Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ġarret l-Airmalta matul Ottubru ta' din is-sena?
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-istess attivita' f'Ottubru tas-sena l-oħra u l-1999?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li matul ix-xahar ta' Ottubru ta' din is-sena, l-Air Malta ġarret 124,149 persuna fuq it-titjiriet ta' skeda. Matul l-istess xahar tas-sena l-oħra l-ammont ta' persuni li nġarru kien ta' 131,428 filwaqt li fl-imsemmi xahar ta' l-1999 in-numru ta' persuni kien jammonta għal 155,910.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħalla qliegħ għat-Tarzna x-xogħol fuq il-La Salle?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-qliegħ għat-Tarzna mill-kuntratt ta' xogħol fuq il-USS La Salle kien ta' Lm1.5 miljun. Dan m'huwiex aktar minn Lm600,000 f'pagi li ħalla x-xogħol fit-Tarzna. Dawn ir-riżultati jindikaw bl-aktar mod ċar għaliex dan ix-xogħol huwa mportanti għat-Tarzna u kemm kien qed jitwarrab bla bżonn xogħol li ma kinitx tidħol għalih it-Tarzna meta kienet immexxijja bis-sistema ta' self-management.
Jista' l-Ministru jgħid b'referenza għar-risposta ta' mistoqsija nru. 29153, x'irriżulta mill-investigazzjoni li għamlet l-Enemalta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li mill-investigazzjonijiet li għamlet il-Korporazzjoni Enemalta, irriżulta li hemm il-ħtieġa li jiżdied id-dawl tat-triq fl-inħawi indikati mill-Onorevoli Interpellant fil-mistoqsija numru 29513. Infatti din it-talba qed tkun ikkunsidrata flimkien ma' talbiet simili oħra.
Jista' l-Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li l-Enemalta timpjega electrical fitter & installer u winderer (ċertifikati licensee A & B)?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni Enemalta għandha Electrical u Mechanical Fitters fost l-impjegati tagħha, iżda l-gradi ta' Electrical Fitter and Installer u Winderer ma humiex inklużi fl-istaff complement tagħha.
F'każ li jkun hemm bżonn ħaddiema fil-gradi msemmija, il-Korporazzjoni l-ewwel toħroġ sejħa interna għall-applikazzjonijiet. Jekk il-postijiet jibqgħu vakanti, issir talba lill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ għal kandidati li jkunu qiegħdin jirreġistraw għax-xogħol jew biex issir sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet permezz tal-Gazzetta tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed jittieħdu l-passi meħtieġa ħalli l-problema ta' pressa baxxa ta' l-ilma fi Triq il-Ward tax-Xemx ġewwa l-Fgura tiġi solvuta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li l-pressa fil-provvista ta' l-ilma fit-triq imsemmija hija tajba wara li saret il-manutenzjoni meħtieġa mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Jista' l-Ministru jara kif sejra tiġi ameljorata is-sistema tad-dawl fil-Bidnija u dan peress li kull meta jkun hemm sajjetti tinqata' l-provita kollha tad-dawl fil-Bidnija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li biex tissaħħaħ il-provvista ta' l-elettriku fil-Bidnija hemm pjan maqsum f'żewġ fażijiet. L-ewwel fażi tikkonsisti fit-tqegħid ta' transformer centre ġdid fil-Bidnija. Fil-fatt dan ix-xogħol jinsab fi stadju avvanzat. It-tieni fażi għandha tgħaqqad il-Bidnija maż-Żebbiegħ permezz ta' cable biex b'hekk il-provvista f'dawn l-inħawi tissaħħaħ.
Jista' l-Ministru jgħid hux vera li c-chief technician u technician fil-communications u l-engineering section ta' l-MIA qed imorru jagħtu l-lezzjonijiet l-MCAST u sadanitant baqgħu fil-post tagħhom mal-kumpanija b'salarju sħiħ? Veru li dawn il-ħin tal-lezzjonijiet mhux jeħduh mill-leave tagħhom? Għaliex?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li biex ikompli jiġi mtaffi n-nuqqas ta' għalliema f'suġġetti speċjalizzati, id-Diviżjoni ta' l-Edikazzjoni għamlet talba formali lill-M.I.A. sabiex żewġ impjegati tal-Kumpanija jagħtu s-servizz tagħhom għal tlitt sigħat fil-ġimgħa matul il-perjodu skolastiku.
Il-Kumpanija tħoss li għandha tagħti kull għajnuna fejn hu possibbli u għaldaqstant din it-talba ġiet milqugħa mill-M.I.A. sakemm dan is-servizz ma jkunx ta' detriment għall-bżonnijiet u l-ħtiġijiet tal-Kumpanija. Il-Kumpanija infurmat ukoll lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni li l-impjegati konċernati jkunu jistgħu jitħallew jagħtu s-servizzi tagħhom skond l-esiġenzi tal-Kumpanija.
Jista' l-Ministru jikkonferma li M/V Gaudos m'huwiex fuq ir-rotta ta' bejn iċ-Ċirkewwa u l-Mġarr, Għawdex minħabba li żviluppawlu ħsarat estensivi? Kemm hija stmata li se tiswa din il-ħsara u fejn żviluppat l-istess ħsara? Fejn qiegħed jissewwa fil-preżent dan il-bastiment tal-Gozo Channel?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li bħalissa l-vapur MV Gaudos mhux qiegħed fuq is-servizz bejn Malta u Għawdex għaliex jinsab fil-Malta Shipbuilding biex isirulu xi tiswijiet konnessi mal-guarantee docking li normalment isir fuq vapur ġdid fi żmien sena minn mindu jibda jaħdem.
It-tiswijiet jinkludu xogħol fuq ir-rampi u l-flooring tal-vapur. Dawn il-ħsarat mhumiex estensivi u peress li huma koperti bil-garanzija tal-vapur mhux mistenni li jkun hemm xi spiża għas-sidien tal-vapur.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi rakkomandazzjoni li l-work force fil-M.S.C.L. titnaqqas? X'numru ta' ħaddiema hu propost li jibqa?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif jaf tajjeb l-Onorevoli Interpellant, il-Gvern appunta Task Force biex tiddiskuti r-ristrutturar tat-tarznari. Ix-xogħol ta' din it-Task Force għadu għaddej, u għaldaqstant għadu prematur biex wieħed jagħti dettalji dwar din il-materja.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fuq proġetti tal-Gvern jew ażjendi tal-Gvern il-MSCL tingħatax preferenza għal xogħol li tista' tagħmel?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul dawn l-aħħar snin, ix-xogħol li għamlet il-Malta Shipbuilding konness ma' azjendi tal-Gvern kien il-kuntratt għall-bini tal-vapuri għall-kumpanija Gozo Channel li l-gvern preċedenti kien ipprova jikkanċella.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li ser isir xi xogħol ta' estensjoni fuq krejniijiet fil-Freeport? Kif ser jingħata dan ix-xogħol, b'tender jew direct order?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta' estensjoni fuq krejnijiet fil-Port Ħieles ser isir mill-kostruttur oriġinali għal dawn ir-raġunijiet:
1. ir-responsabbilta' legali u professjonali li jġorr il-kostruttur oriġinali tul il-ħajja kollha tal-krejn.
2. ir-regolamenti ta' sigurta' internazzjonali, fejn il-proċedura titlob l-approvazzjoni tal-kostruttur oriġinali għal kwalunkwe tibdil.
3. ix-xogħol jinkludi rivalwazzjoni ta' l-istrutturi eżistenti li jinħtieġu tisħiħ minħabba l-ammont ta' ċikli ta' użu - il-kostruttur tal-krejnijiet biss huwa f'pożizzjoni li jindirizza speċifikament u effiċjentement dawk il-partijiet ta' l-istruttura li jkollhom bżonn intervent.
Jista' l-Ministru jinvestiga jekk il-prezzijiet taż-żrieragħ u l-bexx għolewx b'mod ġustifikat matul dawn l-aħħar tliet snin? Jista' jispjega kif 1000 zerriegħa tal-bżar minn Lm 18.70 fl-1998 għoliet għall Lm 60.00 fil-2001?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li mill-informazzjoni li għandha d-Diviżjoni għall-Kummerċ ma jirriżultax li saru ilmenti dwar il-preżżijiet taż-żrieragħ u l-bexx matul dawn l-aħħar tlitt snin.
Tajjeb jingħad li l-prezz taż-żerriegħa tal-bżar ivarja skond jekk tkunx żerriegħa li tinżera' fl-għelieqi jew jekk tinżergħax fis-serra, li f'dan il-każ hija ħafna aktar speċjalizzata.
Difatti dik li tinżera' fl-għelieqi bħalissa tiswa madwar Lm15 kull elf, skond il-kwalita', filwaqt li dik tas-serra tvarja bejn Lm46.40 u Lm75 kull elf, dejjem skond il-kwalita' tagħha. Minn dan għalhekk jidher li l-prezzijiet taż-żrieragħ tal-bżar jiddependi ħafna mit-tip ta' żerriegħa partikulari.
Jidher ukoll li minn informazzjoni li kisbet id-Diviżjoni għall-Kummerċ ma kienx hemm żidiet f'dawn il-prezzijiet matul l-aħħar sena.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi dwar it-WTO, jista' l-Ministru jinfurmani bid-differenza fit-tariff quotas u special safeguard provistions for agriculture products? Dawn il-provedimenti ġodda fi ħdan il-WTO, daħlu flok il-kunċett tal-levy li kien hemm qabel?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija mill-Onorevoli Ministru ta' l-Agrikoltura u Sajd għall-mistoqsija numru 27913.
Il-mekkaniżmu ta' Special Safeguard Measures ma japplikax fil-każ ta' Malta fejn is-settur agrikolu għadu suġġett għal-levies sinifikattivi imposti fuq il-prodotti agrikoli importati. Is-sistema ta' Special Safeguard Measures titħaddem appuntu fejn it-tariffi fuq l-importazzjoni jitniżżlu għal livell baxx ħafna, fil-waqt li minflokhom titħaddem kwota li tillimita l-importazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-komponenti differenti li jiffurmaw in-nefqa edukattiva fl-istatistika li tinġabar u tixxandar mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika? Jista' juri kif iċċaqalqu l-prezzijiet f'dawn il-komponenti differenti fis-snin 1996, 1997, 1998, 1999, 2000 u s'issa fis-sena 2001?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jittieħdu passi biex l-indiċi tal-prezzijiet ikun organizzat mill-Uffiċċju b'mod nazzjonali ta' l-istatistika li ċ-ċaqlieq tiegħu jiġi reġistrat waħdu u mhux ikun amalgament mar-rikreazzjoni u d-divertiment?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant ser jiġi kkunsidrat issa li qegħdin isiru l-preparamenti għall-introduzzjoni ta' bażi ġdida għall-indiċi tal-prezzijiet bl-imnut.
Ir-rapport interessanti li ħareġ dan l-aħħar mill-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, fuq liema statistika kien ibbażat fejn jidħol Għawdex? Kemm kien hemm azjendi u stabbilimenti Għawdxin li ħadu sehem f'dan l-istudju u x'konklużjoni jekk jistgħu jinġibdu dwar Għawdex f'dan il-qasam?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li r-rapport dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inbena fuq ċensiment ta' l-azjendi kollha li jħaddmu għaxar persuni jew aktar.
Rapport separat dwar Għawdex għandu jinħadem aktar il-quddiem.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati nies fil-kumpaniji u korporazzjonijiet parastatali u jew b'shareholding maggoritarju tal-Gvern mill-11 ta' Settembru 2001 'il quddiem? Jista' jispeċifika dawn il-każi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li bejn il-11 ta' Settembru u d-9 ta' Novembru ta' din is-sena, in-numru ta' persuni li ġew ingaġġati fil-kumpaniji u korporazzjonijiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tal-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi huwa kif ġej:
AZJENDA GRAD NUMRU
Enemalta Professional Executive
(Accountant) Trainee 1
Malta Development Technician 1
Corporation
Malta Drydocks Chief Executive (Commercial) 1
Chief Executive (Production) 1
Malta Freeport Administration 1
Terminals Ltd. Management Information System 1
Gozo Channel Co. Ltd. First Officer 1
Customer Service Executive 1
Maltapost plc Postal Operator 7
IPSE Ltd. Manager 1
Malta Standards Technical 4
Authority
Fil-każ ta' l-Air Malta, Maltacom, Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u l-M.O.B.C. l-informazzjoni għadha qed tinġabar, filwaqt li fl-azjendi l-oħra ma kienx hemm ingaġġ ta' persuni matul il-perjodu indikat.
Jista' l-Ministru jgħid x' kienu raġunijiet taż-żidiet fis-salarji taċ-Chairman, Chief Executive, Deputy Chairman, General Manager li saru fil-Medigrain u l-Grain Terminal?
Kemm fil-fatt kien in-numru ta' ħaddiema fil-Grain Terminal u l-Medigrain qabel ma ngħataw dawn iż-żdied u issa wara li ngħataw dawn iż-żidied?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li ż-żieda fis-salarji taċ-Chairman, Deputat Chairman u General Manager tal-kumpanija Medigrain ingħatat sabiex dawn jiġu in-line mal-kumplament ta' l-entitajiet l-oħra li jaqgħu taħt il-MIMCOL.
In-numru ta' ħaddiema fil-kumpanija msemmija, qabel ma' ingħatat din iż-żieda, kien ta' wieħed u għoxrin u llum dan in-numru naqas b'wieħed.
Jista' l-Ministru jgħid min approva l-gradi ġodda u ż-żidiet fis-salarji tal-chairman u chief executive fil-Grain Terminal u l-Medigrain? X'kien r-raġunijiet? Kemm fil-fatt kienu ż-żidied tal-pagi/salarji tal-ħaddiema fl-istess perjodu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-ħatriet ta' Chairman u General Manager fil-kumpanija Medigrain saru fuq deċiżjoni tal-Bord tad-Diretturi ta' l-istess kumpanija. Iż-żidiet fis-salarji u l-pagi tal-ħaddiema, matul l-istess perjodu, saru skond il-Ftehim Kollettiv u biex jikkumpensa xi żieda fil-għoli tal-ħajja.