Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għassa tal-Pulizijas-Swieqi –– pulizija stazzjonati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il pulizija hemm stazzjonat ġewwa l-Għassa tal-Pulizija tas-Swieqi? Jista’ jgħid x’inhu r-roster tagħhom, kemm-il siegħa hemm koperta f’ġimgħa u ċjoè mit-Tnejn sal-Ħadd, u f’liema ġranet u ħinijiet qegħda tinfetaħ l-għassa?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li fl-Għassa tal-Pulizija tas-Swieqi hemm Surġent, u erba Pulizija kif ukoll Pulizija ta’riserva. Dawn jaħdmu bix-xiftijiet normali tal-għasses u cioe mit-tmienja ta’ fil-għaxija sal-ħamsa ta’ filghodu – mis-siegha ta’ wara nofs inhar sad-disa’ u nofs ta fil-għaxija u mil-ħamsa ta’ fil-għodu sas-siegħa u nofs ta’ wara nofs inhar. L-Għassa tiftah kuljum mit-tnejn sal-Ħadd. Normalment ikun hemm tlett uffiċċjali dejjem filgħodu u tnejn oħra jkunu xoghol wara nofs inhar u bil-lejl kuljum.

Inċidenti tat-traffiku — fatalità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il inċident tat-traffiku ġie reġistrat bejn Jannar 2013 u Diċembru 2013, bejn Jannar 2014 u Diċembru 2014, u Jannar 2015 u Settembru 2015? Kemm-il fatalità kien hemm fl-2013, 2014 u fl-2015 separatament u fejn seħħew dawn il-fatalitajiet?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-nformazzjoni relatata ma’ nċidenti tat-traffiku reġistrati mal-Pulizija, li ma jinkludux dawk magħrufa bħala bumper to bumper u lanqas dawk l-inċidenti semplici li jieħdu ħsiebhom il-Gwardjani Lokali, matul il-perjodu bejn Jannar u Diċembru tas-snin 2013 u 2014 u bejn Jannar u Settembru 2015, tinsab fit-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pulizija stazzjonati f’kull distrett

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien it-total ta' pulizija stazzjonati fid-distretti, distrett b'distrett, fl-aħħar ta’ Settembru 2015? Jista’ jgħid kemm ġie stabbilit li għandu jkun l-complement ta’ pulizija f'kull distrett, distrett b'distrett? Jista’ jgħid liema huma d-distretti tal-Pulizija li bħalisssa ma għandhomx stazzjonati fihom l-full complement kif stabbilit mill-korp stess u jgħid, distrett b'distrett, kemm allura hemm inqas mill-complement stabbilit bħalissa f'kull distrett?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Korp tal-Pulizija – complement f’kull branka

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie stabbilit li għandu jkun il-complement għal kull branka (branch) tal-Korp tal-Pulizija? Jista’ jgħid kemm kien hemm stazzjonati pulizija f'kull branka tal-Pulizija, branka b'branka fl-aħħar ta’ Settembru 2015?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rispota li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Żwiemel tal-kavallerija tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mietu jew traqqdu (inqatlu) żwiemel tal-kavallerija tal-pulizija bejn Marzu 2013 u Settembru 2015? Jista' jgħid x'kienet il-kawża tal-mewt taż-żwiemel tal-kavallerija li mietu fil-perjodu msemmi? Jista’ jgħid meta nxtraw iż-żwiemel li mietu jew traqqdu fil-perjodu hawn fuq imsemmi? Jista' jgħid kemm inxtraw żwiemel tal-kavallerija bejn Marzu 2013 u Settembru 2015? Jista' jgħid x'kienet il-proċedura li biha nxtraw iż-żwiemel tal-Kavallerija fil-perjodu msemmi hawn fuq? Jista' jgħid minn fejn inxtraw (pajjiż t'oriġini w azjenda) dawn iż-żwiemel tal-kavallerija? Jista' jgħid kemm ġew jiswew f'termini ta' flus iż-żwiemel li nxtraw għall-Kavallerija tal-Pulizija fil-perjodu hawn fuq imsemmi? Jista' jagħti l-età ta’ kull żiemel li nxtara fil-perjodu hawn fuq imsemmi? Jista’ l-Ministru jikkonferma illi fost iż-żwiemel mixtrija fil-perjodu hawn fuq imsemmi hemm uħud li nstabu li kienu xjuħ u fi stat ta’ saħħa mhux tajba tant li lanqas jistgħu jintlibbsu saddle u l-anqas jistgħu jintrikbu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lil-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-ebda żiemel tal-Kavallerija tal-Pulizija ma miet jew traqqad bejn Marzu 2013 sa Settembru 2015. Infurmat ukoll li ma nxtraw l-ebda żwiemel f'dan il-perjodu u l-aħħar darba li nxtraw żwiemel kien f'Settembru 2008.

Il-Kappara – Pulizija — fixed point duty

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18340, peress li r-residenti ma jaqblu xejn fir-rigward li pulizija jkun fuq fixed point duty biss, jista’ l-Ministru jara u jgħid jekk hux possibli li dan il-pulizija jkun inkarigat ukoll mill-ġnien li huwa 10 metri ‘l bogħod biss??

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma għandi xejn xi nżid mal-mistoqsija parlamentari 18340.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti (individwi jew kumpaniji) li qed jagħtu servizz lill-Ministeru, Segretarjat Parlamentari jew entità li taqa’ taħt ir-responsabilità tiegħu fl-aħħar 12-il xahar? Għal liema skop qed tingħata din il-konsulenza? Kemm tħallsu għal din il-konsulenza xahar b’xahar fl-aħħar 12-il xahar? Dan is-servizz ingħata wara sejħa għall-offerti jew b’direct order?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Korp tal-Pulizija –- riżenji ta’ membri tal-Korp fl-2015

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma, x’rank kellhom u kemm hemm membri tal-Korp tal-Pulizija li sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza jkunu rriżenjaw jew bdew il-proċess għar-riżenja mill-Korp għas-sena 2015? Għal kull wieħed/waħda, jista’ jagħti d-data meta saret it-talba għar-riżenja?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Pulizija re-instated bejn l-1987 u l-1992

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ pulizija li kienu re-instated bejn l-1987 u l-1992? Jista’ jagħti d-dettalji dwar liema ranks ġew re-instated dawn il-pulizija bejn l-1987 u l-1992?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bejn l-1987 u l-1992 kienu ġew ‘re-instated’ 138 membru tal-Korp kif jidher fit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.

Pulizija re-instated bejn l-1987 u l-1992- ranks

Question

Fost dawk il-pulizija li kienu re-instated bejn l-1987 u l-1992, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm minnhom li ngħataw promozzjoni malli ddaħħlu lura u f’liema ranks ingħataw dawn il-promozzjonijiet?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif infurmajt fit-tweġiba ta’ qabel, bejn 1987 u s-sena 1992 kien hemm 138 membru tal-Korp li ġew re-instated. Kien hemm 18 -il promozzjoni fi żmien sena jew anqas, kif jidher fit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.

Pulizija ‘l fuq minn 58 sena reinstated fil-Korp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il pulizija ta’ ‘l fuq minn 58 sena ġew reinstated minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sal-15 ta’ Settembru 2015, ġew re-instated tliet (3) membru fil-Korp tal-Pulizija li kellhom 58 sena jew iktar.

Pulizija li kienu boarded out reinstated fil-Korp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk mill-pulizija li ġew reinstated minn Marzu 2013 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza, kienx hemm xi ħadd (u filkas, kemm-il wieħed) li kienu ġew boarded out mill-Korp fil-passat?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sas-16 ta’ Settembru 2015, ġew re-instated tlettax (13) il-mebru fil-Korp li kienu ġew boarded out.

Għassa tal-Gudja — reati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta’ reati fl-Għassa tal-Gudja tul din is-sena sal-aħħar ta’ Settembru 2015? Jista’ jindika kemm kienu dawk ta’ serq?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li matul ix-xhur ta` Jannar u Settembru 2015 ġewwa l-lokalita` tal-Gudja ġew irrapurtati 135 -il rapport ta` reati, li fosthom kien hemm 80 -il rapport ta` serq. Dawn jidhru fit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.

Għassa ta’ Wied il-Għajn — reati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta’ reati fl-Għassa ta’ Wied il-Għajn tul din is-sena sal-aħħar ta’ Settembru 2015? Jista’ jindika kemm kienu dawk ta’ serq?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bejn ix-xhur ta` Jannar u Settembru 2015 ġewwa l-lokalita` ta` Wied il-Għajn ġew irreġistrati 234 -il rapport ta` reati, li fosthom kien hemm 106 -il rapport ta` serq. Dawn kienu kif jidher fit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.

Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm preżentament impjegati mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati? Se jiġu ingaġġati impjegati oħra? Jekk iva, fuq liema grad?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li preżentament it-total ta’ impjegati mal-uffiċju tal-kummissarju għar-refuġjati huwa ta’ 30 persuna, persuna waħda mill-IPSL u persuna oħra mill-Engineering Resources Ltd. Se jiġu ingaġġati impjegati oħra fill-grad ta’ CaseWorker.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – ingaġġ ta’ persuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati u ingaġġati persuni mill-Ministeru u mid-dekasterji varji li jaqgħu taħtu tul din is-sena sa Settembru 2015?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn Jannar 2015 sa Settembru 2015 ġew ngaġġati erba mija sitta u ħamsin persuna fill-Ministeru u d-dekasterji varji li jaqgħu taħti rispettivament.

Armata ta' Malta — xiri ta' tagħmir second hand

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-Gvern dwar xiri ta' tagħmir second hand għall-użu mill-Armata ta' Malta?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-proċess ta’ deċiżjoni biex jinxtara tagħmir second hand għall-użu mill-Armata ta' Malta huwa l-istess wieħed segwit fil-passat meta nxtraw ajruplani, vetturi u laneċ.

Armata ta' Malta — xiri ta' biċċiet tal-baħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid sarx studju sabiex jiġi stabilit huwiex good value for money li l-Armata ta' Malta tinvesti f'manutenzjoni u tagħmit tal-biċċa tal-baħar Le Aoife li għandha 35 sena flok l-istess flus jiġu investiti f'tagħmir ġdid?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li iva saru d-diskussjonijiet u l-evalwazjonijiet meħtieġa qabel ma ttieħded id-deċiżjoni li l-FAM tinvesti fl-Le Aoife. Ġie stabbilit li din il-lanċa għanda sservi tajjeb ħafna sabiex taqdi lis-sezjoni marittima tal-FAM fil-perijodu sakemm il-patrol boat P61 tiddaħħal għal manutenzjoni fit-tul u jsiru l-preparamenti biex tinxtara lanċa ġdida minn Fondi Ewrpej. Ninforma li dan ix-xogħol diġa beda u fix-xhur li ġejjin se tinħareġ is-sejħa għall-offerti.

Patrol Boat — membri tal-ekwipaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm bżonn ekwipaġġ biex tiġi użata l-patrol boat Le Aoife? Jista' jgħid jekk ġewx identifikati l-ekwipaġġ għall-istess biċċa tal-baħar u jekk ingħatawx taħriġ sabiex jimmaniġġjaw l-istess biċċa tal-baħar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Le Aoife għanda bżonn 45 bħala ekwipaġġ. L-ekwipaġġ għal din il-patrol boat ġie dentifikat u ngħata t-taħriġ meħtieġ. Numru ta’ suldati tal-Forza ngħataw taħriġ speċjalizzat fl-Irlanda.

San Pawl il-Baħar — pulizija stazzjonati

Question

Billi l-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, fost oħrajn hi waħda fejn hemm frekwenza qawwija ħafna ta' persuni li mhumiex residenti, kif ukoll minħabba l-fatt li hemm numru kbir ta' stabilimenti kummerċjali li lkoll għandhom il-ħtiġijiet partikulari tagħhom, jista' jiġi assigurat li fl-għassa tal-Qawra, (u dik ta' San Pawl il-Baħar) jiġu stazzjonati iktar pulizija biex ir-residenti, l-istabilimenti kummerċjali kif ukoll it-turisti jkunu jistgħu jiġu moqdija aħjar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li fid-distrett tal-Pulizija Nru 9, li jkopri l-Għassa tal-Qawra kif ukoll dik ta’ San Pawl il-Baħar, b’effett mit-30 ta’ Settembru 2015, in-numru żdied bi 8 pulizija oħra biex b’hekk f’dan id-distrett issa hemm iservu 104 membri tal-Korp. Ninsab informat ukoll li l-Għassa ta’ San Pawl il-Baħar qiegħda tiġi miftuħa 24 siegħa kuljum