Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li qed jaħdmu fuq il-lant tax-xogħol relatat mal-ħajt tat-tarzna? Jista' jgħid jekk hux minnu li ttieħdet deċiżjoni li l-ħaddiema fuq dan il-lant issa jsir erbgħa biss?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi hemm tnax-il ħaddiem tal-Gvern fuq il-lant tax-xogħol relatat mal-ħajt tal-Baċir Numru 1.
Ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni li dan in-numru jitnaqqas għal erbgħa.
Jista' l-Ministru jara li x-xogħol marbut mat-triq imġarrfa li hemm fit-Toqba tal-Birgu jibda u jitlesta għax issa għaddew ħafna ġimgħat u għadu ma sar xejn?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Onorevoli Interpellant irid japprezza li proġett bħal dan jirrekjedi ħafna preparamenti. Il-proċess ta' tendering irid jieħu ż-żmien tiegħu. Jien infurmat li l-Maritime Section tal-Works Division għandhom jibdew ix-xogħol kemm jista' jkun malajr.
Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn kienx hemm xi karozzi li ġew mixtrija mill-ministeru jew minn xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, li ġew mogħtija b'donazzjoni lill-individwi li m'humiex uffiċjali jew impjegati mal-ministeru jew xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu?
Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid: (a) lil minn ingħataw; (b) x'marka huma l-karozzi u meta nxtraw; (ċ) kemm swew fi flus Maltin; u (d) xi kriterji ntużaw biex dawn l-individwi ingħataw din il-karozza?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jien infurmat li ma ġew mixtrija l-ebda karozzi mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn.
Jista' l-Ministru jgħidilna meta se titnaddaf il-bajja ta' Birżebbuġa għax tant hemm ħmieġ u fliexken imkissra, li flok post ta' mistrieħ sar post ta' periklu?
Jista' jgħidilna meta se jitwaħħlu l-arbli tad-dawl, għax il-plastic pipes diġa' jinsabu mkissra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministri konċernati.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar u x'qed isir min-naħa tad-dipartiment għar-rigward tal-każ ta' infiltrazzjoni ta' ilma għal ġol-fond "Madonina" 46 Triq Napuljun, Żurrieq, liema każ ilu pendenti mill-1997 - (WD263/97 Drainage Section) (WSC- 31/2000)?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li wara li kienu saru rapporti li fil-fond imsemmi (46, Triq Napuljun, Żurrieq) kien hemm infiltrazzjoni ta' ilma,id-Dipartiment tad-Drenaġġ għamel investigazzjonijiet minnufih. Saret sezzjoni bis-CCTV fit-toroq ta' madwar. Dawn il-katusi, fil-fatt kienu nbidlu ftit tas-snin ilu u ma nstabux difetti partikolari jew ħsara fil-mains. Meta ttieħdu kampjuni ta' l-ilma rriżulta li ma kienx hemm traċċi ta' drenaġġ u għalhekk id-Dipartiment informa lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex ġebla kbira fil-Ġnejna li tinsab fuq l-għerien li hemm fil-blat, u li hija ta' periklu għal min jgħaddi, ma tibqax ta' periklu, u dan minkejja li saru diversi rapporti lill-kunsill lokali ta' l-Imġarr?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jien infurmat li l-Kunsill ta' l-Imġarr qed isegwi din il-kwestjoni u ser jitlob l-għajnuna tas-Sezzjoni ta' l-Isplussivi tat-Taqsima tax-Xogħlijiet biex jitneħħa l-blat imsemmi. Minħabba li l-imsemmija art hi x'aktarx propjeta' privata, il-Kunsill jeħtieġlu jiċċara l-pożizzjoni tiegħu mas-sidien ta' l-għerien in kwestjoni.
Jista' l-Ministru f'dan l-istadju jgħid liema huma l-postijiet illi jistgħu jkunu kkonsidrati biex jaqdu l-funzjoni li għandha l-miżbla tal-Magħtab meta din tingħalaq? Kemm huwa maħsub illi ntefa' skart ġewwa l-Magħtab, sena b'sena għal dawn l-aħħar għaxar snin?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba hija ddettaljata fid-dokument għall-konsultazzjoni li ġie ppublikat mill-Ministeru għall-Ambjent.
F'dan id-dokument insibu li s-sit propost li joffri l-aktar vantaġġi huwa fl-Għallis, viċin il-miżbla eżistenti.
Dan l-istess rapport jindika li l-ammont ta' skart li ntefa' ġewwa l-Magħtab matul dawn l-aħħar għaxar snin huwa kif muri hawn taħt:
SENA AMMONT TA' SKART
TUNELLATI
---------------------------------------
1990 1,781,000
1991 1,771,000
1992 2,670,000
1993 1,306,694
1994 1,536,694
1995 1,473,165
1996 1,520,166
1997 921,644
1998 894,103
1999 1,173,703
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għaliex matul il-jum 3, 4 u 5 ta' Marzu fil-front tas-Sliema fejn qed issir ix-xogħol ta' manutenzjoni kien hemm nuqqas ta' dawl li kkważa nuqqas ta' safety kemm għall-pubbliku u l-karozzi li jiffrekwentaw l-inħawi?
Jista' jara li jinforma l-bord tat-traffiku u l-awtoritajiet konċernati sabiex dawn l-affarijiet ma jerġgħux jirrepetu ruħhom f'areas daqstant sensittivi u traffikużi u li l-gvern fl-istess jum tat-3 ta' Marzu kellu żewġ ministri jżuru l-hekk imsejħa xogħlijiet kbar li qed isiru fil-pajjiż fil-preżent?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fil-ġranet li għalihom qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant, l-Enemalta qalgħu xi arbli li kienu qed jostakolaw ix-xogħol ta' 'embellishment'. Fil-frattemp twaħħlu 'floodlights' fuq arbli temporanji li twaħħlu minn ħaddiema tat-Taqsima tax-Xogħlijiet.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 14256 fejn tlabt li jittieħdu passi biex ħajt li qed iċedi fi triq dejqa ħafna iżda passaġġjuża u residenzjali, jiġifieri Triq Gwiedi, Żejtun, billi l-Ministru talabni "nindirizza l-mistoqsija tiegħi lill-kunsill lokali konċernat" u peress li s'issa ma sar xejn u jien bħala membru parlamentari għandi dritt biss li nagħmel mistoqsijiet parlamentari lill-ministri u mhux lill-kunsilli lokali, jista' l-Ministru jara li jittiedu passi immedjati, ladarba dan il-ħajt qed joffri periklu għax jekk jaqa' tista' ssir xi traġedja?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirringrazzja lill-Onorevoli Interpellant li nfurmani b'dan il-każ.
It-Taqsima tax-Xogħlijiet bagħtet perit biex isir rapport fuq il-każ. Dan ir-rapport tlesta u ntbagħat lill-Għassa tal-Pulizija taż-Żejtun fl-10 ta' Marzu 2000.
Il-ħajt huwa ta' Developer Privat u t-Taqsima tax-Xogħlijiet irrakkomandat lill-Pulizija biex jieħdu l-passi meħtieġa mmedjatament biex dan id-Developer jirranġa l-ħajt.
Billi f'diversi lokalitajiet f'Ta' Birguma, Naxxar, ir-residenti qed jagħmlu użu minn fosos għad-drenaġġ, jista' l-Ministru jgħid meta mistenni li jiġi mgħoddi s-servizz tad-drenaġġ f'din il-lokalita'?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li diġa' nfetaħ tender biex isir dan ix-xogħol. Minħabba li hemm bżonn tinbena Pumping Station ġdida, id-Dipartiment tad-Drenaġġ għamel 'expropriation plans' u applikazzjoni għall-bini tagħha lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. S'issa ma hemmx approvazzjoni la mid-Dipartiment ta' l-Artijiet u lanqas mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Hu maħsub li dan ix-xogħol jinbeda s-sena li ġejja.
Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi — Non Council Tasks
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' non council tasks li twettqu mid-diversi distretti fi ħdan id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, kull distrett separatament matul is-sena 1999?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
B'riferenza għall-aħħar inċidenti fatali li seħħew fit-Taqsima tad-Drenaġġ tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, jista' l-Ministru jgħid x'apparat u lbies ta' protezzjoni nxtara matul Jannar u Frar sbiex ikunu protetti aħjar ħajjet il-ħaddiema f'din is-sezzjoni?
Jista' l-Ministru jgħid x'apparat u lbies protettiv inxtara matul l-istess perjodu sabiex jintuża minn ħaddiema ta' dipartimenti oħra fl-istess dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru tiegħu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li d-Dipartiment tad-Drenaġġ bħalissa qiegħed jipprepara 'specifications' biex ikun jista' jixtri l-apparat kollu li hemm bżonn. Dan ix-xogħol issa qiegħed fil-fażi finali u d-Dipartiment dalwaqt ikun f'pożizzjoni li jagħmel l-ordni meħtieġa.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, id-Dipartimenti kollha diġa' xtraw jew qegħdin jixtru l-apparat neċessarju waqt li l-Kunsill Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini (B.I.C.C.) qed iniedi kampanja sabiex tiġi mħarsa s-saħħa tal-ħaddiem fuq il-post tax-xogħol permezz ta' 'Safety Bus'.
Matul l-1999, il-Kunsill nieda kampanji bl-istess għan li kienu jikkonsistu f'billboards u video clips fuq it-televiżjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar minn dawk l-għasafar ta' l-għana illi nqabdu mill-pulizija u li kienu qed jiddaħħlu Malta illegalment dan l-aħħar? Il-każ ġara ġewwa Pembroke/San Ġiljan fejn inqabdet karozza b'aktar minn 1,500 għasfur ta' l-għana.
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-iskop wara l-applikzzjoni PA 0071/00 li għamel id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar fl-Imġarr?
Min ordna li jsir dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PA 71/00 tikkonċerna proposta ta' pavimentar ġdid fiz-zuntier tal-knisja ta' l-Imġarr f'Malta.
Il-proġett huwa inizjattiva bejn it-Taqsima tax-Xogħlijiet u l-Kunsill Lokali ta' l-Imġarr.
Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni — Non council tasks
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' non council tasks li wettaq id-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manuntenzjoni matul is-sena li għaddiet (1999)?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li n-'non-council tasks' li wettaq id-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni matul is-sena 1999 huma dawn:
Direct Labour
-------------
1. Il-Berġa ta' l-Italja.
2. Ex-Parcel Post Office.
3. Manutenzjoni u alterazzjonijiet fl-Istitut Soċjali ta' Santa
Venera u l-Belt Valletta.
4. Manutenzjoni u alterazzjonijiet f'diversi uffiċini Governattivi
bħal Taxxi Interni, Dipartiment tal-Kummerċ (Lascaris), CPS eċċ.
5. Restawr u tiswijiet fi strutturi perikolużi bħal fil-Barrakka
ta' Fuq, l-Ospizio eċċ.
6. Manutenzjoni u alterazzjonijiet fil-Palazzi ta' San Anton,
il-Belt u tal-Verdala.
7. Diversi xogħlijiet ta' 'plumbing' f'ta' Kandja, Residenza
taċ-Ċiniżi (Ħal-Far), il-Palazz tal-Girgenti u fil-Ġonna ta'
San Anton.
Project Management
------------------
1. Xogħlijiet ta' 'refurbishment' fil-blokk ta' Ħal-Far.
2. Bini ta' 'Headquarters' u 'Gymnasium' f'Ta' Kandja
għall-Protezzjoni Ċivili.
3. Uffiċini ġodda fl-Universita' tal-Qroqq għall-'International
Maritime Law'.
4. Ċentru tal-'Micropropogation' f'Ħal-Lija.
5. Kostruzzjoni u 'finishing' ta' mħażen f'San Pawl il-Baħar
għall-agrikoltura.
6. Lock-Ups u uffiċini għall-Pulizija l-Furjana.
7. 'Refurbishment' ta' l-iskola tal-Gvern ta' Sliema.
8. Ċentru Informazzjoni (Malta EU).
9. L-Uffiċini Postali tal-Belt ġie mibdul fi Stazzjon tal-Pulizija.
10. Latrina Pubblika fi Triq San Tumas, il-Marsa.
11. Id-Dar ta' l-Anzjani, Bormla.
12. Id-Diviżjoni tan-nisa, Kordin (YOURS).
13. Il-Berġa ta' l-Italja.
14. Id-Dipartiment ġdid ta' l-Istatistika, Lascaris il-Belt.
15. Il-Proġett ta' Buġibba - it-tieni fażi.
16. Ċentru tal-'Fire Station', ix-Xemxija.
Marine
------
1. Xogħlijiet ta' Embellishment fin-Nofs in-Nhar ta' Malta.
2. Xogħlijiet ta' estensjoni f'Xatt it-Tiben.
3. 'Project Management' fl-Iżvilupp tal-Moll taċ-Ċirkewwa.
4. Qtugħ ta' blat bejn Kordin u d-Drydocks.
5. Xogħlijiet ta' 'upgrading', Marsascala.
Supporting Services
-------------------
Is-Sezzjoni tal-Qatran firxu 6612-il metru kwadru f'diversi siti u lokalitajiet.
1. L-Isptar Monte Carmeli.
2. L-Imħażen ta' Drenaġġ.
3. Il-Kumpless ta' Ċiniżi (Ħal-Far).
4. Il-Miżbla ta' l-Imrieħel.
5. Villa Francia, f'Ħal-Lija.
6. L-Istazzjon ta' Kontra l-Ħruq, ix-Xemxija.