Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament se tieħu lura l-arma tan-nar li hija miżmuma mill-pulizija wara li nqatatlu l-kawża mill-Qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-arma tan-nar imsemmija mill-Onor. Interpellant mhix qiegħdha għand il-Pulizija, billi din l-istess arma kienet ġiet eżebita quddiem il-Qorti nhar it-8 ta` Novembru 2000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li allegatament wettqu xi reat konness mar-regolament tal-kaċċa u nsib is-sena l-oħra? X'reat allegatament wettqu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000, il-Pulizija qabdet 326 persuna bi ksur tar-Regolamenti ta` l-1993 dwar il-Ħarsien ta` l-Għasafar u tal-Fenek Selvaġġ; Regolamenti ta` l-1993 dwar l-Għasafar u l-Fenek Selvaġġ (Dikjarazzjoni ta` Speċi Protetti u Riżervi Naturali) u l-Ordinanza dwar l-Armi (Kap. 66).
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ngħataw liċenzja ġdida għal kaċċa kull sena f'dawn l-aħar ħames snin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant beda jinżamm taħt forma kompjuterizzata mill-1998 u huwa kif ġej:-
1998 - 480
1999 - 429
2000 - 413
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li għandhom permess "to keep a fire arm", kemm hemm persuni li għandhom permess to carry a fire arm for sporting purposes?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi fil-preżent in-numru ta` liċenzji dwar l-armi huwa ta` 20,630 to keep u ta` 11,313 to carry.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-riżultati s'issa tar-ronda li qed tagħmel il-pulizija fl-inħawi ta' l-iskola sekondarja San Ġużepp Ħaddiem fil-Marsa minħabba rapport ta' prostituzzjoni u drogi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bħala riżultat tar-ronda li l-Pulizija għamlet matul dawn l-aħħar xhur fl-inħawi li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant, ħames persuni ġew akkużati quddiem il-Qorti b`reati konnessi ma` prostituzzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir ix-xiri tal-proprjeta' tas-sinjura indikata separatament li ttieħdet għal skop pubbliku?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-file indikat mill-Onor. Interpellant, ma jirriżultax li l-persuna msemmija hija s-sid tal-fond.
Barra minnhekk, hemm indikazzjonijiet illi l-fond li s-suġġett tiegħu huwa l-file indikat, ser jiġi rilaxxat mill-esproprijazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'dokumenti huma meħtieġa mill-Planning Authority sabiex jinbidel ġeneru ta' negozju għal ieħor - change of use?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi applikazzjoni għal "change of use" huwa kkunsidrat bħala "full development". Għaldaqstant id-dokumenti relevanti għal "full development permit" huma dawk applikabbli.
L-Onor. Membru tajjeb ikun infurmat ukoll li teżisti Use Classes Order li fiha l-attivitajiet kummerċjali ġew klassifikati. Jekk l-attivita` hija fl-istess klassi, allura ma jkunx hemm il-ħtieġa ta` full development permit imma trid tintbgħat lill-Awtorita` ta` l-Ippjanar talba akkumpanjata b`kopja tal-aħħar liċenzja mħallsa.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk in-negozji li jintħieġu n-neighbours' consent għal permess?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-neighbours` consent form isir waqt l-ipproċessar ta` talba għal-liċenzja tal-Pulizija dwar xi negozju jew sengħa li jistgħu jdejqu lill-ġirien.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet r-reviżjoni tal-Pjan ta' struttura li tikkonċerna Ħal Għaxaq u l-madwar tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-pjan, li jikkonċerna Ħal Għaxaq u l-madwar tiegħu, li rrefera għalih l-Onor. Interpellant huwa l-Pjan Lokali tan-Nofsinhar. Bħalissa qiegħed isir xogħol ta` survey li huwa neċessarju biex jinħadem il-pjan.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu każi li rriżultaw pożittivi għall-breathalyser test, xahar b'xahar mindu ġie ntrodott dan it-test? Kemm irrifjutaw li jagħmlu dan it-test xahar b'xahar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-25 ta` Mejju, 1998, meta l-emendi għall-Ordinanza dwar ir-Regolamenti tat-Traffiku (Kap. 65) dwar it-testijiet tan-nifs ġew fis-seħħ, sal-31 ta` Jannar, 2001, kien hemm 391 sewwieq li l-Pulizija għamlitlu t-testijiet tan-nifs wara li r-riżultat fl-ewwel test fit-triq kien pożittiv. Minn dan in-numru ta` testijiet, 282 irriżultaw pożittivi filwaqt li 67 persuna irrifjutaw li jagħmlu t-test. F`kull każ fejn ir-riżultat tat-tieni test, ikun pożittiv u dawk li rrifjutaw li jagħmlu t-test, jittieħdu proċeduri quddiem il-Qorti skond il-liġi. Dawn kienu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Peress li ħafna dilettanti Mostin u Rabtin qed ikunu jsuqu il-bhejjem tagħhom f'Ta' Qali, fil-parti tat-triq ta' bejn il-masġar tad-dwieli tal-Meridjana sal-parti tal-parking area tal-MFA, matul is-7.15 a.m. u 8.15 am, liema eżerċizzju huwa bżonnjuż għal saħħet il-bhejjem, jista' l-Ministru jara li jsir il-kordinament mal-pulizija sabiex f'din is-siegħa fil-jum tal-Ħadd tingħalaq din il-parti tat-triq?
Peress li dawn ma jkunux tiġrijiet imma jkunu eżerċizzju normali għall-bhejjem tad-dilettanti, jista' l-Ministru japprezza l-urġenza u jara li jsiru l-arrangamenti meħtieġa ma' -għassa tal-Mosta sa mill-Ħadd li ġej?
Response (BORG, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 13933 u Nru. 22518.
Jista' l-Ministru jgħid x'permessi għandu l-ħanut d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija li jbiegħ regolarment sriep velenużi, kukkudrilli u rettili oħra li persuni oħra ma jitħallewx idaħħlu f'pajjiżna?
Il-pulizija kemm-il darba tul is-sena 2000 u 2001 s'issa marret f'dan il-ħanut biex tara jekk hux kollox qed isir b'mod legali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ħanut imsemmi mill-Onorevoli Interpellant huwa liċenzjat mal-Pulizija bħala pet shop. Infurmat ukoll l-aħħar spezzjoni mill-Pulizija f`dan il-ħanut kienet saret f`Mejju tas-sena l-oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti s-sena l-oħra minħabba moqrija fuq l-annimali? X'tip ta' reat allegatament wettqu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000 kien hemm 15-il każ ta` moħqrija ta` annimali rrapurtati lill-Pulizija li kollha tressqu l-Qorti. Ir-reati li allegatament twettqu kienu ta` moħqrija fuq żwiemel, klieb u qattus, u tjur, kif ukoll qtil ta` qattus.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdet droga s-sena l-oħra u x'tip ta' droga kienet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ammont u t-tip ta` droga li nqabdet mill-Pulizija matul is-sena 2000 hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid xi spezzjonijiet saru matul dan ix-xahar mill-uffiċjali ta' l-awtorita' ta' l-ippjanar f'Għajnsielem biex jissorveljaw lil dawk li bla permess qed joperaw bħala mastrudaxxa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi għalkemm matul Jannar tas-sena 2001 ma sarux spezzjonijiet speċifiċi għal dawk li qed joperaw bħala mastrudaxxa bla permess fil-lokalita` ta` Għajnsielem, irid jingħad li minn żmien għal ieħor jsiru diversi spezzjonijiet għal xogħlijiet diversi li jkunu qed isiru mingħajr il-permessi meħtieġa ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jittieħdu l-passi meħtieġa kontra dawk li qed joperaw bla permess bħala mastrudaxxa f'Għajnsielem?
Dawn il-persuni jgawdu xi immunita' li tħallihom jiksru l-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija f`dawn l-aħħar xhur ma kelliex ilmenti dwar dak li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant. Fil-passat kien hemm ilmenti dwar persuna waħda li kienet saret referenza għaliha f`Mistoqsija Parlamentari Numru 10220. Minn spezzjonijiet li għamlet il-Pulizija, għalkemm fil-garage hemm xi makkinarju, ma nstabx li kien qiegħed isir xi xogħol ta` mastrudaxxa f`dan il-post.
Ninsab infurmat ukoll illi l-Awtorita` ta` l-Ippjanar kienet fetħet każ kontra dan il-mastrudaxxa li kien qed jopera mingħajr il-permessi neċessarji (ECF 886/99). Il-każ jinsab pendenti sabiex tittieħed azzjoni diretta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-trading licence li nħarġet favur il-persuna li isimha qiegħed jintbagħat separatament tinkludiex id-dritt li jsir tisjir fl-isnake bar in kwestjoni?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-permessi għall-catering establishments ma jinħarġux mill-Pulizija iżda mill-H.C.E.B. u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.