Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żbilanċ finanzjarju tal-gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 20457, 21221 u 21245 u jgħid u jagħti s-segwenti figuri mitluba aktar 'l isfel kif rapportati lill-Kummissjoni Ewropea: Kemm kien l-iżbilanċ finanzjarju tal-gvern (general government) fl-ewwel tliet xhur ta' l-2006 meta kkomparat ma' l-ewwel tliet xhur ta' l-2005? Kif jikkomparaw il-figuri bħala proporzjon tal-GDP? Kif l-istess figuri tal-general government jikkomparaw ma' tal-fond konsolidat għall-istess perijodu? Jekk hemm differenza bejn il-figura tal-fond konsolidat u dik tal-gvern ġenerali, jista' il-gvern jispjega din id-differenza? Nitlob li kemm il-figuri ta' general government u tal-fond konsolidat jingħatw biex wieħed ikun jista' isegwi aħja

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 20457.

Forzi Armati

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hawnx suldati li kienu ilhom li telqu mill-Armata aktar minn tliet snin u reġgħu daħlu? Kemm kienu? F'liema sena kienu? X'kienet ir-raġuni li reġgħu daħlu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li fil-Forzi Armati ta’ Malta kien hemm ħames persuni li ġew ingaġġati lura fis-servizz wara li kien ilhom aktar minn tlett snin li spiċċaw mill-Forzi Armati Maltin. Wieħed (1) daħal lura fl-1979, wieħed (1) fl-1995, tnejn (2) fl-1998 u wieħed (1) fl-2002. Minn dawn il-ħamsa, tlieta għadhom iservu fis-servizz. Huma ġew ingaġġati lura fis-servizz fuq talba tagħhom stess.

EU — Proġetti

Question

Jista' il-Prim Ministru jispjega kif isir ħlas lill-kuntratturi li jkunu ħadmu fuq proġetti ffinanzjati minn xi fondi mill-Unjoni Ewropea? Il-ħlas l-ewwel isir mill-Gvern Malti u mbagħad jiġi reimbursed mill-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi wara li d-Dipartiment tat-Teżor jirċievi d-dokumenti mingħand il-Ministeri rispettivi u dawn jiġu skrutinizzati, il-ħlas isir b’direct credit transfer lill-kuntratturi fil-kontijiet bankarji tagħhom. Il-ħlas l-ewwel isir kollu mill-gvern Malti. Ir-reimbursement tal-parti pprovduta mill-Unjoni Ewropea tiġi mħallsa lura lill-gvern Malti wara li jsiru l-verifikazzjonijiet u ċ-ċertifikazzjoniet ta’ l-ispiża tal-fond rispettiv.

Trusts

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21415 u 21536 u jgħid kemm-il trust twaqqfet f'Malta fl-2004, fl-2005 u fl-2006 (sal-lum)? Liema kienu l-aktar tliet nazzjonalitajiet li fetħu trusts f'Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 21415.

ITCS/IHCS

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21424 u 21510 u jgħid: 1) Kemm ġew irreġistrati ITCs u IHCs matul l-2004, l-2005 u l-2006 sal-lum; 2) X'kien id-dħul ta' l-Istat Malti minn dawn ir-reġistrazzjonijiet, f'dak li għandu x'jaqsam ma' ħlasijiet magħmulin lill-MFSA; 3) Liema kienu l-aktar tliet nazzjonalitajiet ta' shareholders li rreġistraw ITCs u IHCs?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal-mistoqsija parlamentari numru 21424.

Korpi Kostitwiti — Assistenza Finanzjarja

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21585 u jgħid kemm rċevew flus u assistenza finanzjarja l-korpi kostitwiti matul l-2005 u l-2006 sa Settembru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lil-Onor Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija numru 21585.

Trusts

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il trust twaqqfet f'Malta fl-2004, fl-2005 u fl-2006 (sal-lum)? Liema kienu l-aktar tliet nazzjonalitajiet li fetħu trusts f'Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2004 (li kienet l-aħħar sena li Trusts ġew reġistrati ma’ l-MFSA), l-ammont ta’ trusts li ġew reġistrati kien ta’ 27. Mill-ewwel ta’ Jannar 2005, cioe’ minn mindu daħal fis-seħħ l-Att dwar it- Trusts u Trustees , ma għadx hemm obbligu jew mekkanismu li permezz tiegħu Trusts jiġu rreġistrati mal-MFSA. L-MFSA ma jkolliex informazzjoni fuq in-nazzjonalita’ tas- settlor u tal-benefiċjarji tat- trusts .

ITCs/IHCs

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid: 1) Kemm ġew irreġistrati ITCs u IHCs matul l-2004, l-2005 u l-2006 sal-lum; 2) X'kien id-dħul ta' l-Istat Malti minn dawn ir-reġistrazzjonijiet, f'dak li għandu x'jaqsam ma' ħlasijiet magħmulin lill-MFSA; 3) Liema kienu l-aktar tliet nazzjonalitajiet ta' shareholders li rreġistraw ITCs u IHCs?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ITC u l-IHCs mhumiex rikonoxxuti bħala tali għall-iskopijiet tal-Liġi dwar il-Kumpanniji. Dawn it-tip ta’ kumpanniji huma kumpanniji normal Maltin li huma reġistrati mar-Reġistratur tal-Kumpanniji bħal kull kumpannija oħra reġistrata f’Malta. L-istatus ta’ kumpannija bħala ITC hu rikonoxxut biss għall-iskopijiet tat-taxxa fuq l-income waqt li l-IHCs m’għandhomx status l-anqas għall-iskopijiet ta’ taxxa. In-numru ta’ kumpanniji li għandhom status ta’ ITCs għall-iskopijiet tat-taxxa fuq l-income għas-snin 2004, 2005 u 2006 sal-lum hu kif ġej : 2004 - 403 2005 - 482 2006 - 314 Ma huwiex possibli li tingħata informazzjoni dwar dħul mill-MFSA u lanqas rigward in-nazzjonalita’ tas-shareholders ta’ l-ITCs peress li f’ħafna każijiet dawn ikunu jidhru f’kapaċita’ nominees.

Korpi Kostitwiti — Assistenza Finanzjarja

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm rċevew flus u assistenza finanzjarja l-korpi kostitwiti matul l-2005 u l-2006 sa Settembru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi taħt il-Ministeru tal-Finanzi, minn Item 5361, Contribution to Constituted Bodies, inħarġu dawn il-fondi: Matul is-sesna 2005, Lm 242,000; u bejn Jannar u Settembru 2006, Lm200,00. Taħt il-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin, matul is-sena 2005, Lm97,986 (Lm66,540 minn Item 5440, Forum Malta fl-Ewropa, u Lm31,446 minn B/L Acc. 8202 8843, Contributions to Constituted Bodies.) Bejn Jannar u Settembru 2006, Lm140,645 minn Item 5440, Forum Malta fl-Ewropa. Dan kollu apparti għajnuniet oħra mogħtija minn Ministeri differenti.

Taxxa fuq proprjeta' — Knejjes

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-Knisja Maltija jew xi knejjes kristjani jew ta' reliġjonijiet oħra f'pajjiżna jħallsux xi taxxi meta jbiegħu, jixtru jew jirtu proprjeta'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m’hemm l-ebda provvediment fil-liġi dwar it-Taxxa fuq Dokumenti u Trasferimenti (Kap 364) li jeżenta lill-Knisja Maltija, jew xi knejjes kristjani jew ta’ reliġjonijiet oħra, mill-ħlas tat-taxxa fuq xiri jew wirt ta’ propjeta immobbli. Dawn il-knejjes huma wkoll kollha soġġetti għat-taxxa fuq l-income. Meta dawn l-entitajiet ibigħu xi propjeta’ jeħlu t-taxxa skond id-dispożizzjoni dwar bejgħ ta’ propjeta’ li hemm fl-Atti dwar it-Taxxi.

Żbilanċ Finanzjarju tal-Gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jagħti s-segwenti figuri mitluba aktar 'l isfel kif rapportati lill-Kummissjoni Ewropea: Kemm kien l-iżbilanċ finanzjarju tal-gvern (general government) fl-ewwel tliet xhur ta' l-2006 meta kkomparat ma' l-ewwel tliet xhur ta' l-2005? Kif jikkomparaw il-figuri bħala proporzjon tal-GDP? Kif l-istess figuri tal-general government jikkomparaw ma' tal-fond konsolidat għall-istess perijodu? Jekk hemm differenza bejn il-figura tal-fond konsolidat u dik tal-gvern ġenerali, jista' il-gvern jispjega din id-differenza? Nitlob li kemm il-figuri ta' general government u tal-fond konsolidat jingħatw biex wieħed ikun jista' isegwi aħjar.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-NSO ixandar data dwar il-Fond Konsolidat kull xahar. Data għal General Government tiġi ikkompilata fuq bażi ta’ tliet xhur b’dewmien ta’ tliet xhur. L-NSO jippublika data dwar General Government taħt l-istructural indicators. Iżda l-NSO bi ħsiebu joħroġ news release speċifika fuq data ta’ General Government u din tiġi mxandra fl-istess ħin li dan it-taġħrif jintbagħat lill-Eurostat. Id-data mitluba mill-Onorevoli Interpellant tinsab fl-estimi finanzjarji 2007 li ġew ippubblikati. Hu maħsub li l-miri tal-gvern għad-deficit ser jitlaħqu.

VAT offences

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti fuq VAT offences din is-sena u għaliex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant li fuq offiżi tal-VAT, b’effett mill-ewwel ta’ Jannar sa l-aħħar ta’ Settembru 2006, ittellgħu s-segwenti : 1346 persuna ttellgħu l-Qorti fil-perjodu fuq indikat talli naqsu jissottomettu d-denunzja/i tal-VAT fi żmien mogħti bil-liġi, jew jekk issottomettew id-denunzja/i rispettivi, ma ħallsuhomx fit-totalita tagħhom. 133 persuna ttellgħu l-Qorti talli ma aderixxewx ruħhom ma’ sentenzi mogħtija fil-konfront tagħhom. 261 persuna ttellgħu l-Qorti talli l-persuna reġistrata jew il-persuna li kienet qed taġixxi f’isimhom naqsu li joħorġu rċevuti fiskjali jew li jżommu r-rekords neċessarja u rikjesta skond il-liġi.

VAT refunds

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm għandu jagħti refunds il-gvern fuq VAT u income tax illum? Kemm hu l-ammont f'arretrati li għandu jieħu l-gvern illum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li sa l-4 t’Ottubru 2006, l-ammont ta’ kreditu eċċessiv tal-VAT mitlub minn persuni reġistrati u l-għad irid jitħallas matul ix-xhur li ġejjin huwa ta’ Lm 19,892,254 . Din is-somma tinkludi rifujoniet lill-persuni eżentati b kreditu. Din is-somma tista’ tinbidel jekk kemm-il darba persuni reġistrati jnaqqsu l-ammonti dovuti lilhom minn denunzji tat-taxxa li għad iridu jintbagħtu sakemm il-kreditur jiġi biex jitħallas. L-ammont f’arretrati dovuti bħala VAT fl-4 t’Ottubru 2006 kien ta ; Lm6,128,897. Dan huwa ‘realistic balance’ dovut. Għar-rigward ta’ refunds li huma dovuti fuq icome tax, l-ammont totali hu ta’ Lm 19,228,877, filwaqt li l-ammont totali f’arretrati li għandu jieħu l-Gvern hu ta’ Lm257,639,913.

Inland Revenue

Question

Jista' il-Prim Ministru jinformani kemm-il talba ta' ħlas inħarġu f'dawn l-aħħar tmien xhur mil-inland revenue lil werrieta ta' nies mejtin, li ntalbu jagħmlu ħlasijiet għat-taxxa suppost mhux imħallsa? Dawn l-ittri kollha ġustifikati, anke dawn fiż-żmien ta' l-ex-officio assessments?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ talbiet għal ħlas minn werrieta għal perjodu minn Jannar sa Ottubru 2006 kien jammonta għal 299 talba li ġġib is-somma ta’ Lm845,487. Dan l-ammont ta’ taxxa huwa kollu dovut għaliex m’hemm l-ebda oġġezzjoni kontrih.

OPM — Safar

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm siefru delegazzjonijiet mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 2006? X'kienet ir-raġuni ta' kull safra, minn min kienet komposta u x'kienet l-ispiża ta' kull safra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lil-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Gaming authority — Ispezzjonijiet

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet mill-gaming authority din is-sena, fejn saru u kemm instabu irregolaritajiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi bejn Jannar u Settembru 2006, saru 1,680 spezzjonijiet. L-ispezzjonijiet saru fid-Dragonara Casino, Casino di Venezia, Portomaso Casino, Oracle Casino, Bingo Deluxe, Fairplay Bingo, Preluna Bingo u Embassy Bingo. Apparti minnhekk, l-ispetturi jisspezzjonaw il-logħob li jaqgħu taħt il-lotterija nazzjonali u l-logħob minn distanza. Matul il-perjodu msemmi, instabu sitt irregolaritajiet. Fil-biċċa ‘l kbira dawn ġew irrapurtati lill-Pulizija Eżekuttiva. L-ispezzjonijiet ma jinkludux ħwienet b’liċenzja għall-kummerċ peress li dawn jaqgħu taħt l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu u l-pulizija.

Gambling outlets

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hawn outlets fejn fihom jista' isir gambling illum? X'tip ta' logħob jista' jintlagħab?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi bejn Jannar u Ottubru 2006, in-numru ta’ outlets fejn fihom isir din l-attivita’ huwa 217. Dawn jinkludu 4 casinos, 5 commercial bingo halls u 208 lotto booths. Iċ-ċifra msemmija teskludi l-outlets fejn wieħed jorganiżża tombla bi skop mhux kummerċjali u lotteriji tad-dipartiment tal-lottu pubbliku.

Income tax refund

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' taxxa li hi dovuta lura mill-gvern lit-tax payers? Jista' jgħid kemm minn dan l-ammont ilu dovut aktar minn ħames snin u għaxar snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lil-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.