalta Campus

Question

Jista’ l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 357 u jipprovdi status update dettaljat dwar il-progress li sar fuq il-proġett tal-BioMalta Campus?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat li wara li nħareġ il-Full Development Permit għall-Enabling Works (Demolishing and Excavation), mill-MEPA, ix-xogħlijiet ta’ twaqqiegħ u tħaffir bdew f’Settembru 2011. Saret konsultazzjoni mal-isptar Mater Dei, l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-Xogħol, Transport Malta, u l-MITA, sabiex ikun assigurat li x-xogħlijiet isiru mingħajr ma jkunu ta’ inkonvenjent għal dawn l-entitajiet. Dan minħabba li ż-żona tinsab qrib ħafna tal-isptar. Ix-xogħlijiet imxew skont il-pjan u sal-aħħar tas-sena 2012 ix-xogħlijiet kollha relatati mat-twaqqiegħ u t-tħaffir tlestew. F’Settembru 2012, il-MEPA ħarġet permess għall-bini tal-Campus. F’Diċembru 2012, il-konsorzju tax-xogħol ċivili, AVCR, daħal fis-sit u s’issa kważi tlesta x-xogħol tal-pedament u fis għandu jibda x-xogħol biex jissaqqaf is-sotteran. Il-pjan tax-xogħol attwali jinkludi l-bini tal-kumpless, l-installazzjoni ta’ servizzi tal-bini, kif ukoll irfinar u tisbiħ tal-pajsaġġ.

LGA — rapporti dwar logħob tal-flus illegali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irċeviet rapporti dwar logħob tal-flus illegali l-Awtorità dwar il-Lotteriji u l-Logħob (LGA), kull sena f’dawn l-aħħar ħames snin, maqsumin f’kull lokalità f’Malta u f'Għawdex? Kemm minn dawn ir-rapporti ġew investigati u fuq kemm ittieħdet azzjoni?

Response (CARDONA, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Malta Trade for Growth Initiative – esportazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inizjattivi se jieħu l-Gvern sabiex jgħin lill-intraprendituri Maltin jesportaw lejn swieq li tradizzjonalment ma nesporatwx lejhom, kif kien irrappurtat li qal meta ġiet imnedija il-Malta Trade for Growth Initiative?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat li l-Malta Trade for Growth Initiative hija inizjattiva tal-HSBC. Il-Malta Enterprise ilu għal dawn l-aħħar ġimgħat f’diskussjonijiet mal-HSBC dwar kif iż-żewġ naħat jistgħu jikooperaw fl-għajnuna li tingħata lill-intrapriżi Maltin interessati li jesportaw. Minbarra dan, il-Malta Enterprise għandha diversi skemi li jgħinu lill-intrapriżi Maltin biex jirnexxu fi swieq internazzjonali. Dawn ivarjaw minn għajnuna finanzjarja biex kumpanija tipparteċipa f’fieri, jew fi trade missions, sa skemi ta’ taħriġ u konsulenza biex l-intrapriżi jsiru aktar preparati għall-esportazzjoni. Il-Malta Enterprise għandha uffiċini attivi fil-Libya u f’Dubai li joffru għajnuna b’mod kontinwu. Aktar tard din is-sena, l-Malta Enterprise ser terġa tmexxi delegazzjonijiet lejn il-Qatar, il-Kuwajt, ic-Ċina u diversi pajjiżi oħrajn li jippreżentaw potenzjal għall-intrapriżi Maltin.

Għawdex – tkabbir fl-attività ekonomika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'miżuri se jieħu biex titkabbar l-attività ekonomika f'Għawdex?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat li hemm diversi miżuri maħsuba f’dan is-sens. Il-Malta Enterprise, ftit xhur ilu, appuntat uffiċjal minn tagħha biex ikun inkarigat mill-investiment barrani speċifikament għal Għawdex. Il-ħsieb hu li titfassal strateġija li tibni fuq il-karatteristiċi anke industrijali ta’ Għawdex u tidentifika possibilitajiet ta’ investiment barrani f’oqsma bħall-edukazzjoni, r-riċerka u manifattura avvanzata. Minbarra dan, il-Malta Enterprise għandha diversi skemi li huma mmirati għal-kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju, inkluż ġewwa Għawdex, biex tgħinhom jinvestu u jkabbru l-intrapriżi tagħhom, u anki biex jesportaw. L-iskemi kollha li jkunu implimentati u amministrati mill-Malta Enterprise jkunu miftuħin ukoll għall-industrija Għawdxija. F’xi każi, l-industrija Għawdxija jkollha vantaġġ bħal ma huwa l-każ f’dawn l-eżempji attwali: - Intrapriżi Għawdxin qegħdin jingħataw rata preferenzjali ta’ sittin fil-mija (60%) taħt l-iskema MICROINVEST. Ir-rata normali taħt din l-iskema hija ta’ erbgħin fil-mija (40%). L-iskema MICROINVEST tgħin lill-intrapriżi żgħar sabiex jinvestu u jżidu l-impjegati. - Skema ġdida ta’ grants lill-intrapriżi li jixtiequ jinvestu f'soluzzjonijiet li jiġġeneraw id-dawl permezz ta' pannelli fotovoltajċi ser toħroġ f’Lulju li ġej. Parti mill-fondi allokati għal din l-iskema ser ikunu riservati għall-intrapriżi Għawdxin. Din is-sejħa ser tkun ko-finanzjata mill-fond Ewropew tal-ERDF. - Il-Malta Enterprise għandha wkoll skema li permezz tagħha, il-kumpaniji tal-manifattura bbażati ġewwa Għawdex jingħataw sussidju fuq spejjeż ta’ ġarr ta’ prodotti maħduma ġewwa Għawdex.

Privatisation Unit — Ingaġġ ta' avukati

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar ir-riżultat tas-sejħa li saret għall-ingaġġ ta' avukati/ditti ta' avukati biex jassistu lill-Privatisation Unit? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istess riżultat?

Response (CARDONA, CHRIS)

L-Onor. Membru hu mitlub li fil-mistoqsija jispeċifika għal-liema sejħa ta’ ingaġġ ta’ avukati/ditti ta’ avukati, maħruġa mill-Privatisation Unit qed issir referenza.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — transfers ta' impjegati

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar kemm saru transfers fl-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mit-12 ta' Marzu sal-lum? Jista' jagħti din l-informazzjoni dettaljata dwar min kienu l-persuni milquta, il-postijiet minn u fejn imxew u jekk it-transfers sarux fuq talba tal-individwu jew le?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — xiri u kiri ta' karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti saru għall-karozza uffiċjali? Jekk qed tinkera kemm hi l-kirja fis-sena? Jekk inxtrat kemm inxtrat? Ħarġu offerti għal kiri jew xiri u minn fejn qed tinkera jew inxtrat?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karozza uffiċċjali tiegħi, BMW 5 Series, bin-numru MLY-007, hija mikrija mingħand Meli Car Hire għaċ-ċifra ta’ €50.00 (VAT eskluża) kuljum.

Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku — xiri u kiri ta' Karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'arranġamenti saru għall-karozza uffiċjali tas-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku? Jekk qed tinkera kemm hi l-kirja fis-sena? Jekk inxtrat kemm inxtrat? Ħarġu offerti għal kiri jew xiri u minn fejn qed tinkera jew inxtrat?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karozza uffiċjali tas-Segretarju Parlamentari għall-Kompetitivita’ u Tkabbir Ekonomiku, qed tinkera mingħand Merlin Car Hire għas-somma ta’ €1,000 fix-xahar, VAT eskluża, b’direct order għal tliet xhur.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — Membri tal-Bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bordijiet tal-awtoritajiet u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Xi kwalifiki għandu kull membru? X'esperjenza jew expertise għandu kull membru relatata mas-settur fejn ġie ingaġġat bħala membru ta’ bord? F'każ li m'għandhom l-ebda esperjenza relatata, x'kienu l-kriterji li fuqhom intgħażlu dawn il-membri?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat li l-proċess ta’ ħatriet fuq bordijiet governattivi għadu għaddej u l-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-bordijiet il-ġodda qed titħabbar gradwalment. Nassigura lill-Onorevoli Membru li l-kriterji li fuqhom qed jintgħażlu l-membri huma l-istess li kienu taħt l-amministrazzjoni preċedenti, bid-differenza li issa qed jiġu osservati.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — membri tal-bordijiet - remunerazzjoni u benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-onorarja, allowances u perks oħra li għandu kull membru tal-bord u chairperson fl-awtoritajiet u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1405.

Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku — Membri tal-Bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-bordijiet tal-awtoritajiet u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tas-Segretarju Parlamentari tiegħu? Xi kwalifiki għandu kull membru? X'esperjenza jew expertise għandu kull membru relatata mas-settur fejn ġie ingaġġat bħala membru ta’ bord? F'każ li m'għandhom l-ebda esperjenza relatata, x'kienu l-kriterji li fuqhom intgħażlu dawn il-membri?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1405.

Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku — membri tal-bordijiet - remunerazzjoni u benefiċċji

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-onorarja, allowances u perks oħra li għandu kull membru tal-bord u chairperson fl-awtoritajiet u entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tas-Segretarju Parlamentari tiegħu?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1405.