Legislature:
Category:
Reset
Active:

Riforma dwar il-pensjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk wara r-Riforma dwar il-Pensjonijiet li kienet ġiet imħabbra, hemmx il-ħsieb li l-istess grupp jissokta jaħdem għal aktar titjib f’dan il-qasam? Jekk iva, il-Ministru għandu xi pjanijiet jew terms of reference għall-Grupp ta’ Strateġija dwar il-Pensjonijiet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, l-Grupp ta’ Strateġija dwar il-Pensjonijiet se jibqa’ għaddej bil-ħidma tiegħu, biex fost oħrajn ikompli jirrakkomanda lill-Gvern miżuri li waqt li jkomplu jtejbu l-għixien ta’ l-eluf ta’pensjonanti, jissalvagwardjaw is-sostenibbilta’ tas-sistema fil-futur.

Persuni li jirċievu pensjoni mhux kontributorja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu n-numru ta’ persuni li qed jirċievu pensjoni mhux kontributorja?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, in-numru ta’ persuni li qed jirċievu pensjoni mhux kontributorja huwa ta’ 8,143, kif indikat fit-tabella t’hawn taħt: Tip ta’ Pensjoni Total Pensjoni tal-Età (AP) 4,974 Pensjoni ta’ persuni nieqsa mid-dawl (BLD) 280 Pensjoni tad-Diżabilità Intellettwali (HP) 2,082 Pensjoni tad-Diżabilita Severa (SHP) 717 Pensjoni tal-Wens (PW) 90 Total 8,143 Din l-istatistika hija meħuda skont l-aħħar pagamenti li tħallsu fid-9 ta’ Jannar 2016.

Persuni li jirċievu Pensjoni ta’ Diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni jieħdu l-Pensjoni ta’ Diżabilità u jaħdmu, u allura mhu jitnaqqsilhom xejn mill-pensjoni tagħhom kif kien jiġri sa ftit żmien ilu taħt l-Amministrazzjoni preċedenti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, in-numru ta’ persuni li jirċievu pensjoni ta’ diżabilità u jaħdmu, huwa ta’ 607. Irrispettivament mill-qliegħ tagħhom, bil-miżura mħabbra fil-budget is-sena li għaddiet issa huma intitolati għal-pensjoni ta’ diżabilita’ sħiħa.

Ftehim ma’ pajjiżi terzi għal adozzjoni ta’ tfal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar matul din is-sena fir-rigward ta’ ftehim u komunikazzjoni ma’ pajjiżi terzi sabiex jiġu megħjuna dawk il-familji li jixtiequ jadottaw?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, sabiex tingħata għajnuna lil dawk il-familji li jixtiequ jaddottaw, l-Awtorita’ Ċentrali ta’ Malta tikkomunika mal-Awtoritajiet Ċentrali tal-pajjiżi rispettivi. F’dan ir-rigward, ġie ffirmat ftehim mal-Vjetnam filwaqt li saret ukoll komunikazzjoni mal-Bulgarija, il-Kambodja, il-Brażil, iċ-Ċili, l-Indja, il-Polonja, il-Kosovo, ir-Repubblika Ċeka, il-Moldova u l-Istati Uniti tal-Amerika; fejn dawn il-pajjiżi wrew interess biex jikkoperaw ma’ Malta. Mill-banda l-oħra, il-Kroazja, il-Latvja, l-Armenija, il-Litwanja, it-Tajlandja, l-Ungerija u ċ-Ċina, ma wrewx interess li jkollhom xi forma ta’ ftehim ma’ Malta. L-Awtorita’ Ċentrali ta’ Malta tieħu ħsieb li tinforma lill-Aġenziji Akkreditati Maltin bil-pajjiżi li jkunu wrew interess li jikkoperaw ma’ Malta. Meta l-pajjiż li jkun jixtieq kooperazzjoni ma’ Malta jkun bħal Malta ukoll firmatarju tal-Konvenzjoni tal-Ajja (The Hague), mhux dejjem ikun hemm bżonn li jiġi ffirmat Memorandum of Understanding f’dan ir-rigward. Finalment, tibqa’ dejjem il-prerogattiva tal-pajjiż li jibgħat it-tfal, li jiddeċiedi liema tfal ser jingħataw għall-adozzjoni internazzjonali, u li sussegwentament dan il-pajjiż rispettiv jieħu ħsieb ukoll li jqabbel l-istess tfal ma’ ġenitur/i adottiv/i prospettiv/i.

Tfal fostered u fi stituti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandna tfal fostered ma’ familji u kemm hemm tfal fl-istituti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, sa Diċembru 2015 kien hemm : · 211 – il tifel u tifla jirrisjedu fi Djar tat-Tfal u · 233 - il tifel u tifla Fostered

Pensjoni – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u jgħid għalfejn il-pensjoni ta’ din il-persuna ilha sena li twaqqfet?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħlas tal-pensjoni non-kontributorja tal-persuna msemmija kien twaqqaf minħabba li eċċediet l-iskala stabbilita fil-Ligi tas-Sigurta` Soċjali (Kap. 318). Inżid ukoll li fil-preżent hemm Appell pendenti quddiem l-Arbitru dwar il-każ tal-persuna msemmija.

Pensjonanti — bonus

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn il-pensjonanti li huma eleġibbli għall-bonus tal-età meta jagħlqu l-75 sena qed ikollhom jistennew mill-inqas sitt xhur biex jirċievuh?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-proċess tal bonus għal dawk li jagħlqu l-75 sena, isir kull erba’ ġimgħat biex dawk li jagħlqu żmienhom bejn proċess u ieħor u d-dettalji tagħhom fuq is-sistema jkunu kollha tajbin, ikunu jistgħu jitħallsu. Ma’ kull proċess, joħroġ rapport fejn ikun hemm indikat dawk il-persuni li d-dettalji tagħhom ma jkunux korretti. Dawn jiġu rranġati biex fil-proċess ta’ wara, jitħallsu wkoll. Għalhekk, jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi każ fejn il-benefiċjarju għadu ma tħallasx, nitolbu biex jgħaddili d-dettalji ħalli d-Dipartiment jara x’kienet ir-raġuni u jekk il-ħlas għadu ma sarx dan isir mill-aktar fis.

Home visit – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li ssir home visit lill-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, l-anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, ma għandha ebda applikazzjoni jew talba pendenti mad-Dipartiment tal-Anzjani u Kura fil-Komunita’.

Home Visit – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-anzjan li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward home visit?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-każ tal-persuna kkonċernata qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Ħruġ ta’ ċertifikat – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li jiġi vverifikat każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward ħruġ ta’ ċertifikat?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, ċ-ċertifikat li qed issir referenza għalih fil-mistoqsija parlamentari kien ingħata lill-persuna msemmija, għall-ħabta ta’ Novembru 2015, flimkien mal-kumplament tal–istaff li ċ-ċertifikati tagħhom kienu għadhom ma waslux.

Persuni li għandhom ‘il fuq minn 60 sena u dawk inqas minn 20 sena

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ Maltin u Għawdxin f’pajjiżna li llum għandhom ‘il fuq minn 60 sena u dawk inqas minn 20 sena?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Persuni li jirċievu l-Għajnuna Soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm naqas jew żdied in-numru ta’ persuni li jirċievu l-Għajnuna Soċjali fi tmiem Diċembru 2014 u llum? Jista’ l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-persuni sabu jew instabilhom xogħol?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-ammont ta’ persuni li kienu jirċievu l-Għajnuna Soċjali, bejn l-aħħar ta’ Diċembru 2014 u l-aħħar ta’ Diċembru 2015, naqas b’2,188 Tajjeb ukoll ikun indikat li matul is-sena 2015, kien hemm 1,234 benefiċjarju li waqfu milli jirċievu l-Għajnuna Soċjali għax sabu impjieg u gawdew mill-miżura tat-Tnaqqis Gradwali tal-Benefiċċju (tapering of benefits). B’kollox matul is-sena 2015 kien hemm 2,349–il persuna li f’xi żmien matul is-sena kienu jieħdu l-Għajnuna Soċjali u qabdu jaħdmu.

L-Imsida – Sheltered Employment Training — toilets

Question

Jista’ l-Ministru jara li fis-Sheltered Employment Training (Ċentru Lino Spiteri) fl-Imsida, it-toilets ikunu b’qisien li jkunu aċċessibli u kif stipulat bil-liġi biex jirrispettaw il-bżonnijiet tal-persuni b’diżabilità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

L-Imsida – Sheltered Employment Training – parkeġġ adegwat għall-persuni b’diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jara li barra x-Sheltered Employment Training fl-Imsida, ikun hemm parkeġġ adegwat għall-persuni b’diżabilità li jagħmlu użu mis-servizzi offruti f’dan iċ-ċentru, peress li fil-preżent is-sitwazzjoni qed tiżviluppa f’waħda ta’ perikolu u inkonvenjent għall-persuni indikati kif ukoll għall-qraba tagħhom li jkunu qed iwasluhom fuq il-post?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — nefqa fuq reklamar u informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 21341 u jgħid x'kienet in-nefqa fuq kampanji ta' reklamar u informazzjoni mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu? Jista' jagħti din l-informazzjoni sena b'sena mill-2013 'l hawn, entità b'entità u dipartiment b'dipartiment?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħaddiema li għandhom kuntratti ma’ operaturi fil-qasam tas-saħħa – rata ta’ paga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-rata tal-paga, kull siegħa, tal-ħaddiema li għandhom il-kuntratt tax-xogħol tagħhom ma’ operaturi u/jew kuntratturi li jagħtu servizz fil-qasam tas-saħħa wara sejħa għall-offerti fl-1 ta’ Jannar 2012, fl-1 ta’ Jannar 2013, fl-1 ta’ Jannar 2014, fl-1 ta’ Jannar 2015 u fl-1 ta’ Jannar 2016? X’kienet ir-rata tal-ħlas għal dawn l-istess gradi f’kull każ ta’ sahra matul il-ġimgħa, sahra l-Ħadd u sahra fil-Festi Pubbliċi għal kull siegħa?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba, li tikludi informazzjoni dwar ħaddiema li għandhom kuntratti ma’ Operaturi fil-qasam tas-Saħħa, ġewwa r-Residenza San Vinċenz u d-Dipartiment tal-Anzjani u Kura fil-Komunita’, tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Residenza SVPR – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jinvestiga l-każ ta’ anzjan li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li jinsab f’home u qed issir talba biex ikun trasferit għar-residenza SVPR?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ imsemmi qed jingħata l-attenzjoni meħtieġa.

Social housing

Question

Billi matul din il-leġiżlatura l-Gvern bosta drabi tkellem fuq social housing sostenibbli, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’sar s’issa biex dan il-kliem ikun jista’ jissarraf f’realtà?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, bħala miżuri ta’ Social Housing sostenibbli, l-Awtorità tad-Djar ħasbet għal pjanijiet kemm short term kif ukoll long term. Bħala miżura short term, l-Awtorità ħarġet sejħa għal proposti, liema sejħa tinsab fi stadju avvanzat. Bħala miżura long term, l-Awtorità tad-Djar ser tkun qed tinvesti mal-€50 miljun f’bini ta’ postijiet ġodda li dan għandu jħalli numru konsiderevoli ta’ appartamenti fi żmien tliet snin.

Iċ-Ċittadella – Rampa tal-Pjazza Katidral

Question

Jista' l-Ministru jgħid x' passi se jieħu l-Ministeru tiegħu biex issa li ġie stabilit li r-rampa li saret fi Pjazza Katidral fiċ-Ċittadella f'Għawdex mhix skont il-guidelines Access for All din tittranġa u tkun skont dawn il-guidelines? Ma jaħsibx Ministru li dan huwa proġett tal-Gvern kofinanzjat mill-Unjoni Ewropeja li kellu jkun ta' eżempju kif jkun aċċessibbli għal kulħadd speċjalment għall-persuni bi problemi ta' mobilità?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, r-rampa li saret fi Pjazza Katidral fiċ-Cittadella Għawdex, kif ġiet approvata mill-KNPD ma kenitx intiża li tifforma parti minn rotta aċċessibbli għal bini pubbliku, u dan joħroġ ċar mill-pjanti approvati. Ir-rampa li ġiet approvata tifforma parti mit-triq li per konsegwenza trid timxi mal-pendil tat-triq. Fil-fatt il-pendil ta’ din il-parti tat-triq ittejbet permezz tar-rampa/triq li ġiet iffurmata. Kif hemm spjegat fir-rapport tal-KNPD tad-29 ta’ Settembru 2011, l-aċċess għall-bini li hemm fil-Pjazza kellu jiġi ndirizzat b’modi oħra. Minħabba nuqqas ta’ spazju, l-aċċess għal bini pubbliku ma jistax jissolva b’rampa. Għal dan il-għan, il-KNPD ġiet infurmata (u ġie kkonfermat mill-istess KNPD) li hemm applikazzjoni quddiem il-MEPA biex dan l-aċċess jiġi pprovdut permezz ta’ lift li għandu jagħti aċċess pubbliku skont l-Access for All Design Guidelines lill-binjiet fil-Pjazza speċjalment għall-persuni b’nuqqas ta’ mobilità kif ukoll rotta aċċessibbli għaċ-Cittadella.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — bordijiet tal-appell

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-Bordijiet tal-Appell, taħt kwalsiasi isem jew titolu, li jinsabu fid-dekasteru tiegħu u b’liema liġi hu mwaqqaf kull Bord jew Tribunal?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella t’hawn taħt: Isem tal-Bord tal-Appell Ligijiet li bihom huma mwaqqfa dawn il-Bordijiet Bord ta' Appell (Adozzjoni) Att dwar L-amministrazzjoni tal-Adozzjoni, (Kap. 495), Taqsima V, Artiklu 16 Bord ta' Appell (Fostering) Att dwar il-Foster Care (Kap. 491) Taqsima IV, Article 14 Arbitri Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap. 318), Taqsima VIII, Artiklu 107