Jista’ l-Ministru jgħid min kien it-tabib li għamel l-eżami mediku ta’ dawk li ġew ingaġġati bħala rekluti fi ħdan il-Korp tal-Pulizija? Jista’ jgħid min kien it-tabib li għamel l-eżami mediku ta’ dawk li ġew ingaġġati fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-eżami mediku lir-rekluti fi ħdan il-Korp tal-Pulizija sar mil-Police Medical Officer filwaqt li l-eżami mediku fi ħdan il-Forzi Armati ta’ Malta, sar parti mit-tobba ta’ l-armata stess u parti mill-istaff mediku tal-isptar Mater Dei.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17584, jista’ l-Ministru jgħid ta’ liema mudell huma ż-żewġ dgħajjes u mutur li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom il-pulizija stazzjonati fuq Kemmuna? Jista’ jgħid f’liema sena ġew manifatturati, kif ukoll is-saħħa (power) tagħhom? Ma jaħsibx li l-pulizija stazzjonati fuq Kemmuna għandu jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom xi tip ta’ karozza, land rover jew pick up?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li id-dinghy tal-għamla Zodiac, li hu twil 6.50 metri, hu mgħammar b’mutur Evinrude 175 hp u kemm il-mutur u id-dinghy ġew manifatturati fis-sena 2000. Id-dagħajsa tal-għamla Draco li hi twila 3.45 metri hi mgħammra b’mutur Suzuki 100 HP u it-tnejn ġew manifatturati fis-sena 2008. Il-mutur li bħalissa u disponibli għal-Pulizija ta’ Kemmuna hu tal-għamla Suzuki RV125u ġie manifatturat fis-sena 1974. Nfakkar lil-Onorevoli Interpellant li l-membri tal-Korp tal-Pulizija stazzjonati ġewwa Kemmuna żdied b’4 taħt din l-amministrazzjoni.
Hemm il-ħsieb li għal-Kemmuna tiġi akkwistata vettura bħala sostitut għal-mutur li hemm, liema vettura tkun tajba biex tintuża fit-trejqiet tal-istess post.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-membri tal-Rapid Intervention Unit li jġorru arma tan-nar fuq xogħolhom u li jista’ jkollhom bżonn jużawha waqt dmirijiethom ilhom xhurtwal, uħud seba’ u tmien xhur, ma jkollhom taħriġ b’arma tan-nar? Ma jarax il-Ministru li pulizija, hu min hu, li ilu ma jispara arma tan-nar għall-xhur twal u jiġi bżonn jużaha waqt il-qadi ta’ dmirijietu, ikun qed jipperikola lilu nnifsu u lil terzi minħabba nuqqas ta’ taħriġ? Jekk allaħares qatt ikun hemm inċident minħabba nuqqas ta’ taħriġ fl-isparar, il-Ministru ħa jassumi r-responsabilità?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Korp hu konxju tal-ħtieġa ta’ taħriġ inkluż taħriġ b’armi tan-nar kif ukoll suġġetti oħra. Fil-każ tal-RIU, il-membri kollha f’din it-Taqsima għamlu prattika fl-isparar matul ix-xahar t’Awwissu u l-bidu ta’ dan ix-xahar.
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn mhux il-pulizija kollha tar-Rapid Intervention Unit qed jitħallsu għall-overtime li jagħmlu? F’għajnejn il-Korp hemm pulizija li jitqiesu aqwa minn oħrajn anke jekk ikunu fl-istess skwadra?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-kwistjoni tal-ħlas tal-overtime għall-membri tar-Rapid Intervention Unit ġiet regolarizzata u saru arrangamenti biex il-ħlas dovut jitħallas wara li issa gie pproċessat mill-amministrazzjoni tal-korp.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallset sahra fil-Korp tal-Pulizija fis-segwenti xhur:
a. Marzu 2014;
b. April 2014;
c. Mejju 2014;
d. Ġunju 2014;
e. Lulju 2014;
f. Awwissu 2014;
g. Marzu 2015;
h. April 2015;
i. Mejju 2015;
j. Ġunju 2015;
k. Lulju 2015; u
l. Awwissu 2015?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew irrappurtati serqiet fl-għases tal-Pulizija tas-segwenti lokalitajiet fil-perjodu 1 ta’ Jannar 2015 sat-30 ta’ Settembru 2015, xahar b’xahar:
a. Tas-Sliema;
b. San Ġiljan;
c. Il-Gżira;
d. Is-Swieqi;
e. San Ġwann; u
f. San Pawl il-Baħar?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jikkonferma illi l-Gvern qiegħed jikkunsidra l-privatizzazzjoni tal-amministrazzjoni u l-operat tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u servizzi oħra ta’ detenzjoni ta’ persuni taħt arrest fil-pajjiż? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid fiex waslu dawn il-pjanijiet?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta’ reati fl-Għassa taż-Żejtun tul din is-sena sal-aħħar ta’ Settembru 2015? Jista’ jindika kemm kienu dawk ta’ serq?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li bejn ix-xhur ta` Jannar u Settembru 2015 ġewwa l-lokalita` taż-Żejtun ġew reġistrati 228-il rapport ta` reati, fosthom kien hemm 75-il rapport ta` serq. Dawn jidhru fit tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta’ reati fl-Għassa ta’ Raħal Ġdid tul din is-sena sal-aħħar ta’ Settembru 2015? Jista’ jindika kemm kienu dawk ta’ serq?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li matul ix-xhur ta` Jannar sa Settembru 2015 ġewwa l-lokalita` ta` Raħal Ġdid ġew irreġistrati 292-il rapport ta` reati, li fosthom kien hemm 97-il rapport ta` serq. Dawn kienu kif jidhru fit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta’ reati fl-Għassa tal-Fgura tul din is-sena sal-aħħar ta’ Settembru 2015? Jista’ jindika kemm kienu dawk ta’ serq?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li matul ix-xhur ta` Jannar u Settembru 2015 ġewwa l-lokalita` tal-Fgura ġew irrapurtati 199-il rapport ta` reati, li fosthom kien hemm 72-il rapport ta` serq. Dawn kienu kif jidhru fit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intefqu flus fuq il-patrol boat Le' Aoife, mogħtija mill-Gvern Irlandiż lill-Gvern Malta, kemm f'dak li huwa manutenzjoni, kemm f'dak li huwa upgrading mid-data li ġiet mogħtija lill-Gvern Malti sal-lum ?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li sal-lum, intefqu € 511,670 fuq il-patrol boat Le' Aoife, mogħtija mill-Gvern Irlandiż lill-Gvern Malti.
Jista' l-Ministru jgħid x'wassal lill-Gvern biex jaċċetta biċċa tal-baħar second hand Le' Aoife li għandha aktar minn 35 sena u li kienet ġiet de-commissioned mill-Gvern Irlandiż bħala biċċa tal-baħar li mhijiex tajba iktar għall-użu tal-Istat Irlandiż?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li d-donazzjoni tal-‘Le’ Aoife’ se tgħin timla’ vojt fil-kapaċita’ navali tal-Forzi Armati ta’ Malta sakemm tinxtara OPV ġdida u jitlesta x-xogħol ta manutenzzjoni estensiv fuq il-P61.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward persuni li qed jiksru l-buone ordni?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li minn spezzjonijiet li saru fil-post imsemmi fil-mistoqsija, irriżulta li ma kien hemm l-ebda ksur ta’ liġi. Madankollu waqt li l-partijiet konċernati ġew mitkellma il-Pulizija ser tassikura li jsiru aktar spezzjonijiet għall għarrieda biex jiġi zgurat li ma jkun hemm ebda ksur tal-ligi.
Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – entitajiet — użu ta’ credit cards pubbliċi
Question
Jista’ l-Ministru jinforma jekk l-entitajiet li jaqgħu taħtu jagħmlux użu minn credit cards pubbliċi? Jekk fl-affermattiv min huma dawk l-entitajiet li huma awtorizzati li jużaw dawn il-credit cards? Għal liema skop jintużaw dawn il-credit cards? Kemm kienet in-nefqa minn dawn il-credit cards pubbliċi għal kull entità minn Marzu 2013 u jista’ jelenka separatament l-iskop wara kull nefqa? Jista’ jgħid ukoll minn min saru dawn il-pagamenti?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fis-sena 2014 intużat l-credit card mill-Ministru biex jkopri spejjeż ta’ vjaġġar flok jieħu substences allowance kif kien intitolat. In-nefqa totali kienet ta € 7, 259.68.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-Korp tal-Pulizija se jbiddel l-uniformi tas-sajf tal-membri tal-Korp? Jista’ jgħid jekk hux minnu li l-kulur tal-uniformi se jinbidel minn blu għall-kulur iswed? Jista’ jgħid minn meta se ssir/jibda dan it-tibdil fl-uniformi tal-membri tal-Korp?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat lid-diskussjonijiet dwar dan għadhom għaddejin fi ħdan il-korp tal-Pulizija.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-post fejn illum hemm l-għassa tal-Belt Valletta hijiex proprjetà tal-Korp tal-Pulizija jew hijiex mikrija? Jista’ jgħid min huma s-sidien tal-proprjetà fejn illum hemm l-għassa tal-Belt?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-post fejn illum hemm l-għassa tal-Belt Valletta ma hiex proprjetà tal-Korp tal-Pulizija imma tinsab mikrija. Il-kera tal-proprjetà fejn illum hemm l-għassa tal-Belt tiġi d-depożitata fil-Qorti f’isem l’individwi li huma msemmija u li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Forzi Armati ta’ Malta – vetturi, muturi, vannijiet u low loaders
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw vetturi, muturi, magni tal-karozzi, vannijiet u low loaders bejn Marzu 2013 u Lulju 2015 għall-Forzi Armati ta’ Malta? Jista’ jgħid mingħand min inxtara dan kollu? Jista’ jgħid jekk inħarġitx tender biex inxtara dan kollu jew jekk inxtrawx b’direct order? Jista’ jgħid min kien l-aġent/auto dealer/kumpanija jew individwu li nxtara dan kollu mingħandu?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn Marzu 2013 u Lulju 2015 b’kollox inxtraw tlettax –il-inġenju. Id-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra.
Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – vetturi, muturi, vannijiet u low loaders
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw vetturi, muturi, magni tal-karozzi, vannijiet u low loaders bejn Marzu 2013 u Lulju 2015 għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili? Jista’ jgħid mingħand min inxtara dan kollu? Jista’ jgħid jekk inħarġitx tender biex inxtara dan kollu jew jekk inxtrawx b’direct order? Jista’ jgħid min kien l-aġent/auto dealer/kumpanija jew individwu li nxtara dan kollu mingħandu?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn Marzu 2013 u Lulju 2015 b’kollox inxtraw sitta u għoxrin inġenji. Id-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra.
Korp tal-Pulizija – vetturi, muturi, vannijiet u low loaders
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw vetturi, muturi, magni tal-karozzi, vannijiet u low loaders bejn Marzu 2013 u Lulju 2015 għall-Korp tal-Pulizija? Jista’ jgħid mingħand min inxtara dan kollu? Jista’ jgħid jekk inħarġitx tender biex inxtara dan kollu jew jekk inxtrawx b’direct order? Jista’ jgħid min kien l-aġent/auto dealer/kumpanija jew individwu li nxtara dan kollu mingħandu?
Response (ABELA, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn Marzu 2013 u Lulju 2015 b’kollox inxtraw disa u sittin ingenji. Id-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw vetturi, muturi, magni tal-karozzi, vannijiet u low loaders bejn Marzu 2013 u Lulju 2015? Jista’ jgħid mingħand min inxtara dan kollu? Jista’ jgħid jekk inħarġitx tender biex inxtara dan kollu jew jekk inxtrawx b’direct order? Jista’ jgħid min kien l-aġent/auto dealer/kumpanija jew l-individwu li nxtara dan kollu mingħandu?
Response (ABELA, CARMELO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jispeċifika għal liema dipartimenti u/jew entitajiet qed jirreferi.