Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pensjonijiet

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhu n-numru ta' pensjonanti bħalissa li qed jirċievu pensjoni mill-Istat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi n-numru ta’ persuni li jirċievu xi tip ta’ pensjoni mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali. Għal informazzjoni dwar pensjonijiet oħra mħallsa mill-Istat, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Familja u Solidarjeta' Soċjali — Konsulenza

Question

Tista' il-Ministru tagħti lista ta' konsulenti u/jew kumpanniji ta' konsulenza, lokali jew barranin, li l-Ministeru tagħha, inkluż il-korporazzjonijiet pubbliċi li jaqgħu taħtha, għamel jew jagħmel użu minnhom mill-1 ta' Jannar, 2006 sal-lum? Fiex kien jikkonsisti s-servizz li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet għal kull każ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Aġenzija Appoġġ

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm każi taħt idejn uffiċjali ta' l-aġenzija appoġġ illum u għaliex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-istatistika mitluba hi kompilata sa l-aħħar ta’ Diċembru 2005 u li f’dik id-data kien hemm 3,637 każ attiv. Ninsab infurmata wkoll li l-kumplament ta’ l-informazzjoni mitluba hi kif tidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hijiex tieħu pensjoni kif suppost?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-isem u l-kunjom tal-persuna u n-numru ta’ l-identita’, kif indikati mill-Onor. Interpellant, ma jaqblux. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jivverifika d-dettalji u jgħaddihomli biex il-każ ikun jista’ jiġi nvestigat.

Awtorita' tad-djar — Bdil ta' appartament

Question

Tista' il-Ministru tikkonsidra li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u li għandha l-ġenituri morda tiġi mogħtija appartament tal-gvern bi bdil ma' dak li għandha u li hu tal-housing biex din tkun ħdejn il-ġenituri tagħha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma’ oħrajn simili.

Bord ta' l-Invalidita'

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk il-persuna li attendiet għal invalidity board instabitx invalida jew le?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Sigurta' Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament intalbet tħallas somma flus meta kienet rikoverata l-isptar u ma kenitx social case tul iż-żamma kollha tagħha fl-isptar? Tista' il-Ministru tirrivedi l-kas tagħha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Għajnuna medika

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhu d-dħul li jrid ikollu individwu sabiex ikun jista' jibbenefika minn għajnuna medika?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nifhem li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-Għajnuna għal Mard li titħallas taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali. Jekk dan hu l-każ, ninsab infurmata li biex persuna tkun intitolata għal din l-Għajnuna ma jridx ikollha assi kapitali li jaqbżu Lm6,000, jekk tkun persuna weħedha, jew Lm10,000 f’każ ta’ koppja miżżewġa. F’każ ta’ persuna li ma taħdimx id-dħul tagħha fil-ġimgħa, ikkalkulat skond it-Tieni Parti tat-Tieni Skeda ta’ l-imsemmi Att, ma jridx jaqbeż Lm9.30 għal persuna weħedha u Lm12.80 għal koppja miżżewġa. Fejn familja tkun komposta minn aktar persuni mill-persuna singla jew mill-kap tal-familja u martu, skond il-każ, il-limiti ta’ dħul imsemmija qabel jiżdiedu bi Lm3.50 fil-gimgħa għal kull persuna addizzjonali.

Karta r-Roża/Kartuna s-Safra

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhuma r-rekwiżiti sabiex persuna tkun tista' tikkwalifika għal karta r-roża u l-kartuna s-safra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li biex persuna tkun intitolata għall-Għajnuna Medika bla Ħlas ma jridx ikollha assi kapitali li jaqbżu Lm4,000, jekk tkun persuna weħedha, jew Lm7,000 f’każ ta’ koppja miżżewġa. F’każ ta’ persuna li ma taħdimx id-dħul tagħha fil-ġimgħa, ikkalkulat skond it-Tielet Parti tat-Tieni Skeda ta’ Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, ma jridx jaqbeż Lm11.75 għal persuna weħedha u Lm15.25 għal koppja miżżewġa. F’każ ta’ persuni li jaħdmu, d-dħul mill-impjieg ma jridx jaqbeż Lm49.88 fil-ġimgħa għal persuna waħedha u Lm53.38 fil-ġimgħa għal persuna miżżewġa. Fejn familja tkun komposta minn aktar persuni mill-persuna singla jew mill-kap tal-familja u martu, skond il-każ, il-limiti ta’ dħul imsemmija qabel jiżdiedu bi Lm3.50 fil-gimgħa għal kull persuna addizzjonali. Irrid niċċara li t-tagħrif mogħti bi Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16627 f’Seduta Numru 345 kien jirrigwarda r-rekwiżiti biex persuna tkun intitolata għall-Għajnuna għal Mard u mhux għall-Għajnuna Medika bla Ħlas. Il-ħruġ tal-Karta s-Safra ma jaqax taħt ir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħi u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-parti tal-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Xufiera impressed mal-gvern

Question

Tista' il-Ministru tispjega għalfejn dawk ix-xufiera li qabel kienu impressed mal-gvern imbagħad kienu ġew impjegati mal-gvern madwar ħames snin ilu, il-pensjoni taġħhom qiegħda tinħadmilhom daqslikieku kienu ilhom impjegati mal-gvern mill-bidunett? Taqbel li din hija inġustizzja kbira peress li l-pensjoni lil dawn il-ħaddiema suppost li tinħadmilhom fuq ir-rata ta' NI li kienu jħallsu bħala self-employed, li hija ferm ogħla minn dik ta' impjegati mal-gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-dħul pensjonabbli li fuqu tiġi kkalkulata r-rata ta’ pensjoni tas-Sigurta’ Soċjali jiddependi mill-maġġoranza tal-Klassi ta’ kontribuzzjoni li l-persuna konċernata tkun ħallset fl-aħħar għaxar snin kalenderji qabel tilħaq l-eta’ tal-pensjoni. Skond l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, jekk persuna tkun ħallset maġġoranza ta’ kontribuzzjonijiet ta’ l-Ewwel Klassi bħala mpjegata fl-aħħar għaxar snin imsemmija, id-dħul pensjonabbli jinħadem fuq il-medja tal-paga jew salarju ta’ l-aħjar tlett snin kalendarji konsekuttivi f’dawn l-aħħar għaxar snin. Jekk il-maġġoranza ta’ kontribuzzjonijiet ikunu tat-Tieni Klassi bħala persuna li taħdem għal rasha, id-dħul pensjonabbli jinħadem fuq il-medja tad-dħul fl-aħħar għaxar snin, jew dawk in-numru ta’ snin jekk tkun ħadmet anqas minn għaxar snin bħala persuna li taħdem għal rasha. Dan li għadni kif spjegajt japplika għal kull pensjonant, inkluż ix-xufiera li qabel kienu impressed mal-Gvern.

Każ dwar Arretrati

Question

Tista' il-Ministru tara għaliex sinjura li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatmanet, kellha tirċievi xi arretrati u għadha ma rċeviet xejn? Tista' tiġi informata bl-aħħar żviluppi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Adozzjoni ta' tfal

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'sar mill-każi ta' persuni li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, li kellhom jadottaw tfal mill-Pakistan u ħallsu Lm5,500?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għalkemm l-Onor. Interpellant ma pprovdiex id-dettalji tal-persuni, kif indikat fil-Mistoqsija, nifhem li qed jirreferi għal każijiet ta’ adozzjonijiet privati mill-Pakistan li preżentement huma s-suġġett ta’ passi quddiem il-Qorti Maltija. F’każijiet ta’ adozzjonijiet privati minn barra minn Malta, is-sehem tad-Dipartiment għal Standards ta’ Ħarsien Soċjali hu li jipprovdi home study reports lill-ġenituri li jkunu ser jadottaw, liema rapporti jintbgħatu lill-awtoritajiet barranin kompetenti mill-ġenituri stess u wara li joħroġ id-digriet ta’ adozzjoni mill-Qorti barranija u dan id-digriet ikun awtentikat, id-Dipartiment jinforma lill-awtoritajiet tal-Pulizija lokali li tista’ tinħareġ il-visa dwar it-tifel jew tifla konċernati. Irrid nagħmilha ċara li d-Dipartiment imsemmi ma jirċievix flus biex isiru adozzjonijiet u fil-fatt, skond il-liġi Maltija, hu llegali li persuna tagħti jew tiftiehem li tagħti jew tirċievi jew tiftiehem li tirċievi ħlas jew kumpens ieħor biex tadotta.

Awtorita' tad-Djar

Question

Tista' il-Ministru tara li jitmexxa l-każ ta' approvazzjoni mill-housing authority ta' sussidju ta' familja bla dħul li huwa każ urġenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li fil fatt il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qed tgawdi minn benefiċċji soċjali u għalhekk mhijiex bla dħul kif qed jgħid l-Onor. Interpellant. Jiena nfurmata wkoll li l-applikazzjoni ma l-Awtorita tad-Djar qed tiġi proċessata.

Awtorita' tad-Djar

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk kienx hemm xi żviluppi pożittivi dwar it-talba ta' familja minn San Ġwann li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament biex jixtru l-post li ilhom jabitaw fih snin sħaħ peress li proprjetajiet oħra fl-inħawi dan l-aħħar ġew mibjugħa lill-inkwilini tagħhom mill-Housing Authority?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-att finali tax-xiri tal-post li rrefera għalih l-Onor. Interpellant ma jistax jiġi konkluż qabel ma l-art li fuqu hu mibni tiġi trasferita lill-Awtorita’ tad-Djar.

Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali

Question

Jista' id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali jikkonsidra mill-ġdid it-talba ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għal skont fuq il-kontijiet tal-kurrent elettriku u l-ilma li skond ittra tat-28 ta' April, 2006 ma ġietx aċċettata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Awtorita' tad-Djar

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta hu mistenni li joħorġu units ta' l-Awtorita' tad-Djar għall-bejgħ, għall-kiri, shared ownership u kategoriji oħra? Fejn huma dawn il-units, liema kategorija se jkunu, kemm hemm one bedroom, two bedroom u three bedroom u f'liema lokalitajiet jinsabu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li f’Settembru ta’ din is-sena, l-Awtorita’ tad-Djar mistennija li toħroġ avviż għall-bejgħ ta’ madwar 146 appartament/maisonette, bi tlett kmamar tas-sodda, bi tnejn u b’waħda, taħt il-kundizzjonijiet ta’ shared ownership. Il-kumplament tat-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorita' tad-Djar

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm applikaw biex ibiegħu proprjeta' lill-Awtorita' tad-Djar sal-lum, f'liema lokalita', fiex tikkonsisti kull binja, kemm hu l-prezz ta' kull binja, min huma s-sidien? Sar xi konvenju? Jekk iva, meta se jsir il-kuntratt?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li ma sar ebda konvenju għax-xiri ta’ postijiet mill-Awtorita’ tad-Djar taħt l-iskema mħabbra fl-aħħar diskors tal-Budget. Il-kumplament tat-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, minbarra l-ismijiet tas-sidien rispettivi li, f’dan l-istadju fejn għadhom qed jiġu eżaminati l-offerti, ma jidhirlix li għandhom ikunu ppublikati.

Awtorita' tad-Djar — Bejgħ ta' Plots

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk hux minnu li l-Awtorita' tad-Djar qed toħroġ għall-bejgħ plots? Jekk iva, f'liema lokalita', min jista' japplika għalihom, b'liema sistema se jinbigħu, u kemm ġew ivvalutati mill-perit ta' l-Awtorita' tad-Djar kull plot? Hemm xi ċens? Għaliex l-Awtorita' tad-Djar iddeċidiet li minflok li tibni dawn il-plots tbiegħhom? Hemm xi ħsieb li fil-futur tkompli tbigħ plots tal-gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar ħarġet għall-bejgħ bl-offerti erba’ plots fl-Għasri, Għawdex. Dawn l-offerti, li jagħlqu fis-7 ta’ Lulju 2006, huma miftuħa għal kulħadd. Il-perit ta’ l-Awtorita’ ivvaluta tlieta minn dawn il-plots għal Lm82,000 kull wieħed u l-plot l-ieħor Lm85,000. Dawn il-plots m’humiex suġġetti għal ebda ċens. Ninsab infurmata wkoll li peress li din iz-zona hija ristretta għall-bini ta’ żewġ sulari biss, l-Awtorita’ ma ħassitx li jkun vijabbli li tiżviluppa dawn il-plots u għalhekk ħadet id-deċiżjoni li tbiegħhom bl-offerti. Il-flus miġbura ser jintużaw biex jinbnew aktar fondi biex jiġu allokati lill-applikanti fuq il-lista tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmata li, b’mod ġenerali, l-Awtorita’ m’għandiex ħsieb li tbigħ plots.

Awtorita' tad-Djar — Post alternattiv

Question

Tista' il-Housing Authority ġentilment tikkonsidra li tirriattiva l-applikazzjoni ta' koppja minn San Ġwann li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u tikkonsidra post alternattiv għal missierha li għandu diżabilita' u jingħata appartament fis-sular t'isfel ta' xi appartament tal-gvern u b'hekk is-sinjuri jkunu jistgħu jiġu kkonsidrati għal fond li preżentement qed joqogħdu fih ma' missier il-mara? Naħseb li jkun aħjar li l-awtorita' tibgħat għal persuni konċernati għal aktar tagħrif dettaljat dwar dawn iż-żewġ każi.

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ li għamel referenza għalih jikkonċerna d-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali u mhux l-Awtorita’ tad-Djar. Naqbel mas-suġġeriment ta’ l-Onor. Interpellant fl-aħħar parti tal-Mistoqsija tiegħu li jkun aktar aħjar jekk il-persuni konċernati jiċċaraw u jagħtu aktar dettalji dwar il-każ tagħhom lid-Dipartiment. Għalhekk nitolbu jagħti parir lill-dawn il-persuni li jmorru t-Taqsima tal-Customer Care tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali mill-aktar fiss li jistgħu.

Benefiċċji Soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk persuna waħedha li għandha dħul minn pensjoni ta' l-irtirar li komplessivament ma' xi dħul ieħor minn imgħax ma jkunx jeċċedi s-somma ta' Lm3,270 fis-sena, hijiex intitolata għal xi benefiċċju bħal allowance supplimentari u/jew xi benefċċji oħra? Il-bonus li jingħata kull sitt xhur, jingħadd mad-dħul għal skop ta' dak il-benefiċċju?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li persuna weħedha tkun intitolata għal Għajnuna Supplementari mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali jekk id-dħul kollu tagħha ma’ jaqbiżx Lm3,270. Din is-somma tinkludi kull dħul, inkluż pensjonijiet lokali u barranin, bonuses statutorji, imgħaxijiet, renti, eċċ. Peress li l-benefiċċji jew għajnuniet oħra jistgħu jkunu regolati minn testijiet tal-mezzi differenti, inkluż test dwar l-assi kapitali, jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal xi persuna partikolari, nitolbu jagħti parir lil din il-persuna biex tikkonsulta ma’ l-uffiċjali fl-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha.