Impjegati fis-settur tal-home help trasferiti għaċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 22215, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-ħaddiema li spiċċaw jagħtu s-servizz tagħhom fis-settur tal-home help u issa qed jaħdmu fiċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum bejn April 2013 u Diċembru 2015?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward każ ta’ housing?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorita’ tad-Djar se tagħti l-attenzjoni kollha meħtieġa għall-ilment imressaq. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant illi, għandha ssir manutenzjoni b’mod regolari min-naħa tal-inkwilini infushom ukoll.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ilu ma jintuża l-indoor gym li hemm f'Dar il-Madonna tal-Mellieħa, liema faċilità kienet immirata għall-anzjani li jiffrekwentaw iċ-Ċentru ta' Matul il-Jum fl-istess binja?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-aerobic sessions li kienu jsiru ġewwa l-indoor gym ġew trasferiti għal ġewwa ċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum fl-istess binja ġewwa Dar il-Madonna tal-Mellieħa, hekk kif l-attivitajiet fl-indoor gym żdiedu u d-domanda għal dawn l-attivitajiet organizzati żdiedet ukoll. Dan it-trasferiment sar b’effett minn Ottubru li għadda.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni quddiem il-MEPA dwar il-bini ta' hub għall-persuni b'diżabilità fin-Naxxar? Jista’ jgħid meta mistenni jibda x-xogħol fuq l-istess proġett?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, għadu għaddej il-proċess ta’ evalwazzjoni quddiem il-MEPA, fir-rigward tal-applikazzjoni dwar il-bini ta’ hub għall-persuni b’diżabilita’.
Il-Mellieħa, San Pawl u n-Naxxar – twaqqif tas-servizz ta’ Home Help
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22213 u jgħid kemm kienu dawk ir-residenti fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar (lokalità b’lokalità) li bejn Diċembru 2014 u Jannar 2016 twaqqfilhom is-servizz tal-home help b’mod temporanju jew permanenti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Outpatients tar-Residenza San Vinċenz de Paule – Speech Language Pathologists
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 20597, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jibda joffri servizz ta’ speech language pathology fl-Outpatients tar-Residenza San Vinċenz de Paule?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant ili, ir-Residenza San Vincenz de Paule, toffri servizz ta’ Speech Therapy għar-residenti tagħha. Is-servizz ta’ out-patients għal speech language pathology jingħata minn Dipartimenti oħra.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20590, jista’ l-Ministru jgħid, issa li dan is-servizz se jkun f’idejn il-privat, hemm xi pjan li jiżdied fin-numru ta’ pazjenti u fin-numru ta’servizzi?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, is-servizz jiżdied skont il-bżonn u d-domanda.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-infermiera li kienu jagħtu servizz fil-komunità permezz tal-MMDNA humiex se jibqgħu jagħtu dan is-servizz mal-privat sabiex tiġi garantita l-continuity of care speċjalment fil-pazjenti b’kundizzjonijiet kroniċi bħad-dijabete?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li l-'Continuity of Care’ huwa prinċipju u standard ewlieni fl-operat tad-Dipartiment tal-Anzjani u Kura fil-Komunita’. Mhux biss żammejna f’moħħna l-kura u s-saħħa tal-klijenti tagħna, imma ukoll rajna li fit-tranżizzjoni l-ebda ħaddiem ma jitlef l-impjieg. Is-servizz ta’ ‘nursing/caring’ fil-komunita’ għadu jingħata u għaddej kif kien qabel.
Residenza San Vinċenz de Paule – anzjana li tħalliet waħedha
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 17019 u jikkonferma li nhar is-27 ta’ Mejju 2015, anzjana tħalliet waħedha fil-ward fir-Residenza San Vinċenz de Paule wara li l-istaff u l-pazjenti marru fuq ħarġa? Jikkonferma li din l-anzjana kellha problemi ta’ saħħa u li n-nuqqas ta’ preżenza ta’ professjonisti mediċi kienu ta’ periklu għaliha?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, mhuwiex minnu li anzjana tħalliet waħedha fil-ward fir-Residenza San Vinċenz de Paule, nhar is-27 ta’ Mejju 2015. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, kienet organizzata ħarġa għall-pazjenti tas-sala San Franġisk 3, akkumpanjati mill-istaff tal-istess sala. Madanakollu, dawk ir-residenti li ma setgħux joħorġu għal diversi raġunijiet, fosthom dawk ta’ saħħa, ingħataw l-attenzjoni kollha meħtieġa.
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex jiġu mgħaġġla u mħaffa l-proċessi tal-Iskemi tal-Awtorità tad-Djar?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li, l-Awtorita’ tad-Djar qegħda tanalizza l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, sabiex naraw li jitnaqqas iż-żmien. Fl-2013, l-Awtorita’ tad-Djar ħadet inizzjativa biex l-applikanti li jkunu qed jirċievu l-assistenza soċjali, pensjoni mhux kontributorja u benefiċċji tal-qagħad, ma jsirilhom l-ebda eżami tal-mezzi u għalhekk l-applikazzjoni tinħadem fl-anqas ħin possibbli. Sar ukoll eżerċizzju fejn ġie deċiż li l-ispezzjonijet marbuta mal-iskemi tal-Awtorita’ tad-Djar, għandhom isiru fi żmien qasir u stabbilit minn meta l-applikazzjoni tidħol għand l-Awtorita’ tad-Djar. Matul din is-sena l-Awtorita’ tad-Djar, ser tkompli bl-istudju tagħha fuq il-proċessar tal-iskemi, sabiex ikun żgurat li jitnaqqas, fejn huwa possibli, iż-żmien tal-iproċċesar tal-applikazzjonijiet, u anke jiddaħlu timeframes speċifiċi
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, wara eżerċizzju li sar lejn l-aħħar tal-2015, irriżulta li, kien hemm titjib sostanzjali fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet, hekk kif l-applikazzjonijiet qegħdin kull sena jiġu approvati f’anqas żmien. It-tabella t’hawn taħt turi x’irriżulta minn dan l-eżerċizzju:
Medja ta’ ġranet ta' proċess għal kull applikazzjoni
Skema
2012
2013
2014
2015
ADP – Skema ta’ Irranġar u Titjib
392
264
156
115
DIS – Skema ta’ Diżabilita’
276
235
215
1
68
RSS – Skema ta’ Sussidju tal-Kera
220
204
116
98
GFR – Għotja fuq Bini/Irranġar/Titjib tal-ewwel residenza.
132
119
118
89
It-tabella t’hawn fuq qed turi li għal kull skema kien hemm titjieb sostanzjali u tnaqqis fiż-żmien ta’ kemm iddum biex tiġi ipproċessata applikazzjoni.
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li minkejja it-titjib li ġie rreġistrat, l-Awtorita’ tad-Djar ser tkompli bil-ħidma tagħha, biex tabilħaqq tirreġistra aktar tnaqqis fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-iskemi varji li l-Awtorita’ tad-Djar tippromovi.
Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjonjiet ittieħdu minnu wara l-laqgħa li kellu mar-residenti li jgħixu viċin Dar Thouret f’Santa Venera? Jista’ jgħid x’se jkun qed jagħmel biex jissodisfa l-ilmenti tar-residenti li jgħixu fil-madwar kif ġie mwiegħed li se jsir fl-istess laqgħa li kellu mar-residenti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, ir-residenti li jgħixu viċin Dar Thouret, f’Santa Venera huma nfurmati dwar dak kollu li qiegħda tagħmel il-Fondazzjoni tas-Servizzi għall-Ħarsien Soċjali, sabiex din il-kwistjoni tkun riżolta b’mod sodisfaċenti, kemm għar-residenti u fuq kollox, fl-interess tal-minuri li joqgħodu f’Dar Thouret.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li jingħata s-servizz ta’ home help lil dawk l-anzjani li għandhom talba pendenti għal dan is-servizz? Kemm hemm anzjani li għandhom talba pendenti u minn liema lokalitajiet? Fil-każ partikulari ta' San Pawl il-Baħar, jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm anzjani li kellhom dan is-sapport, li iżda mhux qed jingħatalhom, minħabba li naqsu xi home helpers? Meta hu mistenni li jerġgħu jingħataw dan l-istess sapport?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Residenza San Vinċenz de Paule – podiatrists u social workers
Question
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 20592 u 20593, jista’ l-Ministru jgħid jekk permezz tat-tweġibiet li hu stess qed jagħti, hux qed jipprova jiġġustifika li fir-Residenza San Vinċenz de Paule, m’hemmx social workers għax hemm podiatrists meta suppost jaf li m’hemm l-ebda konnessjoni bejn ix-xogħol ta’ podiatrist u ta’ social worker?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol ta’ Podiatrists u Social Workers huma ovvjament żewġ professjonijiet differenti u għaldaqstant bħal ma taf, is-servizz li jagħtu hu wieħed differenti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jirċievu pensjoni kontributorja fi tmiem Diċembru 2014 u kemm hu n-numru ta’ pensjonanti li qed jieħdu l-istess pensjoni llum?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, in-numru ta’ persuni li kienu jirċievu pensjoni kontributorja fi tmiem Diċembru 2014, u n-numru ta’ pensjonanti li qed jieħdu l-istess pensjoni llum, skont statistika li tiġbor informazzjoni sal-aħħar ta’ Diċembru 2015, huwa kif indikat hawn taħt:
Tip ta’ Pensjoni Diċembru 2014 Diċembru 2015
Pensjoni tal-Irtirar 59,246 61,363
Pensjoni tar-Romol 16,148 16,331
Pensjoni tal-Invalidità 4,375 4,099
Total 79,769 81,793