Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 16147 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Kompetittivita' u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid ġiex identifikat is-sit fejn sejra ssir is-slipway ġewwa Pembroke? Hemm xi indikazzjoni meta ser isir dan u jekk hux se jkun hemm konsultazzjoni mal-kunsill lokali dwar dan? Jekk ġie identifikat is-sit, saret talba lill-MEPA għall-permessi meħtieġa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li ma għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13717 li kienet tikkonċerna l-istess suġġett.
Jista' il-Ministru jispjega fil-qosor il-kunċett ta' bring in sites?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kunċett ta' bring-in site hu 'sit jew post viċin il-pubbliku b'erba' kontenituri fejn wieħed jista' jiddisponi fuq bażi volontarja minn skart domestiku riċiklabbli. Kull bring-in site ikollha kontenitur abjad għall-karti, kontenitur iswed għall-metall, kontenitur blu għall-plastik u kontenitur kannella għall-ħġieġ.’ Il-bring-in sites huma maħsuba għal skart riċiklabbli domestiku biss. Skart goff riċiklabbli li ma jidħolx fil-bin m’għandux jiġi depożitat fi bring-in site jew jitħalla madwar il-bins.
Jista' il-Ministru jispjega fil-qosor x'tip ta' arranġamenti saru mal-Kunsilli Lokali biex jibdew joperaw il-bring in sites?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent, kull Kunsill ġie allokat is-somma ta' LM1,500 sabiex jintroduċi l-ewwel bring-in site. Il-kumpanija WasteServ Malta Co Ltd inkoraġġiet lill-Kunsilli Lokali kollha sabiex jingħaqdu f'reġjuni skond is-sistema eżistenti tad-dawl, biex jiffaċilitaw l-operat tal-bring-in sites u l-ispiża tkun waħda realistika minħabba l-economies of scale. Il-kumpanija WasteServ Malta Co Ltd ħadet il-kuntratti li tissuplixxi u topera l-bring-in sites wara sejħa għall-offerti.
Jista' il-Ministru jgħid din is-sena kemm fil-fatt kienet il-produzzjoni lokali tat-tadam f'Malta u Għawdex separatament għall-industrija ta' l-ipproċessar lokali ta' l-istess sors? Jista' jinformana bl-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jinformana, skond il-pjan tal-gvern, meta pajjiżna se jilħaq il-produzzjoni ta' 27,000 tunnellata ta' tadam għall-ipproċessar matul l-2006, 2007, 2008, 2009?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li s-27,000 tunnellata hija in-'national processing threshold' li ġie nnegozjat ma’ l-Unjoni Ewropea. Permezz tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, is-settur tat-tadam ta’ l-ipproċessar lokali jista' jibbenefika minn għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea taħt il-Common Market Organisation diment li l-produzzjoni ma teċċedix 27,000 tunnellata. L-ammont ta' tadam li jiġi pproċessat kull sena hu determinat minn diversi fatturi fosthom il-varjetà tat-tadam, il-kwalità u l-effiċjenza fi produzzjoni. Iżda fuq kollox, l-operat tal-proċessuri u jekk dawn iridux jużaw tadam lokali fil-produzzjoni kif ukoll id-domanda għall-prodotti magħmulin minn tadam lokali.
Jista' il-Ministru jgħid min kien responsabbli mit-tħejjija ta' l-iskema ta' l-export refund fis-snin 2004 u 2005?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Membru li l-Aġenzija tal-Pagamenti kienet u għadha responsabbli mit-tħejjijiet ta’ l-iskemi ta’ l-export refund għas-snin 2004 u 2005.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15865 u jgħid jekk fil-ħruġ ta' permessi għall-bini ta' vilel, fejn illum hemm il-Ulysses lodge fuq ir-Ramla l-Ħamra f'Għawdex, il-MEPA iggwidatx ruħha mill-pjan strutturali, partikolarment RC04, RC021, RC029, SET 11, SET12 u PLP20? Jista' jagħti dettalji kif kull policy minn dawn se tiġi mħarsa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li :
1. Il-permess li inħareġ fuq is-sit fejn illum jinstgħab il-Ulysses Lodge u "Outline Development Permission" għat-twaqqiegħ tal-kumpless eżistenti u l-kostruzzjoni ta’ kumpless turistiku li jikkonsisti minn vilel bil-pool.
2. Il-Policy tal-Pjan ta' Struttura RCO 4 tirrigwarda il-ħarsien ta’ l-impatt viżwali ta' l-iżvilupp. Fid-deliberazzjoni tagħha, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) rat li l-kumpless eżistenti kien eżempju tipiku ta’ żvilupp li jħassar il-veduti fuq żona ta "scenic value", u li l-kumpless propost kien qiegħed inaqqas dan l-impatt b'mod sostanzjali.
3. Il-Policy tal-Pjan ta' Struttura RCO 21 tirrigwarda żvilupp fuq żoni li huma suġġetti għall-erożjoni. Għalkemm is-sit in kwestjoni kien diġa żviluppat, b'ħafna tqattiegħ u rdim ta’ materjal fil-passat, xorta waħda l-applikant intalab jagħti żewġ rapporti minn konsulenti indipendenti; wieħed fuq l-istat tal-ġeoloġija u l-idro-ġeoloġija tas-sit u l-inħawi, u ieħor, li jorbot ma’ l-ewwel rapport, fuq il-metodoloġija ta' kostruzzjoni, u kif din sejra tevita l-erożjoni ta' l-art madwar is-sit. L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kienet soddisfatta b’dawn ir-rapporti, u għamlet kundizzjonijiet fuq l-immaniġġjar ta’ l-ilma tax-xita li jinġabar mis-sit, sabiex dan ma jikkawżax dannu għall-irdum tat-tafal.
4. Il-Policy ta' l-Pjan ta' Struttura RCO 29 tirrigwarda il-ħarsien ta' żoni ambjentali fuq ir-riħ ta' widien. Din il-policy għandha l-għan li ma tħallix żvilupp ta' art ġdida f'dawn it-tip ta’ siti. Is-sit in kwestjoni kien diġà zviluppat, u għalhekk ma jmurx kontra din il-policy.
5. Il-Policies ta' l-Pjan ta' Struttura SET 11 u SET 12 jirrigwardaw żvilupp ġdid barra miż-żona ta' l-iżvilupp. SET 11 tidentifika t-tipi ta' żvilupp li jistgħu jsiru f'dawn iż-żoni. SET 12 titfa’ l-oneru fuq l-applikant li jiġġustifika żvilupp barra miż-żona ta' l-iżvilupp, u għal daqstant sabiex tiġi ssuperata l-policy SET 11. F'dan il-każ, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħasset li kien hemm biżżejjed ġustifikazzjoni għal dan l-iżvilupp billi kien hemm diġa żvilupp preżenti li kien qiegħed jaffetwa ħażin il-valur xeniku tar-ramla, u billi l-iżvilupp propost kien sensittiv ħafna aktar minn dak eżistenti.
6. Fil-każ tal-Policy PLP 20, din hija sussidjarja għall-policies tal-Pjan ta' Struttura, u tirrigwarda aktar l-bini ta’ residenzi agrikoli.
B'riferenza għar-rispsta ta' mistoqsija parlamentari 16150, jista' il-Ministru jispjega kif kien hawn parkeġġ meta f'din l-area ma stajtx tipparkja?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-bankini kienu jintużaw għall-parkeġġ fuq iż-żewġ naħat matul il-Ħdud. F'dan is-sens, illum, il-parkeġġ huwa limitat għal fuq naħa waħda tat-triq.
Jista' il-Ministru jgħid x'qed iżomm lill-MEPA milli tesegwixxi l-enforcement notice li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li ilu pendenti mill-1999?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) mhiex qegħda f'pożizzjoni li tieħu azzjoni diretta mingħajr ma ikun hemm assistenza mill-Awtorità dwar it-Trasport. Intervent immedjat jista’ jirriżulta f’periklu għall-pubbliku in ġenerali. L-Awtorità diġa għamlet laqgħa ma' l-Awtorità dwar it-Trasport biex tipprova issib soluzzjoni u tiġi ffurmata it-triq in kwistjoni.
Dipartiment ta' l-agrikoltura — Reġistrazzjoni ta' annimali
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn tjur, baqar, nagħaġ, mogħoż, żwiemel u annimali oħra reġistrati mad-dipartiment ta' l-agrikoltura llum?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li :-
In-numru ta’ bovini huwa ta' 19,000
In-numru ta’ Kaprini/Ovini huwa ta' 15,000
In-numru ta' broilers huwa 743,500
In-numru ta' layers huwa 575,500
Ma jinżammux figuri dwar żwiemel u annimali oħra
Kif wieħed jista' jissoponi dawn il-figuri jistgħu jinbidlu minn ġurnata għall-oħra minħabba qtil, imwiet etċ.
Jista' il-Ministru jinformana kemm kien il-prezz medju ta' l-għasel fl-ewwel disa' xhur tas-sena f'Malta u Għawdex separatament at farm gate level?
Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Mill-istatistika ta’ xi sentejn ilu li ħarġet min-National Statistics Office (NSO) il-prezz medju tal-għasel kien jammonta għal Lm 4.72/kg, u il-prezz medju ta’ din is-sena kien ta’ Lm 5.50/kg. Fuq is-suq il-prezz tal-għasel idur bejn il-Lm5-Lm7 il-kilo, u dan il-prezz ilu hekk għal diversi snin. Ma ssirx distinzjoni bejn Malta u Għawdex f’dan ir-rigward, u dawn il-figuri huma għal għasel Malti/Għawdxi biss. Fil-fatt, fis-suq hemm ħafna għasel, "jew hekk imsejjaħ għasel" li jinbiegħ ħafna orħos.
Jista' il-Ministru jinformana kemm kien il-prezz medju taċ-ċanga friska fl-ewwel disa' xhur tas-sena f'Malta u Għawdex separatament at farm gate level?
Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Jista' il-Ministru jinformana jekk ġietx investigata l-aħħar sitwazzjoni fejn tiġieġ ġew importati b'dump price b'riżultat li l-produzzjoni lokali ġiet affettwata? Jekk fin-negattiv, jista' jinvestiga?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-Ministeru kontinwament, permezz tas-Servizzi Veterinarji jagħmel monitoraġġ tal-prezzijiet u kwantitajiet ta’ prodotti ta’ tiġieġ. Issir analiżi regolari ta’ prezzijiet ta’ prodotti jew ‘landed prices’. Mill-analiżi li saret riċentement, il-Ministeru ħa passi biex jinforma lill-Ministeru tal-Kompetizzjoni biex jinvestiga dawn il-prezzijiet. F’dan il-kuntest, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-file tat-tender, għall-promozzjoni tal-prodotti agrikoli li ħareġ il-Ministeru, li rriferejt għaliha jien fid-diskors tal-budget, u dan in vista tal-fatt li mhux jien biss ikkummentajt fuq dan il-każ imma saħansitra ġurnali lokali taw prominenza kbira lil dan il-każ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-Onor. Interpellant jaf li mhux possibbli li files governattivi jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra. Madankollu, ma nsib l-ebda diffikultà li l-Onor. Interpellant jingħata aċċess sabiex imur id-Dipartiment ikkonċernat biex jara l-informazzjoni kollha li jixtieq.
Jista' il-Ministru jgħid matul din is-sena kienx hemm uffiċjali, diretturi, eċċ. li ngħataw extension sabiex wara l-61 sena jkomplu jservu d-dipartiment? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid xi kwalifiki għandhom u x'kienu r-raġunijiet? Jista' jinformana bl-istess informazzjoni għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2005 kien hemm uffiċjal wieħed biss li ngħata extension sabiex jibqa’ jservi d-dipartiment wara l-61 sena. Dan għandu l-Advanced National Certificate in Agriculture. Ir-raġuni hija sabiex dan ikompli jaqdi dmirijietu bħala l-Kap tas-Segretarjat.
Matul dawn l-aħħar ħames snin kien hemm tliet uffiċjali li ngħataw estensjoni wara l-61 sena.
Sena
Grad
Kwalifiki
Ragunijiet
2000
Officer in Grade 5
Not available
Esperjenza u tagħrif dwar l-esportazzjoni tal-patata
2004
Senior Technical Officer
Nil
Esperjenza fil-manutenzjoni u
fault finding
fis-sistemi tar- refriġerazzjoni
2004
Senior Fisheries Officer
Nil
Esperjenza fil-qasam tal-
Fisheries Protection
Jista' il-Ministru jgħid fejn waslu l-ħolqien ta' marine conservation areas, post b'post? Liema postijiet fil-baħar ta' madwar il-gżejjer Maltin huma indikati biex jibdew jitqiesu bħala marine conservation areas? X'se jkun permess u mhux permess li jsir f'dawn il-marine conservation areas?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ninforma lill-Onor Membru li bħalissa qed isir xogħol fuq tlett inħawi bil-għan li dawn ikunu Żoni Marittimi ta’ Konservazzjoni (Marine Conservation Areas). Dawn, u tagħrif dwarhom huma:
1. Iż-żona ta’ Rdum Majjiesa sa Ras ir-Raheb Għandi l-pjaċir ngħid li din iż-żona ġiet varata nhar il-Ġimġħa 18 ta’ Diċembru, 2005 f’konferenza stampa illi saret Għajn Tuffieħa fejn kienu mistiedna l-mezzi tax-Xandir u ta’ l-istampa. Matul din il-konferenza stampa, ingħata tagħrif lill dawk kollha interessata fuq:
a. Id-dikjarażżoni ta’ din iż-żona bħala Żona Speċjali ta’ Konservazzjoni li dehret fil-gazzetta tal-ġvern bħala Avviż tal-Gvern numru 1138/2005 li ġiet ippubblikata wkoll fit-18 ta’ Novembru 2005.
b. Ix-xogħol xjentifiku li sar fiż-żona permezz ta’ l-għajnuna ta’ l-Unjoni Ewropea u anki permezz tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Mediterran.
c. U wara numru ta’ laqgħat ma’ diversi entitajiet, fosthom Organizzazjonijiet mhux Governattivi Volontarji (NGOs) li ġew mistiedna, u li kollha kellhom iċ-ċans jattendu u jgħatu l-kummenti tagħħom, ġie wkoll varat qafas ta’ immaniġġjar taż-żona, li ġie approvat mill-Bord ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fejn hemm indikat il-miżuri ta’ ħarsien differenti li ser tinġħata lill-din iż-żona.
d. Barra minn hekk, matul din il-konferenza stampa ġie wkoll varat DVD edukattiv u informattiv ta’ madwar 20 minuti li juri għaliex intgħażlet din iż-żona u jispjega b’mod popolari r-rikkezzi ta’ din iż-żona. Għal aktar informazzjoni nitlob lill-Onor. Membru jidħol fuq il-website ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) www.mepa.org.mt.
2. Id-Dwejra, Għawdex. Wara konsultazzjoni mal-pubbliku u ma’ entitajiet interessati, ġie mfassal Pjan dwar din iż-żona. Dan ġie approvat mill-Bord ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Dan il-Pjan jgħati tagħrif ukoll fuq l-attivitajiet li jistgħu jsiru u kif dawn jistgħu jsiru. Dan il-proġett tnida permezz ta’ fondi tal-LIFE ta’ l-Unjoni Ewropea u qiegħed jitmexxa man-NatureTrust u World Wildlife Fund – Italia (WWF), Organizzazzjoni mhux Governattiva Volontarja, flimkien ma’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA), il-Kunsill Lokali ta’ San Lawrenz, u l-Ministeru għal Għawdex.
3. Il-ġżira ta’ Filfla. Kif jaf l-Onor. Membru, Filfla hija diġa mħarsa bħala Riserva Naturali, u ilha ħekk sa mill-1988. Imma għandi l-pjaċir inżid illi anki hawn inbeda studju, wkoll bill-għajnuna strutturali tal-Unjoni Ewropea. Beda l-proċess għall-studju fuq il-baħar ta’ madwar il-gżira ta’ Filfla, wara sejħa ppublika, u minn dan it-taġħrif ikun jista’ jitfassal abbozz ta’ pjan ta’ immanniġġar għad-diskussjonijiet ma’ dawk il-partijiet soċjali kollha interessati.
Affarijiet Rurali u Ambjent — Kuntratti ta' Konsulenza
Question
Jista' il-Ministru jgħid liema dipartimenti governattivi jew enti pubbliċi taw kuntratti ta' konsulenza lill-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament matul l-2004 u l-2005? Kemm kienet l-ispiża ta' dawn il-kuntratti, wieħed wieħed, f'dawn is-snin? Jista' jgħid liema dipartimenti governattivi u enti pubbliċi taw kuntratti ta' konsulenza lill-kumpannija Island consultancy services matul l-istess medda ta' żmien u kemm kienet l-ispiża ta' dawn il-kuntratti f'dawn is-snin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li qatt ma saru pagamenti lill-Island Consultancy Services Ltd minn dan il-Ministeru u d-Dipartimenti li jaqgħu taħtu.
Min-naħa l-oħra, matul l-2004 u l-2005 l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ikkummissjonat lis-sur Gordon Cordina konsulenza fuq l-analiżi ekonomika ta’ l-użu ta’ l-ilma tal-wiċċ (Economic analysis of surface water uses) skond Artiklu 5 u l-Annex III ta’ l-Avviż Legali 194/2004. Il-prezz għal din il-konsulenza jammonta għal Lm5,000 u jinkludi l-VAT.
Matul l-istess medda ta' żmien, ma ngħata l-ebda xogħol lill-kumpanija Island Consultancy Services Ltd.
Kif ukoll ninsab infurmat li l-kumpanija WasteServ Malta Limited ma kellha l-ebda kuntratt ta' konsulenza mas-Sur Gordon Cordina u/jew ma’ l-kumpanija Island Consultancy Services Ltd.
Jista' il-Ministru jinformana jekk il-parti ta' Triq Gino Muscat Azzopardi, Tas-Sliema fejn hemm il-ġonna, hijiex se titħalla tinbena fi dwellings u bi dħul mill-istess triq? Jekk fl-affermattiv, u allura tkun l-ewwel darba b'dan il-mod, hux se tkun preċedent għal tul it-triq kollha?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Membru li l-uniku informazzjoni li setgħet tinġabar fuq dan is-sit hija li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) irċeviet talba sabiex jinbidlu s-soqfa (PA 3781/04). It-talba ġiet milqugħa fit-28 ta' Lulju 2004.
Jista' il-Ministru jinformana kemm kien il-prezz medju tal-bajd f risk fl-ewwel disa' xhur tas-sena f'Malta u Għawdex separatament at farm gate level?
Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Jista' il-Ministru jinformana kemm kien il-prezz medju tal-majjal f risk fl-ewwel disa' xhur tas-sena f'Malta u Għawdex separatament at farm gate level?
Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?