Jista' l-Ministru jgħid kemm itellgħu tfal il-qorti fis-sena l-oħra u għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2001 tressqu 103 persuna taħt is-sittax-il sena l-Qorti. It-tipi ta' reati li dwarhom kienu akkużati kienu kif jidhru fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ir-roundabout li tagħti għas-Swatar mal-Py-Pass qegħda spiss tiġi magħluqa madwar l-8 AM mill-pulizija matul il-ġimgħa bil-konsegwenza li residenti tas-swatar ikollhom joqgħodu jirrikorru għar-roundabout l-oħra li hemm aktar il-fuq, b'inkonvenjent u ħela ta' ħin għalihom?
Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed tieħu il-pulizija kontra l-iskips li spiss jkunu ipparkjati f'zoni residenzjali tas-Swatar b'konsegwenza ta' danni għall iġene u il-ħolqien ta' problema tal-ġrieden?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li l-Pulizija tad-Distrett kellhom rapporti dwar l-ilment imsemmi. Pero` jekk l-Onorevoli Interpellant jgħaddili aktar tagħrif inkun nista` nitlob lill-Pulizija sabiex jinvestigaw dan l-ilment.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jieħu d-Dipartiment tal-Artijiet fil-konfront tal-propjetarji tal-lukanda Solemar fil-Marfa wara li dawn bnew fuq art tal-gvern u b'riżultat ta' sejħa għall-offerti għall-istess art maħruġa mid-Dipartiment ta' l-Artijiet, il-propjetarji ma offrewx somma li kienet mistennija mill-istess Dipartiment? Hemm xi ħsieb klif din il-materja tista' tiġi regolarrizzata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tender għall-bejgħ tal-art fejn kien hemm il-Lukanda Solemar fil-Marfa għadu qiegħed jiġi aġġudikat mill-Kumitat tal-Kuntratti u għalhekk f`dan l-istadju id-Dipartiment tal-Artijiet mhux f`posizzjoni li jgħid x`azzjoni se jieħu qabel tittieħed deċiżjoni finali minn dan il-Kumitat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm vejikoli tal-pulizija illum, x'tip huma u kemm hemm minnhom li ma għaddewx mill-VRT is-sena l-oħra?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-vetturi li jintużaw mill-Korp tal-Pulizija huma mqassma kif ġej:-
Saloon 164
Vans 34
Heavy plant 24
Muturi 63
Minn dawn, is-sena l-oħra 54 ittellgħu għal VRT u kien hemm vettura waħda li m`għaddietx.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittelgħu persuni akkużati illi kkorrompew minorenni is-sena l-oħra? X'weħħlu f'kul każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2001 tressqu tnax-il persuna quddiem il-Qorti fuq akkużi ta' korruzzjoni ta' minorenni. Dawn kollha għad m'humiex deċiżi.
Jista' l-Ministru jara li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tinvestiga jekk ir-rampi li hemm mal-garaxxijiet fi Triq S. Liberata, Kalkara (il-parti li ma tinfidx ħdejn il-Mina tas-Salvatur) humiex ta' daqs li tippermetti l-liġi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi s-Sezzjoni ta` l-Infurzar ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar investigat il-każ u jidher li dan jirrigwardja (għalkemm ma ġiex speċifikat il-lok eżatt) għal binja eżistenti li qegħda fit-triq imsemmija. Din il-binja hija koperta bil-permess PB 6505/80 maħruġ fis-27 ta` Mejju 1996.
Skond il-pjanti tal-permess, ġew approvati tlett garaxxijiet. Fuq il-post hemm erba` rampi u dan għax il-garaxx tan-nofs ġie maqsum fi tnejn. Din l-alterazzjoni ħolqot tibdil f`waħda mill-livelli tar-rampi li jagħtu direttament fuq it-triq (m`hemmx bankina). Għaldaqstant inbdew il-proċeduri biex jittieħdu passi neċessarji skond il-liġi ta` l-Ippjanar minħabba dawn it-tibdiliet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża globali tal-posta, stationeries, reklamar, pubblikazzjonijiet għas-sena 2001 tal-Ministeru u Dipartimenti, Dekasteri, Korporazzjonijiet, eċċ li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Intern?
Kemm tħallsu minn dawn l-ispejjes u kemm għadhom pendenti?
Response (BORG, TONIO)
Sakemm ma ningħatax raġuni `l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Informazzjoni dettaljata fuq infiq attwali tal-Gvern tingħata fir-Rapport Finanzjarju li t-Teżor jippublika aktar tard fis-sena.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li r-roundabout li tagħti għas-Swatar mal-by pass qegħda spiss tiġi magħluqa madwar 8am mill-pulizija matul il-ġimgħa, bil-konsegwenza li residenti tas-Swatar ikollhom joqgħodu jirrikorru għar-roundabout l-oħra li hemm aktar il fuq, b'inkonvenjent u ħela ta' ħin għalihom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi jkun hemm ħinijiet fejn ikun meħtieġ li t-traffiku ma jitħalliex idur mar-roundabout imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, sabiex tittafa il-konġestjoni tat-traffiku f'din l-arterja prinċipali.
Jista' l-Ministru jgħid x' permessi ta' ħwienet tax-xogħol u negożji hemm fi Triq il-Kaċċatur - Ħal Qormi u t-toroq tal-madwar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-postijiet li fuqhom hemm liċenzja tan-negozju maħruġa mill-Pulizija fit-toroq imsemmija mill-Onorevoli Interpellanti huma kif ġej:-
Triq il-Kaċċatur
Triq in-Nassab
Public Service Garage
1
1
Manifattura ta`
aluminium
1
-
Tellar
2
1
Mastrudaxxa
3
-
Kostruzzjoni ta` dgħajjes
1
-
Mekkanik
-
1
Manifattura ta` żebgħa
1
-
Jista' l-Ministru jgħid matul l-2001 u fl-ewwel xahrejn ta' din is-sena kemm inqabdu nies li organizzaw lottu klandestin? Kollha tressqu l-Qorti? F'liema lokalitajiet inqabdu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2001 u fl-ewwel xahrejn ta' din is-sena il-Pulizija qabdet tlettax-il persuna b'konnessjoni ma lottu klandestin. Dawn kollha inbdew jew ser jinbdew proċeduti kontrihom quddiem il-Qorti. Il-lokalitajiet fejn inqabdu huma Sliema, Marsa, Hamrun, Rabat, B'Kara, Sta. Lucia, Haż Żebbuġ u Naxxar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu klandestini li niżlu Malta matul l-2001 u fl-ewwel xahrejn ta' din is-sena ? Ta' liema nazzjonalista? Jista' jgħid kemm talbu status ta' refuġjati? Fuq liema bażi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` klandestini li waslu Malta fis-sena 2001 kien ta` seba` u ħamsin (57) persuna maskili. Dawn waslu bil-baħar fl-inħawi taċ-Ċirkewwa fl-1 ta` Novembru 2001. Dawn allegaw li kienu 47 Sudaniż - 3 Palestinjani - 3 minn Sierra Leone - 2 mill-Pakistan - 1 mill-Kongo - u 1 mill-Marokk. Ħlief għal wieħed, dawn kollha talbu għal status ta` refuġjat.
Infurmat ukoll illi fl-ewwel xahrejn tas-sena 2002 waslu Malta bil-baħar żewġ gruppi ta` klandestini. L-ewwel grupp kien ta` ħames adulti rġiel li waslu Malta fid-29 ta` Jannar 2002, ġewwa Birżebbugia. Dawn kienu Tunesini u l-ebda wieħed minnhom ma talab għal status ta` refuġjat.
It-tieni grupp wasal Malta fis-7 ta` Frar 2002. Dawn waslu fl-inħawi ta` Birżebbugia u kienu jikkonsistu f`għaxar persuni. Tmienja allegaw li kienu Iraqqini, wieħed mill-Palestina u wieħed mill-Alġerija. Erbgħa diġa` applikaw għal status ta` refuġjat, ħamsa wrew l-intenzjoni li japplikaw u wieħed ma applikax.
Applikazzjoni għal status ta` refuġjat hija dejjem ta` natura kunfidenzjali u għalhekk ma huwiex possibbli biex jingħad fuq liema bażi saru dawn l-applikazzjonijiet. Ta` min jgħid iżda li numru kbir minn dan l-applikazzjonijiet ġew rifjutati. B`hekk uħud intbagħtu lura pajjiżhom u oħrajn qed jistennew id-deċiżjoni tal-appell.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' klandestini li qed jinżammu mill-pulizija bħalissa? Mill-liema pajjiżi huma? Hemm xi uħud minnhom fejn għada ma ġietx stabbilita in-nazzjonalita tagħhom? Kemm ilu hawn Malta l-aktar wiehed minnhom? Kemm huwa stmat li jiswa lil-Gvern kull wiehed fix-xahar
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` barranin li qed jinżammu mill-Pulizija huwa tnejn u sebgħin (72), li minnhom erbgħa u sittin (64) daħlu Malta klandestinament. In-nazzjonalita` iddikjarata minn dawn il-persuni hi kif jidher f`din it-tabella:
Nazzjonalita` Numru
Libjani 3
Iraqqini 7
Palestinjani 4
Tuneżini 1
Alġerini 3
Niġerjani 1
Torok 1
Pakistani 2
Sierra Leone 2
Congo (jew Chad) 2
Sirjani 1
Marokkini 1
Sudaniżi 44
TOTAL 72
Wieħed u sebgħin (71) minn dawn il-barranin huma mingħajr dokument, u xi wħud minnhom inizjalment iddikjaraw li kienu mis-Somalja jew ic-Chad. Ħamsa u sittin (65) mill-istess total qed jistennew risposta għal talba li għamlu biex jiġu rikonoxxuti bħala refuġjati jew risposta mill-appell għal istess talba. Għaldaqstant, ikun primatur biex, f`dan l-istadju, wieħed jikkonkludi jekk in-nazzjonalita` iddikjarata hiex korretta jew le. Madankollu, f`kull każ isiru l-indaġini meħtieġa biex l-identita` tiġi ikkonfermata, biex fil-mument opportun jintalab u jinħareġ dokument, mir-rappreżentanza diplomatika ta` dawn il-barranin, biex dawn jintbagħtu lura pajjiżhom.
Fost dawn il-barranin, l-iktar wieħed li ilu Malta huwa wieħed, probabilment Niġerjan li ilu mit-18 ta` Ġunju 1999. Bħalissa qed isiru l-verifiki biex l-identita` tiegħu tiġi kkonfermata, biex eventwalment jinħariġlu id-dokument meħtieġ biex jintbagħat lura pajjiżu.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li ma jinżammux kontijiet separati tan-nefqa fuq dawn il-klandestini u persuni oħra barranin miżmuma mill-Pulizija għal raġunijiet oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittelgħu kaċċaturi l-qorti s-sena l-oħra u għaliex? X'weħħlu f'kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2001 ittellgħu 296 persuna l-Qorti bi ksur tar-Regolamenti ta` l-1993 dwar il-Ħarsien ta` l-Għasafar u tal-Fenek Selvaġġ; Regolamenti ta` l-1993 dwar l-Għasafar u l-Fenek Selvaġġ (Dikjarazzjoni ta` Speċi Protetti u Riservi Naturali); u l-Ordinanza dwar l-Armi (Kap. 66).
Infurmat ukoll illi l-eżitu ta` dawn il-każijiet hu kif ġej:- 162 misjuba ħatja, 33 illiberati, filwaqt illi l-bqija ta` każijiet għadhom sub judice.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant mhux disponibbli taħt forma komputerizzata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuna il-Qorti talli tlajjaw għal skopijiet ta' prostituzzjoni is-sena l-oħra? Kemm minnhom kien reċidivi u minn liema lokalita kienu? X'weħħlu f'kul każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2001 tressqu quddiem il-Qorti 25 persuna, uħud minnhom aktar minn darba, fuq tlajjar għal skop ta` prostituzzjoni, li 11 minnhom kienu reċedivi. Dawn kienu fil-lokalita` tal-Gżira, Marsa u San Pawl il-Baħar. Il-pieni mogħtija kienu jinkludu sentenzi sospiżi, ċanfira jew twiddiba, multa u fil-każ ta` barranin tneħħija minn dawn il-Gżejjer.
Jista' l-Ministru jgħid jekk in vista tal-kwistjoni li nqalgħet diversi xhur ilu dwar skybeams installati fi stabbiliment f'Paceville kif ukoll f'postijiet oħra, hux ser jiġu introdotti regolamenti dwar dawn l-iskybeams kif ukoll dwar exterior lighting mill-Awtorita ta' l-Ippjanar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Awtorita` għandha l-ħsieb li tintroduċi linji gwida fuq dwal bħal laser beams li jintużaw bħala forma ta` riklamar.
Jista l-ministru jgħid kemm twettqu reati f' Ħaz-Żebbug, Ħad-Dingli, Ħ'Attard, is-Siggiewi, l-Imdina, Ħal-Qormi, Ħal-Kirkop, Ħal-Luqa u f' St.Venera matul 1998, 1999, 2000,2001? Jista jikklassifika r-reati? Kemm minnhom ġew solvuti riferibbilment ghal kull lokalita wieħed wieħed?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant, fl-ewwel u t-tieni parti tal-Mistoqsija huwa kif jidher fuq it-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi dan it-tagħrif hekk mitlub ma jinżammx taħt forma kompjuterizzata.