Legislature:
Category:
Reset
Active:

Postijiet ta' Divertiment — Persuni taħt l-eta'

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il persuna taħt l-eta' ta' 16-il sena nqabdu f'bars u postijiet oħra ta' divertiment fil-perijodu bejn Ġunju u l-15 ta' Settembru, 2006? Kemm kienu barranin? X'passi ttieħdu kontra s-sidien ta' dawn il-postijiet? Kemm-il post kien involut u kemm kien hemm li diġa' kienu ttieħdu passi kriminali kontrihom bil-qorti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Ġunju u l-15 ta' Settembru ta' l-2006, il-Pulizija sabet sitt persuni taħt is-sittax il-sena, kollha Maltin, f'żewġ postijiet ta' divertiment. B'riżultat ta' dan il-Pulizija bdiet proċeduri kriminali kontra 2 persuni responsabbli minn dawn il-postijiet, li kienu t-tnejn l-ewwel darba.

Ħruġ ta' Visa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk mara ta' nazzjonalita' barranija barra l-Unjoni Ewropea, miżżewġa u tgħix regolarment ma' żewġha Malti, tistax tilqa' għandha u tagħmel tajjeb għall-ħruġ ta' visa għall-familjari tagħha?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kull applikazzjoni għall-ħruġ ta' visa tkun ikkunsidrata skond il-meriti u ċirkostanzi tal-każ individwali.

Pulizija — Każ dwar Proċeduri Kriminali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija hix se tistitwixxi proċeduri kriminali fil-konfront ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament fuq kwerela li saret mill-persuna li dettalji dwarha wkoll qed jintbagħtu separatament? Jista' jgħid taħt liema dispożittivi tal-Kodiċi Kriminali se titressaq din il-persuna? Se tittieħed azzjoni taħt Artikoli 101, 252, 309 u 310 ta' Kap 9?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-investigazzjoni fil-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant għad mhix konkluża.

Importazzjoni ta' Armi tan-Nar

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew importati armi tan-nar din is-sena s'issa u x'tip kienu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta’ Jannar u t-12 ta’ Settembru 2006 ġew importati 1,847 armi tan-nar, kif jidher hawn taħt: Pin fire revolver 3 Matchlock pistol 10 Machine gun 3 Air pistol 95 Air rifle 366 Mortar 1 Sub machine gun 1 Carbine 10 Matchlock musket 10 Percussion cap pistol 3 Muzzlegun 1 Percussion revolver 2 Flare pistol 3 Pepper box revolver 1 Shotgun 446 Revolver 89 Pistol 379 Flintlock musket 5 Rifle 403 Percussion musket 2 Paintball gun 8 Flintlock pistol 6

Pulizija — Ingaġġ ta' kuntistabbli

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet fl-aħħar sejħa għall-ingaġġ ta' kuntistabbli? Jista' jgħid fiex wasal il-proċess ta' l-għażla u kemm se jkun in-numru ta' dawk li se jiġu ingaġġati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-proċess ta' l-għażla tar-reklutaġġ fil-Korp tal-Pulizija wasal biex ikun finalizzat.

Ġurijiet Pendenti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ġurijiet pendenti? Meta sar l-allegat reat ta' dawk li qegħdin jistennew u x'tip ta' reat allegatament wettqu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi sad-19 ta' Awissu 2006 kien hemm 39 ġurijiet pendenti. Id-dettalji dwar dawn mitluba mill-Onor. Interpellant huma kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Postijiet ta' Divertiment — Tfal taħt l-eta'

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tfal inqabdu ġo postijiet ta' divertiment fejn ma jistgħux jidħlu din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Awissu ta' l-2006, il-Pulizija bdiet proċeduri quddiem il-Qorti kontra 17-il persuna responsabbli minn postijiet ta' divertiment, wara li kienu nstabu 48 persuna taħt is-sittax-il sena f'postijiet ta' divertiment.

Tipjip fejn mhux permess

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm persuni ttellgħu l-qorti talli pejpu f'postijiet fejn it-tipjip mhux permess?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena il-Pulizija ħadet passi quddiem il-Qorti kontra 580 persuna talli pejpu ġewwa postijiet fejn it-tipjip huwa pprojbit.

Pulizija — Bomb Hoaxes

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru bomb hoaxes din is-sena u fejn saru?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Awissu ta' l-2006, il-Pulizija kellha 41 rapport dwar bomb hoax, f'dawn il-lokalitajiet: Birkirkara Luqa Mosta Qormi San Pawl il-Baħar Birżebbugia Marsa Msida Rabat Sliema Floriana Marsascala Naxxar Rabat (Għawdex) Valletta Għajnsielem Mdina Paola San Ġiljan Żabbar Ħamrun Mellieħa Pieta' San Ġwann Żejtun

Kunsilli Lokali — Ħaddiema

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19726 u jgħid x'inhu n-numru ta' ħaddiema tal-gvern u/jew li kienu jaħdmu ma' azjendi parastatali li bħalissa qed jaħdmu mal-kunsilli lokali? Jista' jgħid ukoll kemm minnhom huma mislufa u kemm għandhom impjieg permanenti? Jista' jelenka kif dawn il-ħaddiema huma mpjegati ma' kull kunsill u liema hu x-xogħol li qegħdin jagħmlu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għar-rigward tan-numru ta' ħaddiema tal-gvern u/jew parastatali li bħalissa qed jaħdmu mal-Kunsilli Lokali hi kif tidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-ħaddiema kollha, minbarra tlieta, qed jagħmlu xogħol ta' manutenzjoni ġenerali. Tliet ħaddiema li huma assenjati mal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa, Pieta' u ż-Żurrieq qed jagħmlu xogħol klerikali ta' Customer Care.

Foss ta' l-Imdina

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li tiġi rimedjata l-problema li qed tkerrah il-madwar tal-Belt ta' l-Imdina u cioe' il-foss mad-dawra ta' din il-belt storika? B'riferenza għall-korrispondenza bejn il-kunsill ta' l-Imdina u l-environment landscaping consortium li kopja tagħha qed tintbagħat separatament, li tikkonferma l-bżonn ta' soluzzjoni immedjata, jista' il-Viċi Prim Ministru jintervjeni sabiex tinstab soluzzjoni fl-inqas żmien possibbli? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-foss ta' l-Imdina jinqasam f'ħames partijiet. Iż-żewġ partijiet li fihom l-imsaġar taċ-ċitru huma responsabilta' tal-gvern kif diġa' ġie indikat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 20692. Il-parti tal-ground tal-football ukoll taqa' taħt ir-responsabilta' tal-gvern ċentrali u għalhekk l-Onor Membru huwa mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat. Iż-żewġ partijiet l-oħra, jiġifieri, iż-żona tal-parkeġġ (ħdejn il-Mina tal-Griegi) u fejn hemm il-5-a-side football pitch u t-tennis court, jieħu ħsiebhom il-Kunsill u jiena nfurmat illi dawn iż-żoni jitnaddfu regolarment mill-Kunsill.

Pulizija — Liġijiet ta' Malta

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija hux ser imexxu proċeduri kriminali fil-konfront ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Jista' jgħid jekk il-pulizija hux se tinkludi akkuża taħt id-dispożittiv ta' Artiklu 101 (1)(a) ta' Kap 9 tal-Liġijiet ta' Malta?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħtini aktar dettalji dwar il-każ li qed jirreferi għalih sabiex inkun nista' nitlob li jingħatali t-tagħrif meħtieġ.

Kunsilli Lokali — kumitat dwar finanzi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-liġi tal-kunsill lokali tobbligax lil kull kunsill li jkollu kumitat/sottokumitat dwar finanzi? X'inhi l-funzjoni ta' dan il-kumitat/sottokumitat? X'inhuma r-regolamenti li jirregolaw l-obbligi tat-tali kumitat tal-finanzi? Jekk hux il-kunsilli lokali kollha għandhom tali kumitat?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi l-Att dwar Kunsilli Lokali ma jobbligax Kunsill Lokali li jkollu kumitat/sotto kumitat tal-finanzi. Mandanakollu, il-Proċeduri dwar Kunsilli Lokali (Finanzi) jistipulaw illi f'każ li Kunsill Lokali jkollu Indikatur tal-Qagħda Finanzjarja b'bilanċ favorevoli li jkun anqas minn għaxra fil-mija ta' l-allokazzjoni li l-Gvern ikun approva lil dak il-Kunsill għal dik l-istess sena finanzjarja, il-Kunsill ikun obbligat jaħtar Kumitat tal-Finanzi. Qabel kull deċizjoni dwar xi spiża, il-Kunsill għandu jikseb il-parir bil-miktub tal-Kumitat tal-Finanzi, li jevalwa n-nefqa proposta fil-kuntest tal-qagħda finanzjarja tal-Kunsill. Il-funzjoni ta' dan il-Kumitat huwa li jassisti lill-Kunsill fil-funzjoni tiegħu fejn jidħlu materji finanzjarji. L-operat tal-kumitati u sotto kumitati huwa regolat permezz ta' l-artikolu 47 ta' l-Att dwar Kunsilli Lokali. Għar-rigward jekk hux il-Kunsilli Lokali kollha għandhom kumitat tal-finanzi, l-informazzjoni dwar dan qed tinġabar u tingħata tweġiba f'seduta oħra.

Isla — Arloġġ

Question

B'riferenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 18315, 19826 u 20642, peress li skond l-informazzjoni li ngħatat għall-aħħar domanda parlamentari dak l-arloġġ jaqa' taħt il-kontroll tal-ministeru responsabbli mill-artijiet tal-gvern, jista' il-Viċi Prim Ministru jirrimedja biex l-arloġġ ta' l-Isla jiġi restawrat u jerġa' isir funzjonabbli? Peress li dan l-arloġġ jinsab fl-Isla, ikunx pratikabbli li l-gvern jgħaddih lill-kunsill lokali ta' dak il-lokal biex jara li jinżamm kif suppost?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-arloġġ tal-Isla kien jifforma parti minn proprjeta' akbar li għaddiet lura lill-Gvern taħt l-Att Dwar ir-Ristrutturar tat-Tarznari. Il-Gvern għadu qed jikkunsidra xl-aħjar isir minn din il-proprjeta'. Peress li r-restawr ta' proprjeta' storika tal-Gvern jaqa' taħt ir-Responsabbilta' tal-Ministeru għar-Riżorsi u Infrastruttura, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jirreferi l-parti tal-mistoqsija dwar ir-restawr tal-arloġġ lil dak il-Ministeru. Dwar il-possibilta' ta' devoluzzjoni lill-Kunsill Lokali tal-lokal, it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern tkun lesta tikkunsidra talba bħal din meta din issirilha.

Għawdex — Ċitazzjonijiet mill-wardens

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet mill-wardens f'Għawdex matul ix-xhur ta' Ġunju, Lulju u Awissu 2006? Jista' jagħti l-elenku għal kull raħal separatament kif ukoll jgħid kemm minnhom kienu dwar vetturi reġistrati fuq sidien Maltin u kemm minnhom reġistrati fuq sidien Għawdxin?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li billi l-informazzjoni għadha qed tinġabar, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.

Separazzjonijiet ta' żweġijiet

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija lili għall-mistoqsija parlamentari 20731, seduta nru. 430, jista' il-Viċi Prim Ministru jara li tibda tinżamm din l-istatistika peress li hi ta' interess pubbliku?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-proċedura tal-medjazzjoni ma tippermettix li tinżamm statistika simili.

Sta Venera — Kunsill Lokali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20635, jista' il-Viċi Prim Ministru jispjega jekk bl-istqarrija li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant diġa' ngħatat fi tweġiba li jien tajt għall-mistoqsija parlaentari numru 12541, ifissirx li l-informazzjoni għadha tinġabar kif kien fil-fatt ġie dikjarat f'mistoqsijiet parlamentari 12541 u 15122 f'Mejju 2005 u f'Ottubru 2005 rispettivament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-nota spjegattiva li poġġejt fuq il-mejda tal-Kamra bħala parti mit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 12541, tinkludi l-informazzjoni kollha li qed jitlob l-Onor Interpellant dwar ir-Rapporti ta' Effiċjenza li saru dwar il-Kunsilli Lokali ta' Santa Venera mill-1995 sa Marzu ta' l-2005. In-nota mat-Tweġiba Parlamentari Nru 12541, li tgħid: "L-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tad-domanda qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra", saret bi żvista.

Twelid ta' Tfal

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm twieldu tfal minn nisa mhux miżżewġa din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li skond informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju ta' l-Istatistika, in-numru ta' tfal li twieldu minn nisa mhux miżżewġa għall-perijodu mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Lulju 2006 kien ta' 318. Din il-figura tkopri Malta u Għawdex.

Immigranti Illegali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu immigranti illegali din is-sena? Kemm minnhom ġew ripatriati u lejn liema pajjiż?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Awissu ta' l-2006, kien hemm 285 persuna ta' nazzjonalita' barranija li nstab li kienu Malta illegalment, li minnhom 271 diġa' ġew ripatrijati fl-Alġerija, Bulgarija, Ċina, Eġittu, Georgia, Libja, Moldova, Marokk, Niġerja, Rumanija, Russja, Sirja, Tuneżija, Turkija, Ukrajna, Uzbekistan u Jugoslavja.

Pulizija — Paceville

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru reati ġo Paceville matul din is-sena u x'kienu r-reati rrapportati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Awissu ta' l-2006, il-Pulizija kellha rapporti dwar 392 reati li jidhru li seħħew ġewwa Paċeville. Dawn kienu jinkludu attentati ta' offiżi, offiżi fuq il-persuna, ħsara volontarja, offiżi relatati ma' droga, falsifikazzjoni, offiżi relatati ma' immigrazzjoni, offiżi sesswali, serq u ksur ta' buon ordni.