Jista' l-Ministru jagħti lista tal-jobs approvati f'Marzu, 1999 mit-taqsima tax-xogħlijiet, uffiċċju ċentrali tad-distretti, ta' xogħol bħala Non Council Task? Fejn saru? Fiex kien jikkonsisti? Kemm ġew jiswew? Liema minn dawn il-jobs strettament jaqgħu taħt il-kompetenza tal-kunsilli lokali rispettivi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew organizzati riċevimenti mill-ministeru jew id-dipartimenti li jaqgħu taħtu mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-lum?
F'liema okkażjoni ġew organizzati dawn ir-riċevimenti u kemm ġew jiswew flus?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li mill-1 ta' Jannar 2000 ġew organizzati erba' riċevimenti fil-Ministeru għall-Ambjent. Dawn kienu:
1. Mid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent konness mas-Seminar
li kien sar Malta - MAP CAMP - Inception Workshop - 3-4 ta'
Frar 2000. In-nefqa totali kienet ta' Lm327.60
2. Sar riċeviment fl-10 ta' Jannar 2000 li għalih kienu mistiedna
l-ħaddiema kollha, kemm tal-Gvern kif ukoll tal-kuntratturi li
taw sehemhom fil-Proġett ta' l-"Arts Centre, St. James Cavalier". In-nefqa kienet ta' Lm1449.50.
3. Mis-Segretarjat Permanenti fl-okkażjoni ta' tmiem l-impjieg ta'
wieħed mill-ħaddiema. In-nefqa kienet ta' Lm86.20.
4. Sar ukoll SITM Seminar bejn l-24 u l-25 ta' Jannar 2000.
In-nefqa kienet ta' Lm145.67.
Jista' l-Ministru jagħti l-kriterji li fuqhom ġie approvat mit-taqsima tax-xogħlijiet, uffiċċju ċentrali tad-distretti, ix-xogħol bħala non-council task, tal-"Job" "Reinstatement of Pavement at Ferries Street, Gżira" f'Marzu 1999? Kemm ġie jiswa x-xogħol? Xi status kellu dwar din il-ħidma s-Sur Joe Dalmas?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ma kien hemm l-ebda kriterji jew raġunijiet partikolari li fuqhom ġie approvat dan ix-xogħol. Xogħlijiet bħal dawn isiru wara talbiet li jaslu fil-Ministeru. Jekk il-Ministeru jidhirlu li talba tkun ġustifikata għal raġunijiet ta' urġenza, umanitarja jew raġunijiet oħra, allura jwettaq ix-xogħol mitlub.
Ix-xogħol ġie jiswa Lm1,805.00
F'Marzu 1999 is-Sur Joe Dalmas kellu l-kariga ta' Uffiċjal tas-Sigurta' fil-Ministeru tiegħi pero' jwettaq ukoll doveri fl-Uffiċju tal-Customer Care.
Jista' l-Ministru jagħti l-kriterji u r-raġunijiet li bihom ġie approvat f'Marzu, 1999 mit-taqsima tax-xogħlijiet, uffiċċju ċentrali tad-distrett, ix-xogħol bħala Non-Council Task tal-"Job", "Construction of Retaining wall at Birkirkara Road, San Ġwann?
Kemm ġie jiswa dan ix-xogħol? Xi status kellu s-Sur Joe Dalmas biex jitlob li dan ix-xogħol jitwettaq? X'kariga jokkupa jew kien jokkupa f'Marzu 1999 is-Sur Dalmas?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Għar-rigward ta' l-ewwel u l-aħħar parti tal-mistoqsija tiegħu, nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15066 ta' din is-seduta.
Ix-xogħol ġie jiswa Lm204.00.
Jista' l-Ministru jagħti l-kriterji u r-raġunijet li bihom ġie approvat f'Marzu, 1999 mit-taqsima tax-xogħlijiet, uffiċċju ċentrali tad-distretti, ix-xogħol bħala Non Council Task tal-Job, "Levelling and Asphalting at New Street in Sacred Heart Street, St Julians? Kemm ġie jiswa dan ix-xogħol? Xi status kellu s-Sur Michael Aquilina biex jitlob li dan ix-xogħol jitwettaq? X'kariga jokkupa jew kien jokkupa f'Marzu, 1999 is-Sur Aquilina?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Għar-rigward ta' l-ewwel parti tal-mistoqsija tiegħu, nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15066 ta' din is-seduta.
Ix-xogħol ġie jiswa Lm139.68.
Is-Sur Michael Aquilina huwa Assistent Segretarju Privat tiegħi u ilu jokkupa din il-kariga minn Ottubru 1998.
Jista' l-Ministru jagħti l-kriterji u r-raġunijiet li bihom ġie approvat f'Marzu, 1999 mit-taqsima tax-xogħlijiet, uffiċċju ċentrali tad-distretti, ix-xogħol bħala Non Council Task tal-Job, "Refurbishment of Football Ground at San Ġwann"? Kemm ġie jiswa dan ix-xogħol? Xi status kellu s-Sur Joe Dalmas biex jitlob li dan ix-xogħol jitwettaq? X'kariga jokkupa jew kien jokkupa f'Marzu 1999, is-Sur Dalmas?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Għar-rigward ta' l-ewwel u l-aħħar parti tal-mistoqsija tiegħu, nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15066 ta' din is-seduta.
Ix-xogħol ġie jiswa Lm612.00.
Jista' l-Ministru jagħti l-kriterji u r-raġunijiet li bihom ġie approvat f'Marzu, 1999 mit-taqsima tax-xogħlijiet, uffiċċju ċentrali tad-distrett, ix-xogħol bħala Non Council Task tal-Job "Concreting of Pavement at Church Street, Ta' Xbiex"? Kemm ġie jiswa dan ix-xogħol? Xi status kellu s-Sur Joe Dalmas biex jitlob li jitwettaq dan ix-xogħol u x'kariga kien jokkupa f'Marzu, 1999?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Għar-rigward ta' l-ewwel u l-aħħar parti tal-mistoqsija tiegħu, nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15066 ta' din is-seduta.
Ix-xogħol ġie jiswa Lm72.00.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji u raġunijiet ġie approvat f'Marzu, 1999 mit-taqsima tax-xogħlijiet, uffiċċju ċentrali tad-distretti, ix-xogħol bħala Non Council Task tal-Job "Works to be carried out at St Bernardette Primary School "B", San Ġwann"? Kemm ġie jiswa dan ix-xogħol? X'kienu n-"Necessary Channels" li għaddiet minnhom il-proposta biex dan ix-xogħol isir?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jien infurmat li kull ma sar kien li ntlaqgħet talba mill-kap ta' l-iskola msemmija biex issir rampa għall-persuni bi ħtiġijiet speċjali, jitnaddfu u jingħalqu bi gradilji żewġt ibjar li kienu perikolużi u xi xogħlijiet żgħar oħra, li b'kollox swew Lm261.26. Biex sar dan ix-xogħol l-approvazzjoni għaddiet mill-istess 'channels' li kienet tgħaddi minnhom fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-drenaġġ ta' l-Industrial Estate ta' Ħal Far hux imqabbad ma' l-impjant tat-trattament tad-drenaġġ li kien inbena apposta f'Ħal Far stess?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li s-sistema tad-drenaġġ ta' l-Industrial Estate ġo Ħal Far mhix mqabbda ma' dak li qiegħed jissejjaħ impjant tat-trattament tad-drenaġġ. Fil-fatt dan l-impjant, li llum huwa dilapidat u abbandunat, ilu ma jiffunzjona għal ħafna snin.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema lokalitajiet ġew irrapportati żbroff tad-drenaġġ f'dawn l-aħħar 12-il xahar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jien infurmat illi s-Sezzjoni tal-Manutenzjoni tad-Drenaġġ kuljum ikollha rapporti ta' stoppages u blockages fis-sistema tad-drenaġġ f'kull parti ta' Malta. Biex nagħti eżempju ta' dan, bejn Marzu 1999 u Marzu 2000 f'Ħaż-Żebbuġ biss kien hemm 120 stoppages.
Kultant, imma mhux dejjem, stoppage jew blockage jista' jirriżulta fi żbroff ta' drenaġġ.
Jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni ttieħdet mill-ministeru wara li l-kunsill lokal tal-Fgura kien poġġa petizzjoni fil-Kamra tal-Parlament minħabba trab iswed fil-lokal u ta' madwar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 14125 (Seduta 250).
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-lift li kellu jsir fil-Palazz, il-Belt, fejn jiltaqa' l-Parlament? Meta beda dan il-proġett? Kemm hu stmat li se jiġi jiswa? Fejn se jsir eżatt? Meta hu maħsub li jitlesta? Min qed jagħmel ix-xogħol? Veru saret sub-station biex tipprovdi l-elettriku għal dan il-lift? Veru twaqqaf kumitat biex jieħu ħsieb dan il-proġett? Minn min hu kompost u kemm-il darba ltaqa'? Min kien preżenti f'kull laqgħa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol fuq il-lift li qed isir fil-Palazz tal-President il-Belt jinsab fi stadju ta' progress sodisfaċenti. Ix-xogħol fuq l-istruttura tal-ħadid hija prattikament lesta (ċirka 90%). Ix-xogħol fuq l-istallazzjoni tal-lift ser jibda matul il-ġimgħa li tibda 27 ta' Marzu u mistenni jitlesta fi żmien ħames ġimgħat oħra. Ix-xogħol ta' cladding madwar l-istruttura ser isir fl-istess żmien u jitlesta fi żmien madwar disa' ġimgħat oħra.
Il-proġett, li kien ikopri fl-ewwel fażi tiegħu xi civil works, inbeda fil-bidu tas-sena l-oħra. Il-lift mistenni jkun kommissjonat sa l-aħħar ta' Mejju ta' din is-sena. Is-sit fejn qed isir il-proġett hi l-bitħa Prince Alfred Courtyard. Ix-xogħol tal-lift qed tagħmlu l-kumpanija CSL Co. Ltd. Kienet saret substation li nofs il-kapaċita' tagħha ser jintuża esklussivament għall-Palazz.
Ma twaqqaf l-ebda kumitat biex jieħu ħsieb dan il-proġett partikolari. Il-proġett qed jieħu ħsiebu Perit mit-Taqsima tar-Restawr fit-Taqsima tax-Xogħlijiet, Ministeru għall-Ambjent.
Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn kienx hemm xi karozzi mikrija lill-ministeru jew xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, jew mixtrija mill-ministeru jew minn xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, jew proprjeta' tal-ministeru jew ta' xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, li qed jintużaw minn individwi li m'humiex uffiċjali jew impjegati mal-ministeru jew xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu?
Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid: (1) minn min qed jintużaw; (2) minn meta bdew jintużaw; (3) x'marka huma l-karozzi u meta nxtraw; (4) kemm swew fi flus Maltin; (5) xi kriterji ntużaw biex qed jintużaw minn min qed jintużaw?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jien infurmat li l-karozzi kollha, kemm mikrija kemm propjeta' tal-Gvern huma kollha wżati minn uffiċjali jew impjegati tad-Dipartimenti jew tal-Ministeru.
Jista' l-Ministru jinvestiga u jasal għal mod kif il-pjazza taż-Żurrieq ma tegħreqx kull meta tagħmel ix-xita, u dan billi l-ilma li jinżel minn Triq San Mikiel jiġi dirett għal banda oħra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-lokal imsemmi mill-Onorevoli Interpellant huwa responsabbilita' tal-Kunsill Lokali. Il-problema ta' għargħar hija responsabbilita' tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma.
Billi fi Triq Patrick Baydon f'San Ġiljan hemm ħsarat fis-sistema tad-drenaġġ tant illi d-drenaġġ qiegħed jiskula għal ġo l-għelieqi adjaċenti għal din it-triq, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra għalfejn id-dipartiment konċernat għadu ma ħa l-ebda azzjoni, minkejja illi saru diversi rapporti mis-sidien ta' l-għelieqi in kwestjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li saret manutenzjoni fil-main tad-drenaġġ tat-Triq P. Brydon, San Ġiljan. Ġew imsewwija wkoll xi 'manholes' li nkissru mit-trakkijiet kbar li għaddew minn fuqhom waqt xogħlijiet ta' kostruzzjoni fil-Housing Estate ta' biswit.
Dan ix-xogħol sar fl-24 ta' Frar li għadda u minn dak iż-żmien s'issa ma daħlux rapporti iżjed ta' fawran fl-għelieqi ta' madwar.
Jista' l-Ministru jara li l-għalqa li qegħda tagħti għal fuq Triq Ħal Millieri fiż-Żurrieq, tiġi mnaddfa mill-ħmieġ li ġie mitfugħ fiha u li faċilment jista' jġib mard fuq it-tfal li jmorru jilagħbu fiha?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Tlabt lid-Dipartiment konċernat biex l-area li qed isemmi l-Onorevoli Interpellant titnaddaf fil-futur qarib.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se tingħata għajnuna lil dawk is-sidien tal-barrieri li sofrew dannu kbir wara x-xita ta' dawn l-aħħar xhur peress illi l-barrieri tagħhom għerqu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
M'huwiex normali li tingħata għajnuna tat-tip suġġerit f'ċirkostanzi bħal dawn.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-culvert fl-area tal-Bebbux, Żurrieq, se jitkompla? Jista' jara li meta eventwalment dan ix-xogħol jitlesta ma tinħoloqx sitwazzjoni fejn il-katusi jifgaw bl-ilma b'mod illi l-proġett ikollu jiġi res inutili - kif fil-fatt l-indikazzjoni hija ċara li hekk se jiġri?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal Tal-Bebbux II, ix-xogħlijiet li kellhom x'jaqsmu mal-kostruzzjoni ta' culverts tlesta f'Lulju 1999.
Kif ġie konfermat mal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq, din is-sistema tat riżultati pożittivi fix-xitwa li għaddiet.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex mhux tittieħed biżżejjed azzjoni biex ix-xatt tax-Xgħajra, fuq in-naħa tal-Kalkara u fuq in-naħa ta' Wied il-Għajn, ma jibqax iservi ta' rubbish dump?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-areas indikati mill-Onorevoli Interpellant jaqgħu parti taħt il-Gvern Ċentrali u parti taħt il-Kunsilli Lokali.
Il-parti li taqa' taħt il-Gvern Ċentrali ser tiġi mnaddfa fil-futur qarib. Rigward il-parti l-oħra, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.