Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mrieħel Bypass — Footway bridge

Question

Jista' il-Ministru ġentilment ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tal-proġett ta' footway bridge f'Imrieħel bypass f'Ħal Qormi hekk kif propost f'applikazzjoni quddiem il-MEPA PA5852/06? Jista' jgħid meta huwa maħsub li jibda u jitlesta dan ix-xogħol wara li jkunu nħarġu l-permessi neċessarji?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

ADT — Direttorat tat-toroq

Question

Jikkonferma l-Ministru li d-direttur tad-direttorat tat-toroq fl-ADT - persuna indikata separatament - m'għadux aktar f'din il-kariga? Jista' jgħid kemm dan kien ilu f'din il-kariga, u jekk din intemmitlux mill-ADT jew inkella irriżenjax jew jekk kienx imġiegħel jirriżenja? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni vera li għaliha spiċċa mill-kariga?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 21139.

ADT — Direttur

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma jew le li nħatret persuna oħra flok il-persuna ndikata separatament bħala direttur tad-direttorat responsabbli mit-toroq fl-ADT? Min hi din il-persuna? X'kariga se tingħatalha u x'se jkunu s-salarju u benefiċċju oħra li se tingħata? Jista' jgħid ukoll xi proċedura ntużat għall-għażla ta' din il-persuna f'din il-kariga ġdida?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Is-Sur Paul Buhagiar inħatar fil-pożizzjoni ta’ Direttur tat-Toroq. Is-salarju tiegħu huwa ta’ Lm 15,000 fis-sena, allowance u car allowance jew karozza tal-kumpanija. Is-Sur Paul Buhagiar ingħata din il-pożizzjoni taħt il-Legal Notice 155 of 2006 tal- Malta Transport Authority Act (Cap. 332) (Sec. 5(7).

Karozzi tal-linja

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm karozzi tal-linja antiki li, fil-proċess tal-bidla ma' karozzi tal-linja ġodda, ngħataw lill-ADT mis-sidien biex jinżammu ħalli 'il quddiem jintużaw għal skop storiku? Jista' jgħid ukoll x'sar minn dawn il-karozzi tal-linja u jikkonferma li wħud minnhom tkissru filwaqt li oħrajn li għandhom valur storiku kbir inbiegħu lil terzi privati? F'każ li ġara hekk, jista' jgħid min iddeċieda li l-karozzi għandhom jitkissru jew jinbiegħu? Xi proċedura ntużat fil-bejgħ ta' dawn il-vetturi u x'kien il-prezz li ġabet l-ADT għall-karozzi mibjugħa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li kien hemm 147-il xarabank li fuqhom tpoġġa depożitu ta’ Lm500 biex jinbidlu ma’ vetturi ġodda tat-tip low floor. Jien infurmat ukoll li l-ADT ħarġet tender sabiex tiskrappja x-xarabanks antiki li ġabret lura. Din it- tender intrebħet mill-kumpanija Gasparell Co Ltd u l-ADT irċiviet l-ammont ta’ Lm100.50c għal kull xarabank li ġiet skrappjata. L-Awtorita' kellha l-ħsieb li żżomm 24 xarabank għal skopijiet storiċi u ta’ turiżmu iżda 3 xarabanks minnhom ġew mibjugħa lil individwu privat sabiex dawn ix-xarabanks jissewwew u jintbagħtu barra minn Malta f’wirja tal-karozzi. Din id-deċiżjoni ttieħdet mill-Bord ta’ l-Awtorita' u l-ammont miġbur għal dawn il-vetturi jammonta għal Lm2,500. Minħabba limitazzjonijiet ta’ spazju, l-Awtorita' kellha tiskrapja 8 vetturi oħra, għaldaqstant għad fadal 13-il xarabank fil-pussess ta’ l-Awtorita'. L-Awtorita' talbet lill-ATP sabiex tipprovdi l-proposti tagħha dwar kif jistgħu jintużaw dawn it-tlettax-il vettura għal skopijiet turistiċi u/jew storiċi.

Pont ta' Regional Road

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ingħatax it-tender għall-bini mill-ġdid tal-pont ta' Regional Road? Kemm se jiswa dan il-proġett u meta hu mistenni li jibda x-xogħol? Jikkonferma li s-superviżjoni għal dan il-proġett ingħatat lil perit privat? Jista' jgħid min hu dan il-perit u kemm mistenni jitħallas għas-servizz li se jagħti? Xi proċedura ntgħażlet biex saret l-għażla?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li t-tender tal-proġett tat-tiswija tal-pont Manuel Dimech ġie aġġudikat lill-kumpanija BCP Joint Venture. Ix-xogħlijiet huma ppjanati li jibdew għall-ħabta ta’ nofs Novembru 2006, u il-kuntratt huwa ta’ LM2,000,000. Ix-xogħol ta’ l-ispezzjoni, disinn, preparazzjoni tat-“ tender dossiers ” u superviżjoni tat-tiswija ta’ dan il-pont qed isir mill-kumpanija DTR (Design & Technical Resources, Malta) u KHP (Köing, Heunish und Partner, Ġermanja) li ngħatat dan ix-xogħol wara sejħa għal offerti li nħarġu mid-Dipartiment tal-Kuntratti. Din is-sejħa għal offerti nħarġet f’Novembru 2004 u wara l-evalwazzjoni tal-offerti sottomessi l-kuntratt ma’ dan il-konsorzju ġie ffirmat f’Mejju 2005. Il-valur ta’ dan il-kuntratt jammonta għal LM199,420 (Vat Inkluż). Dan il-konsorzju huwa mexxi mill-Perit Robert Sant minn naħa tad-DTR u Dr Ing. Heunish għal kumpanija Ġermaniża (KHP).

Birkirkara — Triq il-Qanpiena

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qiegħed iżomm biex ix-xogħol li ngħata b'tender sa minn Marzu ta' din is-sena biex issir Triq il-Qanpiena, Birkirkara għadu ma bediex? Jista' jgħid lil liema kuntrattur ingħata dan ix-xogħol?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kuntratt imsemmi jinkorpora l-bini ta’ Triq tal-Qattus, Triq il-Qanpiena u parti minn Triq is-Sisla. Ix-xogħol imsemmi beda fis-27 ta’ Settembru fuq il-bini mill-ġdid ta’ Triq il-Qattus. Il-proġett kollu mistenni jieħu madwar 15-il ġimgħa u dan ix-xogħol ingħata lill-General Co Ltd.

Proġett Park and Ride

Question

Jista' il-Ministru jgħid bl-iżvilupp tal-proġett park and ride jekk il-parking areas ġewwa l-Belt hux se jibqgħu għal dan il-għan? Jista' jgħid jekk il-parkers liċenzjati humiex se jkunu jistgħu jibqgħu jagħmlu x-xogħol li qed jagħmlu f'dawn il-parking areas li huma assenjati ġewwa l-Belt?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Ħal Qormi — Triq il-Wied

Question

Jista' il-Ministru jgħid xi pjani hemm għal speċi ta' triq li feġġet fuq Triq il-Wied, Ħal Qormi faċċata ta' Triq il-Ħammieri? Min hu responsabbli minnha, il-gvern ċentrali jew inkella hi xi inizjattiva privata? Jekk hi inizjattiva privata, hemm il-permessi meħtieġa? X'azzjonijiet qed jittieħdu biex il-ġebel u t-terrapien li hemm, u li faċilment jaqa' fil-wied, ifittex jitneħħa biex ma jkunx ta' periklu li jistad il-wied?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li din it-triq hija skemata mill-MEPA bħala triq u jeżistu permessi għal żvilupp ta’ bini ma’ din it-triq. It-taqsima ta’ l-infurzar tal-MEPA hi responsabbli sabiex tiżgura li kull żvilupp isir skond il-permessi u ma jitħalliex terrapien jew materjal ieħor minn min qed jiżviluppa.

San Ġiljan — Triq Brydone

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se tiġi żviluppata f'taraġ l-art żdingata mimlija ġrieden, wirdien u ħaxix ħażin li tinsab ħdejn ir-residenza 43 Triq Brydone, San Ġiljan? Għaliex qed titħalla żdingata u mimlija ħmieġ meta r-residenti ta' 43 Triq Brydone, San Ġiljan ilhom li ħallsu l-flus dovuti biex isir taraġ jew forma ta' triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

San Ġiljan — Triq Spinola

Question

Peress li r-residenti ta' Triq Spinola, San Ġiljan suppost igawdu mis-sistema ta' ipparkjar residenzjali f'Paceville, għaliex ir-residenti xorta mhux qed isibu fejn jipparkjaw u persuni mhux residenti qed jokkupawlhom l-ispazji tagħhom ta' l-ipparkjar fit-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li nofs il-parkeġġ eżistenti fi Triq Spinola huwa bl-iskema tar-residents parking. Nikkjarifika li tali skema ma teskludix persuni li mhux residenti milli jipparkjaw iżda tillimithom li jipparkjaw biss għal mija u ħamsin minuta fil-ġranet u l-ħinijiet imniżżla fuq it-tabelli li hemm imwaħħlin fil-post. Tali skema ġiet implimentata bi ftehim mall-Kunsill Lokali ta' San Ġiljan.

Ħaż-Żebbuġ — Bus Shelters

Question

Jista' il-Ministru jindaga x'qed iżomm milli jiġu stallati bus shelters mill-ADT fi Triq il-Kandlora - parti ta' ħdejn il-mitħna - Ħal-Muxi - wara l-istatwa tal-Madonna - u fi Triq il-Mitħna - ħdejn il-flats tal-gvern - kollha siti f'Ħaż-Żebbuġ, minħabba li deħlin ix-xhur tax-xitwa u l-bżonn immedjat tagħhom għat-tfal Żebbuġin huwa ovvju?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li fil-postijiet imsemmija ma jgħaddux karozzi tal-linja li jaħdmu bi skeda. Għaldaqstant, l-ADT m’għandha l-ebda ħsieb li tinstalla bus shelter fil-postijiet imsemmija.

Rabat — Għar Barka - asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex f'Għar Barka fir-Rabat m'hemm l-ebda triq li se ssir mill-gvern ċentrali, meta ħafna mit-toroq f'din l-akkwata għandhom ħsara ta' aktar minn 70% u għalhekk jaqgħu direttament f'idejn il-gvern?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-programm li hejja l-ADT jiffoka fuq toroq residenzjali li qatt ma nbnew. Wara li tlestew it-toroq tal-Baħrija (iffinanzjati mill-ADT) fir-Rabat ma fadalx toroq ġodda x'jinbnew. Madankollu ġew inklużi ħames toroq għal resurfacing li huwa ammont sostanzjali. Tajjeb li wieħed jiġbed l-attenzjoni li x-xogħlijiet li għamel il-Gvern fi Triq ir-Riebu huwa ħafna aktar minn dak li jidher fil-programm għax minbarra l-culvert għall-ilma tax-xita saru wkoll il-bankini u l-wiċċ tat-Triq.

Rabat — Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jispjega għaliex l-Imtaħleb, il-Kunċizzjoni u tas-Salib u l-akkwati ta' Wied Qlejgħa, l/o Rabat il-gvern ma ddedika l-ebda ċenteżmu biex jitjiebu t-toroq ta dawn l-inħawi, toroq li jagħtu għal postijiet sbieħ tal-paesaġġ Malti u li huma frekwentati kemm minn Maltin u t-turisti? Hemm ħsieb li dawn it-toroq isiru? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-toroq fl-inħawi msemmija mill-Onorevoli Nterpellant m'humiex toroq arterjali w anqas distributorji w b’hekk il-manutenzjoni tagħhom ma taqax taħt il-Gvern Ċentrali. Madankollu fis-snin li għaddew il-gvern għamel xogħol ta’ surfacing f’dawn l-inħawi inklużi t-triq li tagħti għall-Imtaħleb, il-Baħrija, il-Landrijiet u parti f’tas-Salib, fl-inħawi taċ- Chadwick Lakes u Triq it-Tiġrija. Bix-xogħlijiet tat-toroq iffinanzjati mill-Protokoll Taljan kif ukoll meta wieħed jinkludi l- by pass tal-Imtarfa, it-toroq arterjali ta' madwar ir-Rabat ser ikunu saru kollha.

Importazzjoni ta' Veikoli

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew importati veikoli bil-mutur kull sena għal dawn l-aħħar għaxar snin? Kemm minnhom kienu ġodda u kemm second hand u x'tip kienu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat li hemm distinzjoni bejn importazzjoni ta’ vettura u reġistrazzjoni ta’ vettura. Għaldaqstant nitolbu jispeċifika xi jrid peress illi l-Awtorita’ dwar it-Trasport iżżomm informazzjoni dwar vetturi rreġistrati. Nitlob l-Onorevoli Kollega jispeċifika preċiżament l-informazzjoni li għandu bżonn minħabba l-fatt li din it-talba hi tant estensiva li mhux vijabbli li tinġabar.

Yellow Line

Question

Peress li xhur ilu tlabt li jiġi miżbugħ mill-ġdid il-line isfar quddiem ir-residenza ta' anzjana diżabbli li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u ġejt riferut lill-kunsill lokali u dan baqa' ma ħax passi, jista' jinżebagħ mill-ġdid il-line imsemmi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li minn riċerka li saret fir-records tat-Taqsima għall-Immaniġġjar tat-Traffiku ma nstabet l-ebda talba għal sinjal isfar u l-anqas m'hemm ebda approvazzjoni għal tali sinjal li għalih qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari.

Mellieħa — Triq l-Etna

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jitkompla l-ħajt u l-crash barrier li hemm fi Triq l-Etna, Mellieħa ħdejn Villa Sunset Beach, peress li l-fetħa fil-ħajt u l-crash barrier tagħti l-impressjoni li hemm public path fil-proprjeta' privata tar-residenti ta' Villa Sunset Beach b'detriment għalihom?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Bini ta' toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa kapitali għal: bini ta' toroq arterjali, manutenzjoni tat-toroq arterjali u bini ta' toroq residenzjali mill-2000 sal-lum, kull sena separatament?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal mistoqsija parlamentari numru 17295.

VRT

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' vetturi tal-gvern jew ta' enti parastatali li ma għaddewx mill-VRT din is-sena? Ta' liema dipartiment jew ente kienu?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment Tekniku ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport ikollu biss il-figura globali tal-vetturi li ma jgħaddux mit-test tal-VRT. Għalhekk statistika speċifika ta' dawk il-vetturi li ma jgħaddux mit-test ma tiġiex miżmuma separatament.

San Ġiljan — St Georges Road

Question

Billi ħafna sewwieqa spiss ma jindunawx biż-zebra crossing li hemm f'St Georges Road, San Ġiljan quddiem il-Pizza Hut, jista' isir xi lighting xieraq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari, saret spezzjoni fuq il-post minn uffiċjali għat-Taqsima għall-Immaniġġjar tat-Traffiku u l-Awtorita’ dwar it-Trasport ta’ Malta ser teżamina l-passi meħtieġa sabiex tali zebra crossing tiġi upgraded.

Tas-Sliema — Xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jinformana jekk hemmx maħsub xi tip ta' proġett f'Tas-Sliema, min-naħa tal-gvern ċentrali, bejn it-toroq ta' l-inħawi ta' Triq it-Torri u x-xatt? Jekk fl-affermattiv, meta hu pproġettat li jibda, x'nefqa hemm prevista u x'xogħlijiet hemm previsti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.