Ħal Qormi – Triq il-Biegħa — bini ta’ bankina pedonali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk u meta l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi beħsiebu jibni mill-ġdid il-bankina pedonali fi Triq il-Biegħa f’Ħal Qormi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta hija responsabbli minn toroq arterjali u distributorji u l-asfaltar, għall-ewwel darba, ta’ toroq residenzjali. Din it-triq ma taqax taħt dawn il-kategoriji. Barra minn hekk, il-bini ta’ bankini jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-iżviluppaturi jew residenti.
Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni minnufih biex tiġi riżolta l-kwistjoni tad-dawl biswit il-binja li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li nbniet mill-Awtorità tad-Djar u li tinsab f’żona mdallma ħafna ġewwa l-Imtarfa?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser jinbeda x-xogħol ta’ twessigħ fuq Vjal ix-Xarolla ż-Żurrieq?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa Transport Malta qiegħda tipprepara t-tender għax-xogħlijiet f’din it-triq. Il-bidu tax-xogħlijiet jiddependi fuq il-proċess tal-akwist tal-istess xogħlijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid x’possibbilità hemm li Triq Ħal Far u ċjoè t-triq li twassal miż-Żurrieq għal ħdejn il-Laboratorju tal-Paċi tingħata wiċċ?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-triq imsemmija mhix la arterjali u lanqas distributorja u għaldaqstant ma taqax taħt ir-responabbilta’ ta’ Transport Malta.
Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni minnufih sabiex tiġi indirizzata l-problema tal-ilma li joqgħod quddiem ir-residenza li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u jsir kuntatt mar-residenti li joqogħdu f’din id-dar, bis-soluzzjonijiet possibbli u x’inhuma l-passi li jmiss jittieħdu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta se tindirizza din il-problema fil-ġranet li ġejjin billi tagħmel ix-xogħlijiet neċessarji.
Refund tat-taxxa tal-VAT fuq reġistrazzjoni tal-karozzi — numru ta’ benefatturi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-persuni li bbenefikaw sa issa mir-refund tat-taxxa tal-VAT fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi u kemm tħallsu flus lura?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2014 kien hemm 29,126 persuna li ħadu pagament ta’ Ewro 110 jew ta’ Ewro 55 bħala refund ex-gratia ta’ VAT fuq it-taxxa ta’ reġistrazzjoni tal-vetturi.
Fis-sena 2015 kien hemm 3,336 persuna li ħadu l-ħlas kollu dovut bħala refund ta’ VAT fuq it-taxxa ta’ reġistrazzjoni għall-vetturi reġistrati bejn l-1 ta’ Mejju u Diċembru 2004.
L-ammont totali ta’ persuni li mistennija jibbenefikaw minn din l-iskema jkun magħruf fis-sena 2019 meta jiġu eżawriti l-iskemi kollha.
L-ammont totali li ngħata lura fi flus s’issa kien ta’ Ewro 3,274,480.00 fis-sena 2014, filwaqt li fis-sena 2015 ngħataw l-ammont ta’ Ewro 2,315,847.57.
Transport Malta għandha wkoll allokat baġit ta' Ewro 4.3 miljun għall-għotjiet li ser jitħallsu fil-2016 għal sidien ta’ vetturi li rreġistraw vettura fl-2005.
Transport Malta — sigurtà fil-baħar għall-għawwiema
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma qed issir minn Transport Malta fuq l-infurzar biex tkompli tiżdied is-sigurtà fl-ibħra tagħna, speċjalment għall-għawwiema?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, għalkemm ħadd ma jista’ jassigura sigurta’ lil dawk li jużaw id-dgħajjes u lanqas lill-għawwiema f’kull ħin, biss l-Awtorita’ tagħmel dak kollu possibli biex tgħin sew lill-baħħar biex jidentifika dawk iż-żoni riservati għall-għawwiema, li minnhom issa hawn 49 imferrxin mal-gżejjer Maltin. Fl-istess waqt tappella lill-għawwiema biex kemm jista’ jkun jgħumu ġewwa dawn iż-żoni. Għas-sigurta’ tal-għawwiem, l-Awtorita’ wkoll installat 40 speed marker buoy biex tindika lill-baħħar x’veloċita’ massima jista’ jsuq id-dgħajsa tiegħu f’żona hekk indikata.
Biex tara li r-regolamenti tal-baħar jiġu osservati, uffiċċjali mit-taqsima marittima ta' l-infurzar mid-Direttorat tal-Ports & Yachting jagħmlu patrols matul ix-xtut u l-portijiet fuq bażi regolari u jieħdu azzjoni kif meħtieġ kontra min jabbuża.
L-Awtorita’ tagħmel ukoll kampanji edukattivi rigward dan kollu msemmi biex twassal messaġġ qawwi lill-baħħar biex ma’ jkunx ta’ periklu għall-għawwiem.
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu sabiex tiżdied is-sigurtà fit-toroq tagħna minn Marzu 2013 ‘l hawn?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, Transport Malta, b’kollaborazzjoni mal-Malta Road Safety Council (MRSC), f’dawn l-aħħar xhur nehdiet kampanja estensiva ta’ informazzjoni u edukazzjoni mmirata lejn il-pubbliku li tirrigwarda sigurta’ fit-toroq. Permezz ta’ programmi ta’ filgħodu fuq ir-radju u mobile phone application, sewwieqa qed jiġu nfurmati rigward kundizzjonijiet tat-toroq attwali, kundizzjonijiet tat-traffiku, għeluq ta’ toroq kif ukoll inċidenti.
B’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali, l-MRSC beda eżerċizzju sabiex jinġabru ideat u prioritajiet f’dak li jirrigwarda sigurta’ fit-toroq mill-istess kunsilli li jixtiequ li jiġu mplimentati. Wara li tinġabar din l-informazzjoni, dawn l-ideat se jiġu evalwati u possibilment implementati fejn hu vijabbli. Hemm ukoll ippjanat li titnehda skema għat-tfal mill-ħruġ tagħhom mill-iskejjel. Din għandha tinkludi miżuri ta’ arranġamenti tat-traffiku adekwat inkluż miżuri li jassiguraw li t-tfal jitgħabbew fuq it-trasport provdut b’mod iktar sikur.
L-MRSC hija wkoll involuta fil-formulazzjoni ta’ Pjan Nazzjonali għaċ-Ċikliżmu, permezz tal-Bicylcle Advisory Group li huma parti mill-kunsill. Qed issir promozzjoni ta’ road sharing speċjalment f’akwati fejn il-preżenza ta’ ċiklisti hija iktar evidenti, kif ukoll huwa maħsub li titniehda kampanja għaċ-ċiklisti, sewwieqa in ġenerali u dawk ta’ vetturi ta’ roadside assistance sabiex jiġi promoss l-użu ta’ lbis high visibility. Biex tikkumplimenta din l-inizjattiva, l-MRSC huwa wkoll impenjat li jippromwovi kampanja t’edukazzjoni li tindirizza mhux biss sewwieqa ta’ vetturi, mututi u ċiklisti, iżda wkoll il-pubbliku in ġenerali fuq il-kunċett ta’ road sharing.
Apparti minn hekk, l-MRSC flimkien ma’ Transport Malta, qed ikomplu jikkollaboraw ma’ entitajiet u dipartmenti oħra f’kampanji fuq skala nazzjonali bħalma huma “Don’t Drink and Drive Campaign” kif ukoll jipprovdu sapport għal inizzjattivi ta’ taħriġ fl-ewwel għajnuna (first aid) għal sewwieqa sabiex jipprovdu assistenza neċessarja f’każ ta’ bżonn ta’ inċidenti fit-triq.
Qed tiġi wkoll proposta sistemata’ red light cameras, li huma mmirati sabiex jipprovdu statisttika fuq movimenti ta’ vetturi kif ukoll sabiex jindirizzaw il-problema t’abbuż fl-użu ta’ traffic lights kemm minn sewwieqa u pedonali. Din il-proposta għadha qed tiġi evalwata u hekk tiġi mplimentata għandha tgħin fil-viġilanza tat-traffiku u għal iktar sigurta’fit-toroq.
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir, kemm fuq bażi short-term kif ukoll long-term, biex tittaffa l-problema tat-traffiku mit-toroq tagħna?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li matul din il-leġislatura, Transport Malta ħadmet fuq diversi proġetti, inizjattivi kif ukoll studji sabiex tindirizza din il-problema.
Fir-rigward ta’ proġetti infrastrutturali ġie komplut il-proġett ta’ Triq il-Kosta u bħalissa għaddejjin il-preparamenti għall-proġett tal-Kappara Junction. Permezz ta’ dawn il-proġetti fuq toroq arterjali huwa mistenni li titjieb l-effiċjenza tat-triq u junctions kruċjali sabiex iservu b’mod aktar effiċjenti volum ikbar ta’ traffiku. F’dan ir-rigward, qed isiru wkoll l-istudji u l-preparamenti neċessarji għal proġett ieħor nazzjonali tal-Junction tal-Marsa.
Fuq bażi iktar lokalizzata ġew identifikati l-aktar postijiet kruċjali madwar Malta fejn ikun hemm konġestjonijiet tat-traffiku u saru traffic surveys u analiżi tad-disinn tat-toroq u junctions rispettivi. Apparti minn hekk, għaddejjin xogħlijiet biex fil-futur qrib tibda titħaddem sistema ta’ tidal traffic system fil-lokalita’ ta’ Raħal Ġdid, li għandha tgħin biex fl-immaniġġjar iktar effiċjenti tal-fluss tat-traffiku f’ħinijiet peak tal-ġurnata.
F’dawn l-aħħar xhur ġew imnedija inizzjattivi li jippromwovu mezzi alternattivi tat-trasport, bħalma hija l-miżura li tinċentiva l-użu ta’ muturi b’qawwa ta’ mhux iktar minn 125cc, kif ukoll inċentiv ta’ kreditu fuq tal-linja card sabiex tħajjar lill-pubbliku in ġenerali jagħmel użu mit-trasport pubbliku u jesperjenza r-rotot il-ġodda li ġew implimentati wara perjodu ta’ konsultazzjoni estensiva u dan bil-għan li l-pubbliku jkun moqdi aħjar. Transport Malta qed tipprovdi wkoll s-sapport tagħha għall-inizzjattivi bħalma huma Bum-a-Lift li hija mmirata għall-ġenituri li jwasslu t-tfal l-iskola, u qed taħdem sabiex tippromwovi l-kunċett ta’ car pooling / sharing fuq skala nazzjonali.
Flimkien ma’ dan kollu, tkompla x-xogħol fuq sistema tal-Intelligent Traffic Management System liema sistema hija maħsuba, fost oħrajn, sabiex tiffaċilita l-andament tat-traffiku permezz ta’ Variable Message Signs li se jipprovdu informazzjoni attwali lis-sewwieqa fuq is-sitwazzjoni tat-traffiku. Fuq bażi iktar long-term, Transport Malta wkoll tinsab fil-fażi li tiffinalizza l-Istrateġija Nazzjonali dwar it-Trasport (National Transport Strategy and Master Plan) li parti minn din l-istrateġija għandha l-ħsieb li tindirizza problemi ta’ konġestjoni tat-traffiku b’mod ħolistiku u permezz ta’ proposti għall-implimentazzjoni ta’ proġetti u miżuri għall-futur.
Kunsill Nazzjonali dwar is-Sigurtà fit-Toroq — kompo¿izzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-funzjoni tal-Kunsill Nazzjonali dwar is-Sigurtà fit-Toroq u minn min hu kompost dan il-Kunsill?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Road Safety Council ġie mwaqqaf f’Mejju 2015 u jinkludi rappreżentanti minn dawn l-entitajiet:
- Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura
- Transport Malta
- Intelligent Transport Systems Malta
- Protezzjoni Ċivili
- Malta Insurance Association
- Korp tal-Pulizija
- Dipartiment tas-Saħħa
- Dipartiment tal-Edukazzjoni
- Federazzjoni taċ-Ċiklisti
- Kummissarju għat-Tfal
- Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali
- 2 Wheels Foundation
- Malta Motorsport Federation
- Red Cross Malta
- Driving Instructors Association
- Kummissjoni Nazzjonal Persuni b’Diżabilita’
- Għaqda Żwiemel u Kultura
Dan il-Kunsill ġie mwaqqaf bil-għan li jlaqqa’ flimkien l-entitajiet u stakeholders oħra li huma b’xi mod involuti fil-qasam tat-trasport, sabiex jaħdmu għal aktar sigurta’ fit-toroq tagħna. Dan il-Kunsill qed jaħdem bis-sħiħ sabiex ikun hawn nfurzar ikbar tar-regolamenti tat-traffiku kif ukoll jaħdem biex jimplimenta l-istrateġija nazzjonali għas-sigurta’ fit-toroq.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – persuni b’diżabilità
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx minn tal-anqas persuna b’diżabilità f’kull entità li taqa’ taħt id-dekasteru tiegħu?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta għandha numru ta’ impjegati li huma reġistrati bħala persuni b’diżabilita’. Fil-fatt, ninsab infurmat li Transport Malta għandha iktar impjegati b’diżabilita’ mill-kwota ta’ 2% hekk kif stabbilit bil-liġi. Il-Grand Harbour Regeneration Corporation għandha minn tal-inqas persuna waħda li hija meqjusa b’ diżabilita’.
Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – xogħol ta’ konsulenzi legali
Question
Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ xogħol ta’ konsulenzi legali mogħtija mill-Ministeru inkluż l-uffiċċju privat tal-Ministru/Segretarju Parlamentari, jew dipartimenti, entitajiet, fondazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, korporazzjonijiet u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu sena b’sena, bejn l-1999 u Marzu 2013? Jista’ jgħid min kienu l-avukati/ditti legali li ngħataw dan ix-xogħol? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender ? Jista’ jgħid min awtorizza l-għoti ta’ dan ix-xogħol fejn ingħata b’direct order? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża f’kull każ u x’kien ix-xogħol mogħti? Fejn huwa possibbli, jista’ jgħid kemm kien il-ħlas għal kull siegħa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmat li f’dak li jirrigwardja l-perjodu 1999 u 2001-2008, fejn dak iż-żmien kien il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, ma nstabet l-ebda database b’tali dettalji u informazzjoni kif qed tintalab mill-Onor. Interpellant.
Fir-rigward ta’ Transport Malta, ex-DCA, ex-MMA u ex-ADT, f’ħafna mill-każi, ma nsabitx informazzjoni jekk ix-xogħlijiet fuq konsulenza legali ngħatatx b’direct order jew inkella wara sejħa pubblika.
Attachments:PQ23802 16MAR PAPERS LAID GHRC.xlsPQ23802 16MAR PAPERS LAID TRANSPORT MALTA.xlsPQ23802 16MAR MTI PAPERSLAID.xls
Billi matul il-Coast Road u ħdejn it-Torri tal-Għallis, hemm spazju li faċilment jista' jiġi wżat għall-parkeġġ tal-karozzi, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex dan l-ispazju jsir wieħed aċċessibbli, għaliex altrimenti, għal tul ta' iktar minn kilometru m'hemm imkien fejn wieħed jista' jipparkja?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fix-xhur li ġejjin, ser ikunu qegħdin isiru xogħolijiet sabiex fl-ispazju li bħalissa mhuwiex qed jintuża, viċin it-Torri tal-Għallis jiġi ffurmat parkeġġ tal-karozzi.
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijet saru u liema se jsiru f’Wied il-Għajn matul din il-leġiżlatura? Jista’ jindika kemm kienet in-nefqa s’issa u kemm hi ppjanata li se tkun din in-nefqa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Attachments:PQ23759 14MAR PAPERS LAID MTI.docPQ23759 14MAR PAPERS LAID TM doc A.docPQ23759 14MAR PAPERS LAID TM doc B.xls
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġewx ikkonsultati l-Kunsilli Lokali tas-Swieqi u San Ġwann dwar il-fatt li t-triq tal-wied ta’ bejn San Ġwann u s-Swieqi saret one way? Jekk fl-affermattiv, meta ġew ikkonsultati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ż-żewġ kunsilli lokali kienu jafu bix-xogħlijiet li kellhom isiru fi Triq il-Pelikan għal diversi xhur. Konsultazzjoni dettaljata saret mal-Kunsill Lokali ta’ San Ġwann fil-15 ta’ Frar peress li dawn ix-xogħlijiet kellhom jiġu kkoordinati ma’ diversi xogħlijiet oħra f’din il-lokalita’.
Jista’ l-Ministru jgħid għal kemm żmien hu mistenni li t-triq tal-wied ta’ bejn San Ġwann u s-Swieqi tibqa’ one way?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament it-triq hija magħluqa u se tibqa’ magħluqa sakemm jintemmu x-xogħlijiet. Ix-xogħlijiet kienu ppjanti li jitlestew sa nofs April pero’ il-programm ta’ xogħlijiet jista’ jiġi mtawwal minħabba żviluppi mhux previsti.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif fuq Triq il-Garakol Għaxaq li kien qiegħed isir ix-xogħol ta’ bini mill-ġdid tat-triq imma f’dawn il-jiem ix-xogħol waqaf? Jista’ jagħti dettalji minħabba li r-residenti qegħdin jitolbu dan.
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet huma temporanjament sospiżi minħabba mandat ta’ inibizzjoni maħruġ mill-Qorti rigward pussess ta ' biċċa art.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament humiex reġistrati bħala resident agent taħt il-Merchant Shipping Act? Jista’ jikkonferma jekk il-kumpaniji msemmija jirrapreżentawx kumpaniji reġistrati l-Panama? Jista’ jsemmi dawn il-kumpaniji?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li waħda mill-kumpaniji li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, hija appuntata bħala resident agent għall-fini tal-Att dwar il-Bastimenti Merkantili. L-Onor. Interpellant għandu wkoll ikun mgħarraf li l-istess kumpanija hija resident agent f’isem numru ta’ kumpaniji reġistrati ġewwa l-Panama, li l-ismijiet tagħhom ma jistax jingħata minħabba n-natura kummerċjali sensittiva tagħhom u l-impatt negattiv li dan jista’ jkollu fuq ir-Reġistru tal-bastimenti merkantili ta’ Malta.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4433 li ngħatat fis-seduta tat-30 ta' Settembru 2013 b'rabta mal-proġett tal-Għadira, jista' l-Ministru jgħid fiex waslet l-evalwazzjoni li għaliha saret referenza għaliha fl-istess risposta fuq il-proġett indikat?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda żviluppi fir-rigward ta’ dan il-proġett.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21574 datata 4 ta' Diċembru 2015 fejn ġejt infurmat li x-xogħlijiet ippjanati għaż-żona Ta' Laurenti tlestew, jista' l-Ministru jindika hemmx il-ħsieb li jsiru x-xogħlijiet neċessarji fuq il-biċċa triq li tħalliet fi stat ħażin, li tagħti mill-Palazz Verdala u tibqa' nieżla l-isfel?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hekk kif ġie mwieġeb għall-mistoqsija parlamentari 21574, ix-xogħlijiet illi Transport Malta kellha ppjanat fiż-żona tal-Laurenti s-Siġġiewi tlestew. Xogħol ieħor isir skont fondi disponibli u prijoritajiet li jirriżultaw.