Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għajnuna Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jgħaddu separatament tingħata l-għajnuna soċjali mill-aktar fis peress li r-raġel tagħha safa bla xogħol wara kumplikazzjonijiet li sofra wara inċident tat-traffiku

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-talba għall-Għajnuna Soċjali tal-persuna ndikata minnu kienet waħda li taqa' taħt l-provvediment ta' l-artikolu 128 ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. Dan ifisser li din it-talba ġiet mistħarrġa mill-Bord għall-Għajnuna Soċjali. Il-Bord ċaħad it-talba. Nfakkar l-Onor. Interpellant li deċiżjoni ta' dan il-Bord mhix appellabbli, u li dan il-Bord, li fuqu hemm żewġ Membri Parlamentari, wieħed minn kull naħa tal-Kamra jirregola l-proċeduri tiegħu nnifsu. Għaldaqstant mhux indikat li jsir xi intervent minn naħa tiegħi kif qed jitlob l-Onor. Interpellant. Il-persuna ndikata tista' terġa titlob reviżjoni tal-każ lill-Bord.

Għaqdiet Filantropiċi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma li persuni li għandhom fuqhom reġistrati każini tal-baned jew politiċi jistgħux jirreġistraw fuq l-ewwel parti meta ma jkollhomx xogħol billi dawn ma għandhomx liċenzja kummerċjali iżda waħda filantropika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Housing — Msida

Question

Jista' l-Ministru jgħid billi l-familja li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament ġiet notifikata mill-planning authority li l-fond li qed tgħix fih jinsab għat-twaqqiegħ tistgħax tgħid jekk dawn humiex ser jingħataw akkommodazzjoni alternattiva xierqa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali għandu d-dmir joffri akkomodazzjoni alternattiva f'kull każ meta xi inkwilin jinħareġ minn daru għal proġett tal-Gvern.

Pensjoni — Naxxar

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex u għal kemm żmien jekk hu l-każ, il-persuna anzjana li ismha qiegħed jingħata separatament, qed ikollha l-pensjoni tagħha mnaqqsa minn Lm177.804 għall Lm123.93 jiġifieri Lm53 u aktar fix-xahar? Jarax il-Ministru li dan it-tnaqqis huwa wieħed eżaġerat meta tikkumpara dak li effetivament għandha bħala pensjoni. Jarax li dan għandu jiġi rivedut mill-aktar fis?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li d-dħul totali tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant, inkluż dak mill-kapital li għandha, hu ta' l-anqas ekwivalenti għar-rata ta' pensjoni ta' l-eta' mhux kontributorja. Jekk din il-persuna tagħżel li mill-kapital li għandha tħallas il-bilanċ dovut f'daqqa, r-rata tal-pensjoni terġa' tibda titħallas bir-rata sħieħa.

Pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ tal-persuna li isimha qiegħed jintbagħat separatament, peress li għaliex kellha Lm400 żejda fuq l-ammont ta' Lm4000 il-pensjoni tal-mard tagħha qiegħda tiġi mnaqqsa b'ammont li bil-pensjoni li qed tieħu ma tistax tlaħħaq mal-ħajja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ser tkun ħallset l-ammont dovut kollu fi żmien qasir ħafna u għaldaqstant ma nħossx il-ħtieġa li f'dan l-istadju jsir xi tibdil fir-rata stabbilita tar-rifużjoni.

Refużjoni

Question

Jista' l-Ministru jinforma lil persuna li isimha qed jintbagħat separatament kif id-dipartiment wasal sabiex talab refużjoni fuq ħlas żejjed ta' il-fuq minn Lm 1680

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tas-Sigurta' Socjali invarjabilment jinforma lill-persuna konċernata meta jirriżulta ħlas żejjed. Dan ġara wkoll fil-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant. B'danakollu, jekk il-persuna ndikata għad għandha xi dubju kif irriżulta l-ħlas żejjed fil-każ tagħha, għandha tavviċina l-uffiċjali fl-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment biex tiċċara dan id-dubju.

Communications Coordination

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jingħata xi appointment ġdid fil-communications coordination? Jekk fl-affermattiv, saru sejħiet pubbliċi għal dawn il-postijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-post vakanti ta' Communications Co-ordinator ma' l-Awtorita' dwar is-Saħħa u s-Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol, ninfurmaħ li saret sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet għal dan il-post wara li nħareġ il-permess meħtieġ mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ. Ninsab infurmat li l-proċess li l-għażla ġie finaliżżat u l-persuna magħżula mistennija tidħol f'din il-kariga wara li tittermina l-perijodu ta' notice fil-post fejn qed taħdem.

Health and Safety Authority

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm sewa l-post tal-Cash for Cancer Foundation fi G'Mangia li nxtara mill-Ministeru u li huwa intenzjonat biex iservi bħala uffiċini għall-Health and Safety Authority

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 34360 f'Seduta Numru 763.

ETC

Question

Qabel ma' tiġi varata skema ġdida fl-ETC, x'tip ta' evalwazzjoni qiegħda ssir, jekk qegħda minn min? Jista' jgħid jekk ġewx varati skemi ġodda mill-aħħar estimi 'l hawn? Jekk fl-affermattiv, x'kienu dawn u x'tip ta' studji seħħu qabel ma ġew varati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi kull skema li tintroduċi l-ETC issir wara evalwazzjoni u studju tal-'client group' li tkun qed timmira li tilħaq. L-istudji jsiru internament mid-diviżjoni li taħtha taqa' l-iskema. Fl-istudju li jsir jiġi identifikat il-profil tal-parteċipanti, kif dawn jistgħu jiġu megħjuna biex isibu mpjieg u jistax jintlaħaq l-oġġettiv. Issir wkoll evalwazzjoni ta' l-ispiża. Mill-aħħar estimi 'l hawn, l-ETC varat it-Training and Employment Exposure Scheme li hi mmiratha lejn dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol ta' l-fuq minn erbgħin sena. Qabel l-ETC introduċiet din l-iskema, sar studju ntern dwar dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol u għandhom aktar minn erbgħin sena. Barra l-istudji nterni, sar ukoll studju komparattiv ma' xi jsir f'pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropeja fuq 'activation measures'. Barra minnhekk il-Korporazzjoni ħadet inizjattivi oħra biex ittaffi n-nuqqas ta' nies bis-sengħa fil-qasam tal-kostruzzjoni. Il-Korporazzjoni għamlet proċess sħiħ biex tipprova ssib nies tas-sengħa minn fost dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol. Wara dan l-eżerċizzju, il-Korporazzjoni nehdiet dawn iż-żewġ traineeships wara konsultazzjoni mal-Federazzjoni tal-Kuntratturi tal-Bini u wara talba għan-nies mingħand employer partikolari. Il-Korporazzjoni nehdiet traineeships fil-qasam ta' l-informatika wara li kellha informazzjoni mingħand min iħaddem li qed isibha diffiċli biex isibu nies kwalifikati fil-qasam tal-informatika. Wara diversi konsultazzjonijiet ma' min iħaddem, l-ETC ħolqot traineeships f'dan il-qasam biex tissodisfa d-domanda li hawn fis-suq.

Awtorita` għas-Saħħa u Sigurta`

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm staff bħalissa fl-Awtorita` għas-Saħħa u Siġurta` fuq il-post tax-xogħol? Jista' jelenka l-persuni individwalment bil-grad li għandhom? Jista' l-Ministru jipprovdi dettalji dwar pagi u allowances u fringe benefits oħra li għandhom dawn il-persuni ? Jista' jgħid minn liema job/fejn kien jaħdem kull individwu li s'issa ġie assunt fi ħdan l-Awtorita`?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.

Social Workers/Psikologi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma l-Kamra f'liema stadju wasal l-Abbozz ta' Liġi li jirregola diversi professjonijiet li primarjament jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Politika Soċjali, bħalma huwa s-social workers u l-psikologi? Jista' jagħti indikazzjoni meta se jitressaq dan l-abbozz?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq l-abbozzi ta' liġi li rrefera għalihom jinsab fi stadju avvanzat. Huwa ppjanat li dawn l-abbozzi jitressqu quddiem il-Parlament qabel l-aħħar ta' din is-sena.

Awtorita` tad-Djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qegħdin jingħataw separatament hiex intitolata għall-għotja għall-irranġar tad-dar tagħha għax tinsab fi stat strutturali perikoluż, skond skema ta' l-Awtorita` tad-Djar għall-Inkwilini peress li din il-persuna kienet diġa ħadet għajnuna skond skema SHD 15A fl-1994?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant jista' jkun li tibbenefika mill-iskema eżistenti għall-irranġar tad-dar tagħha, iżda mis-somma massima li tiġi approvata jitnaqqas l-ammont ta' flus li rċeviet taħt l-iskema SHD 15A li diġa' bbenefikat minnha. Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna ndikata biex tavviċina l-Customer Care Section ta' l-Awtorita' tad-Djar għal aktar informazzjoni.

Twaqqigħ ta' Bini

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta ser jitwaqqa l-bini fi Triq l-Argotti kantuniera ma' Triq l-lljun Floriana u fi Triq il-Kapuċċini, Floriana

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-proġett ta' Triq Kapuċċini, Floriana huwa imminenti li jibda. Fadal xi problema ma min qed jokkupa xi bini u kif din tissolva, l-proġett ikun jista' jibda mill-ewwel. Il-progett ta' Triq l-Argotti ma' Triq l-Iljun wasal ukoll fi stadju avvanzat li jibda u huwa mistenni li t-twaqqih jibda wara Ottubru 2002. Irrid infakkar li d-dewmien ghal dan il-proġett seħħ minħabba li l-Gvern b'impenn lejn il-Furjana kabbar dan il-proġett ħafna iktar minn dak originali.

Housing — Lift

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex qed jingħad li fil-każ ta' l-installazjoni tal-lift f'24 Triq Sant'Anna, Floriana, filgħodu ma jistax jintuża l-lift għax m'hemmx biżżejjed vultaġġ? Peress li dan hu ta' inkonvenjenza kbira għal xi persuni b'diżabilita`, tista' titranġa s-sitwazzjoni mill-aktar fis?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar kienet irreferiet il-problema ndikata mill-Onor. Interpellant lill-Enemalta. Infurmat ukoll li t-tiswijiet meħtieġa tlestew dan l-aħħar u l-problema ġiet riżolta.

Monument tal-Gran Mastru Manuel De Vilhena

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid skond ir-records tal-Kamra tad-Deputati, mindu kien ġie mċaqlaq il-monument tal-Gran Mastru Manuel de Vilhena mill-Mall għall-Pjazza Pope Giovanni XXIII fil-Furjana fl-1989, kemm-il mistoqsija parlamentari saret f'dan il-parlament dwar dan il-monument hekk importanti? Min għamilhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab informat li mir-records tal-Kamra tad-Deputati jirriżulta li bejn l-1989 u l-2002 l-għadd ta' mistoqsijiet parlamentari li saru dwar il-monument tal-Gran Mastru Manuel de Vilhena kien ta' 20. Dawn saru mill-Onor. Herman Farrugia, l-Onor. Reno Calleja u l-Onor. Jean Pierre Farrugia.

Housing — Skema V

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid rigward l-appartamenti kollha fil-Belt u fil-Floriana li l-inkwilini tagħhom applikaw għal skema V: 1) kemm hi wiesgħa t-tromba tat-taraġ każ b'każ?? 2) f'liema każijiet hemm alternattiva oħra li jiġi stallat lift? F'kull każ x'inhi din l-alternattiva? 3) f'liema każijiet jista' jiġi stallat lift permezz tal-bitħa? Ta' min hi l-bitħa u l-arja tagħha f'kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita' tad-Djar irċeviet 59 applikazzjoni biex jiġu nstallati lifts fi blokki tal-Gvern fil-Belt u fil-Furjana. Normalment, jekk hu possibbli, l-lift jiġi akkomodat fit-tromba tat-taraġ. Dan ikun possibbli fejn it-tromba tat-taraġ ikollha wisgħa ta' 2.8 metri fejn inħallu wisgħa ta' 90 ċentimetru għal kull indana tat-taraġ u minimu ta' metru għall-lift. Kull każ jiġi mistħarreġ il-possibilita' li jiġi nstallat lift anki f'bitħa, dejjem bl-approvazzjoni ta' l-Awtorita' tal-Ippjanar u tal-proprjetarji li f'dawn il-każijiet hu d-Dipartiment ta' l-Artijiet li ġeneralment jikri l-appartamenti nkluż ħwienet, garaxxijiet, clubs u mħażen taħt il-blokki lil terzi persuni. Jekk l-Onor. jixtieq aktar dettalji dwar każ partikolari hu mitlub jispeċifika l-blokk sabiex jingħata t-tagħrif meħtieġ.

Skema V

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid dwar liema appartamenti tal-Gvern fil-Floriana u fil-Belt f'xi żmien kien intqal li l-inkwilini se jgawdu mill-Iskema V u wara ġiet mibdula d-deċiżjoni? Għaliex ġara dan każ b'każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 34952 f'din l-istess Seduta, ninfurmah li l-applikazzjonijiet għall-installar ta' lifts fi blokki tal-Gvern jiġu kkunsidrati kollha iżda ovvjament mhux dejjem possibbli tinsab soluzzjoni adekwata partikolarment dwar problemi tekniċi. Għalhekk mhux il-każ li wieħed jgħid li l-inkwilini b'xi mod ġew mgħarrfa li se jgawdu minn din l-iskema u wara tinbidel din id-deċiżjoni.

CDAU

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm tfal b'diżabilita` intelletwali bħalissa li qed jużaw is-servizz tac-Child Development and Assessment Unit (CDAU)? Kif huma mqassma skond l-eta`, subien u bniet? Liema huma s-servizzi li jingħataw lil dawn it-tfal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru għas-Saħħa.