Jista' il-Ministru immedjatament jawtorizza xogħlijiet sabiex l-ispazju ta' taħt il-bus shelter fi Vjal il-Ħaddiem, Rabat, Malta qrib ir-residenza 12 Vjal il-Ħaddiem jirċievi iktar ilma tax-xita ħalli l-ilma tax-xita ma jkomplix jeqred l-uċuħ tar-raba' li hemm biswiet? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21018, jista' il-Ministru jgħid fejn intrema' it-terrapien tax-xogħol fit-triq Għajnsielem/Xewkija? Jista' jgħid kemm kien hemm vjaġġi ta' terrapien li ġie mormi?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb isiru x-xogħlijiet meħtieġa biex ir-residenti ta': 1) Trejqet Toni Fenech; u 2) Triq ġdida fi Triq Katerina Vitale, f'San Pawl il-Baħar ikollhom toroq diċenti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li dawn it-toroq msemmija jinsabu fil-programm ta' Bini ta’ Toroq Ġodda li Direttorat ħejja, li jkopri l-perjodu mill-2006 sa l-2008.
Jista' il-Ministru jikkonfermali kemm se joħroġ flus il-gvern ċentrali għal Triq Santa Marija, Tas-Sliema li qiegħda issir bi sħab mal-kunsill lokali ta' Tas-Sliema?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-ammont ta’ flus li l-Gvern Ċentrali permezz tal-Awtorita' dwar it-Trasport ser joħroġ sabiex isiru x-xogħlijiet meħtieġa u Triq Santa Marija jingħata wiċċ ġdid jammontaw għal madwar Lm 20,000.
Jista' il-Ministru jikkonferma li Triq Ġużeppi Ellul, Ħal-Luqa kienet se ssir mill-gvern ċentrali mingħajr ma l-kunsill lokali joħroġ ċenteżmu spejjeż? Jista' jikkonferma li l-kunsill lokali Luqa beda x-xogħol fuq l-istess triq wara li din diġa' kienet ikkonfermata li ssir mill-gvern ċentrali? Huwa veru li l-kunsill qiegħed iħallas ix-xogħol fuq din it-triq mill-fondi tiegħu? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni li ngħata mill-kunsill lokali Luqa biex dan qed jonfoq flus allokati lill-kunsill fuq proġett li kien se jħallas il-gvern?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Nikkonferma li Triq Ġużeppi Ellul nkluża fil-programm ta' bini ta' toroq residenzjali li se jsiru mill-Gvern Ċentrali bejn issa u l-aħħar ta' l-2008.
Jirriżulta li ma kien hemm ebda korrispondenza bejn l-NID u l-Kunsill Lokali Luqa dwar ix-xogħol li għaddej u l-ħlas għalih.
Jista' il-Ministru jara li naħa waħda mit-triq li tagħti mill-foss ta' l-Imdina għal bypass ta' l-Imtarfa (Għarreqin Road) l/o Mdina issir no parking peress li hija dejqa u l-parkeġġ fuq iż-żewġ naħat joħloq ostaklu kbir għat-traffiku?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċjali tat-Taqsimma għall-Immaniġjar tat-Traffiku irriżulta li l-wisgħa tat-triq ma tippermettix li jsir parkeġġ tal-karrozzi fuq l-ebda naħa. Għalkemm diġa hemm edgeline matul it-triq kollha, jista’ jkun li tabelli ta’ “No Parking” jiftehmu aktar mill-pubbliku. It-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku ser jikkonsulta mall-Kunsill Lokali Mdina dwar dan.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21033 u jgħid meta se jitkompla l-ħajt u l-crash barrier li hemm fi Triq l-Etna, Mellieħa ħdejn Villa Sunset Beach, peress li l-fetħa fil-ħajt u l-crash barrier tagħti l-impressjoni li hemm public path fil-proprjeta' privata tar-residenti ta' Villa Sunset Beach b'detriment għalihom?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li ser issir site inspection fuq il-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant u x-xogħlijiet meħtieġa jsiru.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew ikkummissjonati rapporti fid-dekasteru tiegħu kull sena għal dawn l-aħħar erba' snin? Kemm swew kull wieħed u x'inhuma dawk pendenti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għadha qed tinġabar u tingħata f’seduta oħra.
Jistgħu jsiru x-xogħlijiet meħtieġa fi Triq Għajn Żejtuna fil-Mellieħa ħdejn is-substation biex il-konkos li hemm jitneħħa ħalli l-ilma ma jibqax jinġabar u jinżel b'qawwa lejn ir-residenza 218, Triq Għajn Żejtuna b'theddida għal kull min jgħix fiha?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li saret inspection fuq il-post li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant u ser jittieħdu miżuri mid-Direttorat biex dan il-konkos jitneħħa u l-kors ta’ l-ilma jiġi bħal ma kien qabel.
Jista' il-Ministru jgħid fiex waslu l-pjani tal-gvern biex tkun riabilitata z-zona ta' Bieb il-Belt u t-Teatru Rjal? Il-gvern għadu qiegħed jikkonsidra l-pjani mħabbra ftit tax-xhur ilu biex minflok it-Teatru Rjal ikun hemm il-bini tal-parlament?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-possibiltajiet biex tkun rijabilitata ż-żona ta' Bieb il-Belt u t-Teatru Rjal għadhom qegħdin jiġu studjati.
Jista' il-Ministru jara jekk tistax tingħata risposta għall-mistoqsija parlamentari 20760 u cioe' jikkonsidra li jirrakkomanda li jingħata wiċċ xieraq lis-segwenti toroq f'Ħaż-Żebbuġ: Triq Anthony Aquilina, Triq Patri Pelaġju Mifsud, Triq John Zammit, Triq il-Prinċep Bażiliku, Triq Ħal Dwin, Triq Pietru Buttigieg, Triq Serafin Tanti, Triq Karlu Gimach u Triq Ħal Sajd u dan minħabba inkonvenjent kbir li qegħdin isofru r-residenti?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-toroq imsemmija mill-Onorevoli Inteprellant huma toroq li diġa inbnew mill-Gvern u għalhekk il-manutenzjoni tagħhom taqa' taħt ir-responsabilitajiet tal-Kunsill Lokali.
Ta' min jgħid li dawn it-toroq ma kienux intużaw bħala rotot alternattivi waqt li kienet qed tinbena mill-ġdid il-parti ta' Triq l-Imdina bejn Bieb de Rohan u r-roundabout ta' ħdejn Cortis. Dan ifisser li l-kundizzjoni ħażina tagħhom żviluppat minħabba nuqqas ta' manutenzjoni adegwata fuqhom mill-Kunsill Lokali ta' Ħaż Żebbuġ.
Jista' il-Ministru jara jekk tistax tingħata risposta għall-mistoqsija parlamentari 20772 u cioe' jikkonsidra li jirrikmanda li l-aħħar parti ta' Triq Fra Fred Mattei, f'Ħaż-Żebbuġ - mappa qed tintbagħat separatament - tingħata wiċċ xieraq minħabba l-inkonvenjent kbir li qegħdin isofru r-residenti affettwati?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20807 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, jista' il-Ministru jgħid jekk hemx xi ħsieb biex isiru xi sistemi ta' culverts biex jieħdu ħsieb ir-run-off ta' l-ilma li se jinġabar wara li jitlesta l-bini fi Triq Vanilja, l-Imġarr?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li m’hemm l-ebda pjani li jsiru culverts fil-post li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Ministru juża l-mezzi kollha disponibbli għalih biex jara li ma jingħalqux it-toqob li huma essenzjali biex ma jkunx hemm flooding fi Triq Ħali, Ħaż-Żebbuġ, fil-ħajt tal-proprjeta' magħrufa bħala Tal-Baruni, kif, fil-fatt, kien hemm attentat li jseħħ dan l-aħħar?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninstab infurmat li saru spezzjonijiet meħtieġa fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Nterpellant u nstab li qiegħed jittela ħajt ġo triq pubblika mingħajr il-permessi neċessarji mill-ADT.
F’dan ir-rigward ser jittieħdu l-passi neċessarji.
B'riferenza għat-tender 1703/TSD/2006 tal-21 ta' Marzu 2006, jista' il-Ministru jgħid: 1) min ħa t-tender? 2) għaliex min ħa t-tender ma bediex jopera meta suppost beda fl-4 ta' Settembru 2006?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara l-proċess tal-aġġudikar tat-tender ġie magħżul il-kuntrattur li skond rakkomandazzjoni tal-Bord tal-Aġġudikazzjoni ssottometta l-aktar offerta vantaġġuża u ekonomika. Il-Bord irrakomanda din id-deċiżjoni lill-Awtorita’ għaż-żewġ rotot msemmija fit-tender.
L-Awtorita’ qegħda fil-proċess li tinnegozja t-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt mall-kuntrattur magħżul.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 20789 u 20989 u jikkonferma jekk Prof. Semar tneħħiex minn direttur tad-dipartiment tat-toroq? Jekk fl-affermattiv, se jibqa' jagħmel xogħol bħala konsulent? Min ġie maħtur direttur ġdid tad-dipartiment?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li Profs Semar ser jibqa' jagħmel xogħol ta’ konsulent skond ftehim mall-GTZ u s-Sur Paul Buhagiar ġie maħtur bħala d-direttur il- ġdid b’effett mid-9 ta’ Ottubru, 2006.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' pjanta li turi kif se jgħaddi l-water culvert f'Riebu Well Str, Rabat u safejn se jitwassal?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Il-kopja tal-pjanta li turi kif se jgħaddi l-water culvert fi Triq Bir Riebu qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jara li qegħdin jittieħdu l-miżuri kollha neċessarji biex jiġu evitati l-inċidenti tat-traffiku waqt ix-xogħol ta' trinek li qiegħed isir fil-main road tal-Baħrija peress li n-nuqqas ta' sinjali adegwati wassal għal inċident tat-traffiku serju?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
Ninsab infurmat li l-kuntrattur li qed jagħmel ix-xogħol ta’ trinek fit-triq imsemmija mill-Onorevoli Nterpellant għalaq it-triq prinċipali tal-Baħrija mingħajr permess.
F’dan ir-rigward l-ADT ordnat lill-kuntrattur biex jordom u jagħlaq dawn it-trinek immedjatament.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex Triq il-Karmelitani, f'Sta. Venera ma ġietx inkluża bħala parti mill-programm ta' 450 triq residenzjali li se jinbnew mill-ġdid mill-gvern ċentrali?
Response (MUGLIETT, JESMOND)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.