Legislature:
Category:
Reset
Active:

Prodotti agrikoli importati – informazzjoni murija fuq il-kaxxi

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-prodotti agrikoli kollha importati minn barra pajjiżna jkunu importati ġo kaxxi li jkunu labled u fuq il-label ikun hemm il-pajjiż ta' oriġini, id-data tal-ħsad, il-best before date, x'tip ta' prodott hu kif ukoll l-isem xjentifiku tiegħu?

Response (BRINCAT, LEO)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jispeċifika għal-liema prodotti agrikoli qed jirreferi.

Klieb mikroċippati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm klieb mikroċippati u rreġistrati fid-databażi nazzjonali? Jista’ jgħid kemm ġew mikroċippati klieb fis-snin 2013 u 2014 rispettivament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lil-Onor. Interpellant illi skont tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, in-numru totali ta’ klieb mikroċippati kif jidher fid-databażi tagħna s’issa hu ta’ 50,114. Fl-2013, kien hemm 7,004 kelb filwaqt li fl-2014 kien hemm 5,226 kelb li ġew mikroċippati u liċenzjati.

Petshops liċenzjati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn petshops f’Malta li qed joperaw fil-preżent irrispettivament jekk ġewx liċenzjati jew le? Kemm minn dawn il-petshops applikaw għal-liċenzja? Kemm minnhom ġew spezzjonati u kemm inħarġu liċenzji? Jekk baqa’ applikazzjonijiet li għadhom ma nħarġitlhomx liċenzja, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ dawn l-applikazzjonijiet bid-data ta’ meta ġew sottomessi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja jżomm biss informazzjoni dwar dawk il-petshops li huma reġistrati miegħu skond l-Avviż Legali 244 tal-2013 li ġie fis-seħħ fit-2 ta’ April 2014. Fil-fatt minn dakinhar ‘l hawn id-Direttorat rċieva 47 applikazzjoni għal-liċenzja. Minn dawn l-applikazzjonijiet saru 32 spezzjoni fl-2014, u minn dawn inħarġu 10 liċenzji. Hemm 18 minnhom li l-ispezzjoni kienet saret u l-liċenzja ser tinħareġ f’dawn il-ġranet, u hemm 4 liċenzji li ma nħarġux. Qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bil-lista tal-applikazzjonijiet.

Trattament tal-annimali — spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet li jikkonċernaw it-trattament xieraq tal-annimali fuq irziezet li jrabbu t-tiġieġ tas-simna, it-tiġieġ tal-bajd, dawk li jrabbu l-majjal u fuq dawk li jrabbu l-għoġġiela għas-simna matul is-snin 2013 u 2014, separatament? X kienu r-riżultati tal-imsemmija spezzjonijiet?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, meta jagħmel spezzjonijiet li jikkonċernaw it-trattament xieraq tal-annimali, id-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja jiċċekja ukoll għal-bosta ħtiġijiet oħra li għandhom x’jaqsmu mal-bijo-sigurta`, maċ-ċensiment, mat-tagging, mal-iġjene tat-tatwaġġi u mar-rekords tal-mediċina tal-annimali. Filwaqt li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba, ninsab mgħarraf li meta jkun hemm xi nuqqas jew irregolarita`, skond il-gravita` tal-każ, id-Dipariment iwissi lis-sid sabiex jirranġa fejn hemm bżonn

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – xogħol mogħti lil kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, mill-Ministeru u mid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet u korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Jannar 2011 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti li fil-perjodu msemmi l-kumpanija nkwistjoni ma ngħatat l-ebda xogħol mill-Ministeru u mid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet u korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilita` tiegħi.

Marsaxlokk – slipway f’Kavalarezza Point

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-aċċess għas-sajjieda fejn hemm l-iskall, l-islipway, quddiem il-bieb tal-hardstanding u fejn hemm il-pompi tal-petrol mat-tul tax-xatt kif ukoll fejn hemm il-landing bays ta' Kavalarezza Point f' Marsaxlokk, ma jiġix imblukkat fl-ebda ħin?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, huwa d-dmir ta’ awtoritajiet oħra li jaraw li postijiet ta’ mogħdija li huma pubbliċi ma jkunux imblukkati. Mandankollu, meta d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura jirċievi rapport li qed jiġi mblukkat xi aċċess ta’ faċilitajiet li jintużaw mis-sajjieda, jingħata s-sostenn meħtieg mid-Dipartiment.

San Pawl il-Baħar – Breakwater tal-Veċċa u wave breakers

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq l-Mejda tal-Kamra l-pjanti kif ukoll dettalji oħra ta' kif se jissewwa l-breakwater tal-Veċċa, f'San Pawl il-Baħar? Se jitpoġġew wave breakers? Jekk fl-affermattiv, jista’ l-Ministru jgħid fejn se jitpoġġew dawn il-wave breakers? X'tip ta' wave breakers se jitpoġġew?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 12533 u li magħha kienu tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-pjanti bid-dettalji mitluba.

Ristrutturar tal- Pitkalija

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti ta' kif inhi proposta li se tiġi ristrutturata l-Pitkalija?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari li d-diskussjonijiet dwar ir-ristrutturar tal-pitkalija m’humiex konklużi.

Ristrutturar tal-Pitkalija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-pjanijiet l-ġodda ta' ristrutturar tal-Pitkalija hemmx ippjanat li jibdew jinbiegħu prodotti impurtati minn barra l-pajji¿ mill-Pitkalija?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari, ir-risposta għal din il-mistoqsija hija fin-negattiv.

Awtorità Maltija għall-Ambjent — funzjoni

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhu maħsub li tkun il-funzjoni tal-Awtorità Maltija għall-Ambjent? X'pożizzjoni qed jieħu l-Ministeru biex jassigura li l-ambjent ikun imħares aħjar?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-impenn tagħna huwa li nwettqu bil-fatti, kemm fl-ispirtu u fis-sustanza, dak li hemm imwiegħed fil-programm elettorali dwar il-qasma tal-MEPA.

Kastilja — tisbiħ bis-siġar

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-wesgħa ta' quddiem Kastilja, kienx hemm siġar li suppost huma protetti, li iżda nqalgħu f'dawn l-aħħar jiem? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' siġar li fil-fatt inqalgħu minn dan il-post u n-numru ta' kull speċi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġett inkwistjoni ma jaqax taħt id-dekasteru tiegħi u sal-lum l-anqas il-protezzjoni tas-sigar. Madankollu d-Direttorat għas-Saħħa tal-Pjanti fi ħdan il-Ministeru tiegħi ssorvelja ċ-ċaqliq tas-siġar tal-Palm mill-istess post u dan skond il-Liġi Sussidjarja S.L. 433.24 taħt l-Att tal-Kwarantina tal-Pjanti (KAP 433).

Rettili — Importazzjoni – u moviment bejn il-pajjiżi tal-UE

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tan-numru ta’ kull speċi ta’ rettili kif ukoll ta’ bajd tal-ispeċi li jidhru fil-lista li qed tingħata separatament li ddaħħlu Malta permezz ta’ movimenti kummerċjali u movimenti mhux kummerċjali minn Stati Membri tal-Unjoni Ewropea (movimenti intrakomunitarji) kif ukoll minn terzi pajjiżi (importazzjoni), sena b’sena, matul dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BRINCAT, LEO)

Hekk kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari qed inqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra lista ta’ rettili li ddaħħlu minn pajjiżi barranin, UE u non-UE, għas-snin inkwistjoni. Bir-rispett kollu lejn l-Onor. Interpellant naħseb li stenna wisq meta ppretenda d-dettal kollu li talab għal-lista ta’ 235 rettilu. F’dan l-istadju nista’ ngħarraf biss bl-informazzjoni li qed nagħti għaliex id-dettalji kif mitluba ma jinżammux.

Biċċerija tal-Gvern – metodi ta’ stordiment użat fil-qatla

Question

Jista’ l-Ministru jispjega x’metodi ta’ stordiment qed jintużaw fil-Biċċerija tal-Gvern biex jinqatlu l-majjal, il-bovini, in-nagħaġ u l-mogħoż għal kull speci separatament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li l-metodi ta’ stordiment li qed jintużaw għall-annimali fil-biċċerija tal-Gvern qabel il-qatla huma bil-gas Carbon Dioxide fuq il-majjala u permezz ta’ Captive bolt gun fuq il-Bovini, nagħaġ u mogħoż. Dawn il-metodi ta’ stordiment huma kollha approvati mill-UE u jintużaw biex inaqqsu kemm jista’ jkun it-tbatija ta’ dawn l-annimali.

Biċċerija tal-Gvern — Trattament xieraq tal-annimali waqt il-qatla

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx uffiċjal għat-trattament xieraq responsabbli mill-proċeduri għall-ħarsien tal-annimali waqt il-qatla fi ħdan il-biċċerija tal-Gvern? Jekk fl-affermattiv, kemm ilu jokkupa dan ir-rwol? X’livell ta’ kwalifiki għandu f’qafas tal-Malta Qualifications Framework?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li r-risposta għall-ewwel parti tal-mistoqsija hija fl-affermattiv. L-uffiċjal preżentement responsabbli ġie maħtur fid-9 ta’ Marzu 2015 u fil-qafas tal-Malta Qualifications Framework għandu MQF7.

Nissiela ta’ Klieb — Liċenzja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm nissiela tal-klieb li nħarġitilhom liċenzja għal dan il-għan? Kemm intefgħu applikazzjonijiet u kemm hemm minnhom li għadhom pendenti? Jekk baqa’ applikazzjonijiet li għadhom ma nħarġitlhomx liċenzja, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ dawn l-applikazzjonijiet bid-data ta’ meta ġew sottomessi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li fil-preżent m’hemm l-ebda nissiela uffiċjali tal-klieb fis-seħħ u għaldaqstant m’hemm l-ebda applikazzjoni pendenti mal-Ministeru tiegħi.

Boarding Kennels – applikazzjoni għal liċenzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm operaturi li nħargitilhom liċenzja biex joperaw boarding kennels? Kemm intefgħu applikazzjonijiet għal-liċenzja ta’ boarding kennel u kemm hemm minnhom li għadhom pendenti? Jekk baqa’ applikazzjonijiet li għadhom ma nħarġitlhomx liċenzja, jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista ta’ dawn l-applikazzjonijiet bid-data ta’ meta ġew sottomessi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li r-regolamenti dwar il-boarding kennels ġew fis-seħħ f’April tas-sena l-oħra, taħt l-Avviż Legali nru. 243 tal-2013. Sa issa għad m’hemm l-ebda boarding kennel liċenzjata u hemm pendenti applikazzjoni waħda li kienet sottomessa fil-21 ta’ Settembru 2014. Din għall-unika boarding kennel li d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja jaf biha.

Sajjieda — insurances

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li fil-bidu ta' din il-leġi¿latura, il-Gvern preżenti kien wiegħed lis-sajjieda li, minflok il-ħlas ta’ nofs il-bolla, kien se jagħmlilhom insurance li tkopri kemm lis-sajjieda kif ukoll l-opri u l-inġenji tas-sajd? Il-Gvern se jżomm kelmtu? Meta se tiġi mwettqa din il-wegħda?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, mhux veru li l-Gvern preżenti wiegħed dak li qed jgħid l-Onor. Interpellant, tali skema ma kinitx imwiegħda fil-programm elettorali tal-Gvern preżenti. F’laqgħat mal-Koperattivi li jirrapreżentaw lis-sajjieda dwar dan is-suġġett kien diskuss bħala parti minn diskussjonijiet usa’. Fil-konklużjonijiet ta’ dawn id-diskussjonijiet intlaħaq ftehim wiesgħa fuq diversi materji, fosthom ftehim li l-proposta ta’ skema simili ma tibqax tingħata konsiderazzjoni.

Sajjieda – Spejjeż fuq Liska

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet tiswa l-liska li tintuża mis-sajjieda biex jistadu biha fis-snin 2011, 2012, 2013, 2014 u 2015?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-lixka tinxtara b’mod privat mis-sajjieda nnifishom u d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura mhux involut fil-proċess.

Produzzjoni tal-fniek – traceability

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-produtturi tal-fniek ilhom sitt xhur jiġru wara l-Gvern biex jagħtihom s-siġill li jużawh bħala traceability ta' prodott lokali? Jekk dan hu minnu, jista’ l-Ministru jinnota li tort ta' dan in-nuqqas, ir-raħħala ilhom sitt xhur ibigħu l-fniek mingħajr traceability?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, huwa l-operatur li għandu jimplimenta sistema ta’ traceability fejn il-prodott jiġi segwit f’kull stadju mill-produzzjoni sal-bejgħ finali.