Jista' l-Ministru jgħid jistgħux jitneħħew wires tat-telefon u tar-rediffusion antiki li hemm fil-Floriana?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-Maltacom għandha programm ta' manutenzjoni ta' linji tat-telefon biex, minbarra li jingħata servizzi aħjar, jitneħħew ukoll cables u wires li ma jkunx hemm aktar ħtieġa għalihom.
Fil-fatt bħalissa il-kumpanija qed tagħmel xogħol kbir ta' manutenzjoni fost l-oħrajn, fil-belt Valletta. Hemm ukoll pjan biex fix-xhur li ġejjin isiru xogħlijiet fuq skala iżgħar fil-Floriana.
Tajjeb jingħad ukoll li meta xi entita' titlob sabiex dan il-programm jiġi mħaffef f'xi post partikulari, ix-xogħol ikun jista' jitlesta fil-ħin mitlub wara li jintlaħaq ftehim bejn l-entita' u l-Maltacom.
Jista' l-Ministru jaġġorna lill-kamra dwar ix-xogħol li sar s'issa flimkien ma' Ministeri oħrajn għat-tfassil ta' pjan ta' żvilupp nazzjonali?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-isem sħiħ tar-rapport li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant huwa "National Development Plan for Economic and Social Cohesion". Ix-xogħol fuq dan ir-rapport għadu fil-fażi inizzjali tiegħu u qed ikun ikkordinat mill-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi.
L-għan ta' dan ir-rapport huwa li jinkwadra taħt qafas wieħed l-iżvilupp proġettat għad-diversi setturi ta' l-ekonomija b'mod integrat u fid-dawl ta' l-objettivi aktar wiesgħa għall-Iżvilupp soċjali fil-pajjiż. Dan qed isir ukoll bi preparazzjoni għal meta Malta tikkwalifika għall-fondi strutturali ta' l-Unjoni Ewropea, wara li pajjiżna jkun sar membru.
Jista' l-Ministru jgħid kif il-kont tad-dawl u ilma tas-sinjura li l-indirizz u d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li ġie Lm130.58c, meta l-kont ta' qabel kien Lm6.30?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ġlment ta' l-Onorevolġ ġnterpellant ġġe rġferut lġll-Korporazzjonġ għas-Servġzzġ ta' l-ġlma sabġex ġssġr ġl-verġfġka relattġva. Naturlament, jekk jġrrġżulta lġ hemm xġ żball mġn-naħa tal-Korporazzjonġ, ġsġr l-aġġustament meħtġeġ
Jista' l-Ministru jara li bozza li ilha mitfija fit-triq Dun Karm Sant, Tarxien parallel ma' Triq San Tumas, Tarxien isirilha l-manutenzjoni li hemm bżonn?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie riferut lill-Korporazzjoni Enemalta sabiex issir l-investigazzjoni neċessarja u jekk ikun il-każ tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jara x'jista' jsir in vista tar-rifjut ta' l-appkikazzjonijiet li ntalbet mil-PA għall-bini ta' sub station fi Triq Fra Luca Zurki u toroq oħra sabiex il-problemi u t-tbgħatijiet tar-residenti jiġu mtaffija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nassigura lill-Onorevoli Interpellant li l-Korporazzjoni Enemalta ser tagħmel dak kollu li tista' dwar din il-materja.
Jista' l-Ministru b'referenza għall-PQ W271 tat-13 ta' Awissu 2001 jgħid xi żviluppi saru stante illi sal-lum il-periklu hemm indikat għadu eżistenti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif għidt fit-tweġiba għall-mistoqsija W271 ix-xogħol għandu jsir flimkien ma' xogħolijiet oħra simili. Il-fatt li skond l-Onorevoli Interpellant ix-xogħol għadu ma sarx ifisser li sa llum il-Korporazzjoni Enemalta kellha xogħol aktar importanti u urġenti x'tagħmel minn dan.
Jista' l-Ministru jara li jiġu ivverifikati l-kontijiet tad-dawl u ilma li qed jintbgħat lil anzjana li d-dettalji tagħha qed jidhru separatament? Jista' jiġi żgurat li kull meta il-meter readers iżuru membri tal-pubbliku - b 'mod partikolari persuni anzjani li jgħixu waħedhom - ikollhom fuqhom xi forma ta' identifikazzjoni uffiċjali?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba u s-suġġerimenti magħmula mill-Onorevoli Interpellant ġew riferuti lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex jiġu kkunsidrati u eventwalment tittieħed l-azzjoni meħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid mit-tagħrif li jiġbor l-uffiċċju nazzjonali ta' l-istatistika dwar il-ħolqien ta' ġid f'pajjiżna u l-iżvilupp ekonomiku x'inhi l-istatistika dwar Għawdex dwar kif sejrin l-oqsma ekonomiċi differenti f'Għawdex?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Uffiċċju Nazzjonali ta' l-Istatistika qed jinpenja ruħu sabiex tinġabar statistika bażika dwar Għawdex. Fil-fatt hemm il-ħsieb li fil-futur tinħareġ pubblikazzjoni separata li tkun tiġbor fiha statistika dwar din il-gżira.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-istatistika ta' l-uffiċċju nazzjonali dwar l-istatistika dwar il-qagħda ta' l-impjiegi f'Għawdex:
1) fis-settur pubbliku
2) fis-settur privat fl-oqsma differenti
3) dawk li jaħdmu għal rashom
4) biedja
5) sajd?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Din l-informazzjoni hija bażata fuq l-aħħar stħarriġ dwar il-qasam tax-xogħol (Labour Force Survey) li sar matul Ġunju li għadda.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 27267?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-lokalitajiet li għalihom għamel referenza l-Onorevoli Interpellant jieħdu l-provvista ta' l-elettriku minn sitta u għoxrin substation differenti. Erbgħa minnhom, li huma kkontrollati minn time switch ġew issettjati kif suppost. Il-ħin stabbilit għal dak iż-żmien tas-sena biex jintefa' d-dawl tat-toroq huwa fis- 5.40 a.m. Il-bqija huma attivati minn photo cells u allura jiġu attivati mix-xemx.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 29682, kemm ġew ingaġġati nies full-time jew part-time u/jew b'kuntratt ma' l-Air Malta, Maltacom, WSC u l-MOBC mill-11/9/2001 sal-lum? Jekk fl-affermattiv, jista' jispeċifika dawn il-każi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li bejn il-11 ta' Settembru u d-9 ta' Novembru ta' din is-sena, ma ġewx ingaġġati persuni mal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, inkluża l-kumpanija Malta Desalination Services, u l-Mediterranean Offshore Bunkering Company Limited. Dwar iż-żewġ azjendi l-oħra, l-informazzjoni mitluba hija kif ġej:
AZJENDA GRAD NUMRU
Air Malta Technician 16
Kumpaniji Sussidjarji Technical Officer 2
tal-Maltacom
Administrative Officer 19
TAS Student (Year 1) 1
Customer Care 7
Telephone Operator 13
Clerk 1
Technician 1
IT Designate Manager 2
General Manager Designate 1
IT Student 18
Jista' l-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub f'mistoqsija parlamentari nru. 7819 aġġornat għal-lum?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fi Frar ta' din is-sena, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta daħlu fi ftehim li permezz tiegħu l-Kunsill intrabat li jsewwi l-wiċċ tat-toroq fejn tkun għamlet xogħol il-Korporazzjoni u l-ispejjeż involuti jitħallsu mill-Korporazzjoni.
Barra minn dan, il-Korporazzjoni, flimkien ma' dan il-Kunsill Lokali, qed taħdem biex jinbidlu katusi qodma ta' l-ilma fejn għaddejjin proġetti ta' bdil ta' bankini u uċuħ ta' toroq.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 19038?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li huwa stmat li n-nefqa konnessa ma' l-EXPO li saret f'Hanover kienet tlaħħaq madwar disa' mitt elf lira.
In-nefqa tinqasam f'dawn il-kategoriji
1. disinn, bini, trasport, immuntar u attrezzament tal-Paviljun
2. spejjeż dwar l-operat u l-amministrazzjoni tal-proġett
3. ħlas ta' kera lill-organizzaturi fuq art okkupata mill-Paviljun
4. spejjeż dwar l-organizzazzjoni tal-Jum Nazzjonali u attivitajiet kulturali oħra.
L-attivitajiet kulturali li ġew iffinanzjati mill-proġett kienu marbuta maċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Nazzjonali fis-16 ta' Settembru 2000. Matul dawn l-attivitajiet kien hemm il-parteċipazzjoni taż-żeffiena u mużiċisti ta' Daphne Lungaro, li għaż-żfin u mużika tħallsu s-somma ta' Lm2,000 - il-mużiċisti tal-Versatile Ensemble li tħallsu Lm1,500 għall-mużika u s-soprano Miriam Gauci u l-Professur Maestro Michael Laus li tħallsu s-somma ta' Lm2,000 għal kunċert sinfoniku li taw fil-Jum Nazzjonali. Tajjeb jingħad li dawn l-ammonti jinkludu wkoll spejjeż dwar l-arranġamenti mużikali u rehearsals.
L-għażla ta' dawn il-personalitajiet saret wara li ġie eżaminat it-talent lokali u ttieħed in konsiderazzjoni l-ispejjeż involuti u l-fama lokali u/jew internazzjonali ta' dawn il-personalitajiet.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-parti tal-mistoqsija parlamentari nru. 20444 li baqet mhux imwieġba iżjed minn sena ilu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma hija mpenjata li toffri servizz ta' Customer Care effiċjenti. Sabiex jintlaħaq dan il-għan il-Korporazzjoni, fost l-objettivi tagħha, tanalizza b'mod sistematiku l-objezzjonijiet u talbiet ta' verifika mill-konsumaturi dwar il-kontijiet tad-dawl u ilma. Mill-analiżi tax-xahar ta' Settembru 2000, jirriżulta li
1. Fl-Uffiċċju Ġenerali tal-Korporazzjoni f'Ħal Luqa bejn il-11 u t-30 ta' Settembru 2000, ġew ipproċessati madwar 1,200 telefonata fil-ġimgħa. Il-persentaġġ ta' dawn it-telefonati kien ta' sebgħin fil-mija dwar kontijiet tad-dawl u tletin fil-mija dwar kontijiet ta' l-ilma.
2. Għal dak li għandu x'jaqsam mal-konsum tad-dawl, il-kontijiet kienu jkopru l-perjodu tax-xitwa u l-parti l-kbira tagħhom kienu jkopru perjodu ta' aktar minn erba' xhur. L-ilmenti fuq il-kontijiet ta' l-ilma kienu l-aktar dwar kontijiet li ġew ikkalkulati fuq stimi peress li l-postijiet ikkonċernati kienu nstabu magħluqa mill-meter reader.
3. Fl-istess perjodu, il-Korporazzjoni ipproċessat mija u ħmistax-il objezzjoni fuq kontijiet ta' l-ilma u mija u sbatax-il objezzjoni dwar kontijiet ta' l-elettriku, fejn il-konsumatur ħaseb li l-kont kien ikopri iżjed minn perjodi oħra. F'dawn il-każi, il-konsumaturi ingħataw spjegazzjoni li l-kontijiet jiġu kkalkulati fuq il-konsum bir-rati stabbiliti. Għaldaqstant ir-raġunijiet għaliex il-konsumatur ikun irċieva kont li jaħseb li hu iżjed mis-soltu huwa meta jew jiżdied il-konsum inkella meta l-kont ikun ikopri perjodu itwal mis-soltu.
4. Dejjem matul l-istess perjodu, il-Korporazzjoni irċeviet mija u tmintax-il talba sabiex jiġi eżaminat l-arloġġ ta' l-ilma u sitta u tmenin biex jiġi eżaminat l-arloġġ ta' l-elettriku.
Fl-aħħarnett ta' min jinnota li meta wieħed iqis li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tipproċessa mitejn u għoxrin elf kont tad-dawl u ilma kull erba' xhur, il-persentaġġ ta' ilmenti li ġew ittrattati huwa relattivament baxx.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 27264?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li l-konsum ta' siegħa dawl fit-toroq tal-pajjiż huwa stmat li jiswa madwar Lm297. Ta min jgħid ukoll li d-dawl fit-toroq huwa kkontrollat minn madwar elf substation u għaldaqstant siegħa dawl minn kull substation huwa stmat li tiswa 29c7m.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew importati veikoli xahar b'xahar din is-sena?
Kemm minnhom kienu ġodda?
Response (BONNICI, JOSEF)
In-numru ta' vetturi li ġew impurtati xahar b'xahar matul din is-sena kienu hekk:
XAHAR ĠODDA UŻATI TOTAL
Jannar 1,027 134 1,161
Frar 600 105 705
Marzu 1,022 179 1,201
April 395 150 545
Mejju 808 213 1,021
Ġunju 899 190 1,089
Lulju 1,243 167 1,410
Awissu 720 166 886
Settembru 769 165 934
Dawn iċ-ċifri huma proviżorji.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux vera li fil-Power Station ta' Delimara hemm impjegat li weħel sentenza ta' madwar sena u nofs ħabs u baqa' fl-impjieg?
Jekk iva, dan il-fatt huwa skond proċeduri normali?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li għalkemm l-Onorevoli Interpellant ma indikatx il-persuna, il-Korporazzjoni Enemalta tassumi li qed tirreferi għal impjegat li xi snin ilu kien għamel żmien taħt arrest preventiv. Il-Korporazzjoni ma jirriżultalhiex li din l-istess persuna kienet ġiet issentenzjata għal sena u nofs priġunerija.