Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u n-Negozji Żgħar — servizz ta’ customer care

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hu jew id-dekasteru tiegħu hux qed jagħmlu kuntatt ma’ kunsilli lokali biex joffru servizzi ta’ customer care mill-uffiċċji tal-kunsilli lokali? Jekk iva, jista’ jindika ma’ liema kunsilli lokali sar dan il-kuntatt? Jekk fl-affermattiv jista’ jindika liema kienu dawk il-kunsilli lokali li rrispondew fil-pożittiv għal din it-talba? Liema rrispondew fin-negattiv u liema għadhom ma rrispondewx? Fil-lokalitajiet li rrispondew fil-pożittiv meta beda dan is-servizz? F’liema ħinijiet u f’liema ġranet qed ikun offrut dan is-servizz?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat li sal-lum ma sar l-ebda kuntatt bejn id-dekasteru tiegħi u xi kunsill lokali għall-għanijiet li rreferiet għalihom l-Onorevoli Interpellant.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Negozji Żgħar — Spejjeż għar-rinnovazzjoni tal-Ministeru

Question

Jista’ l-Ministru jagħti breakdown ta' kemm intefqu mill-fondi pubbliċi biex isir rinovar fil-Ministeru tiegħu minn Marzu 2013 ’l hawn? Jista’ fil-breakdown jinkludi l-uffiċċju tiegħu, kif ukoll tal-istaff tiegħu u konsulenti rispettivi. Jista’ fis-somma jinkludi l-ispejjeż fuq l-għamara kollha tal-uffiċċji, kompjuters u n-nefqa biex dawn jitwaħħlu mas-sistemi neċessarji kif ukoll l-ispiża fuq stationery? Jista’ għal kull item/servizz jgħid kif dan ġie mixtri/inġaġġat, jekk hux permezz ta’ direct order, quotations jew tender?

Response (CARDONA, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Riżenja taċ-Chairman u tal-Assistenta personali

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk fil-ġimgħat li għaddew kellu mhux biss ir-riżenja taċ-chairman tal-Privatisation Unit imma wkoll tal-assistenta personali tal-istess chairman? Jista’ jinforma lill-Kamra dwar ir-raġunijiet wara ż-żewġ riżenji?

Response (CARDONA, CHRIS)

Huwa minnu li ċ-Chairman tal-Privatisation Unit u l-assistenta personali tiegħu irriżenjaw. Ir-raġuni għala ċ-Chairman irriżenja hija waħda personali . L-assistenta tiegħu ma tat l-ebda raġuni għar-riżenja tagħha.

Privatisation Unit – ingaġġ ta’ avukati/ditti ta’ avukati

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk il-Ministru indaħalx direttament biex jinbidel ir-riżultat li kien ippreżentat lill-Ministeru tiegħu għar-rigward tas-sejħa li saret mill-Privatisation Unit fuq ingaġġ ta’ avukati/ditti ta’ avukati fuq il-ħruġ ta’ liċenzji għal casino ġdid/casinos ġodda? Jista’ jinforma lill-Kamra dwar x’raġunijiet ta għal dan l-indħil? Jista’ jinforma lill-Kamra x’kien ir-rwol tas-Segretarju Permanenti fuq dan l-istess eżerċizzju? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kull korrispondenza u dokumenti oħra relatati mal-istess suġġett?

Response (CARDONA, CHRIS)

Assolutament mhux minnu li jien indħalt direttament sabiex jinbidel xi riżultat tas-sejħa li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant. Madankollu irrid infakkar li huwa d-dmir kemm tas-Segretarju Permanenti tiegħi kif ukoll tiegħi li nsegwu t-tmexxija tad-dipartimenti u entitjaiet li jaqgħu taħt il-Ministeru. Ta’ min wieħed jgħid li fil-każ tal-Privatisation Unit, taħt l-amministrazzjoni preċedenti, l-proċedura li kient tintuża għall-ingaġġ ta’ konsulenti legali kienet ibbażata fuq “quotations” minn numru ristrett ta’ ditti legali li kienu jkunu identifikati minn qabel u għalhekk ma kinitx qed tingħata l-opportunita’ lill-kulħadd biex jipparteċipa. Dan kien innutat mis-Segretarju Permanenti illi, sabiex tassigura iżjed trasparenza, tat il-parir li tinħareg sejħa pubblika miftuħa għall-avukati /ditti ta’ avukati kollha f’Malta biex kulħadd ikollu l-opportunita` li jieħu x-xogħol ta’ dan it-tip. B’dan il-mod jitneħħa kwalunwe dubju li seta’ jinħoloq li kieku is-sejħa baqgħet kif kien isir qabel, ristretta għal numru zgħir tal-istess ditti ta’ avukati. Barra li sistema bħal din hija ferm iżjed trasparenti, b’dan il-mod, kull avukat / ditta ta’ avukati jista’ jikkompetu għall-opportunita` biex jiksbu l-esperjenza fil-qasam tat-tip ta’ xogħol li tagħmel il-Privatisation Unit. Il-korrispondenza u dokumenti relatati mal-istess suġġett huma ta’ natura kummerċjali u, għaldaqstant, ma jistgħux jitqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.

Awtorità dwar il-Lotteriji u l-Logħob – chairman

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2618 u jikkonferma jekk il-Gvern ġiex uffiċjalment mgħarraf li ċ-chairman tal-Awtorità dwar il-Lotteriji u l-Logħob ġie maħtur bħala konsulent għad-Direttur tal-Gaming Enforcement ta' New Jersey? Il-Gvern ħa parir legali jekk din il-ħatra tmurx kontra l-provvediment 9 (4) (ċ) tal-Att dwar il-Lotteriji u Logħob Ieħor? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-parir legali li ngħata?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Liċenzji tal-casinos — konsulenza

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma d-ditti li ġew magħżula bħala konsulenti għall-ħruġ tal-liċenzji tal-casinos u għal proġett tal-maritime hub? X'esperjenza għandhom dawn id-ditti f'dan il-qasam? Jista' jgħid jekk dawn id-ditti tefgħux l-irħas offerta? Min għamel l-għażla tal-konsulenti? Jista' jispjega fuq liema bażi ntgħażlu l-konsulenti?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu f'riklami mid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu ta' din is-sena? Jista' jagħti breakdown ta' kif intefqu dawn il-flus għal kull gazzetta u stazzjon televiżiv u radju?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — Ingaġġ ta’ persuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ma' kumpaniji u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu minn Marzu ta' din is-sena? Dawn saru wara sejħa għall-impjieg? X'inhi l-ispiża globali ta' dawn l-impjiegi?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

MIMCOL — chairman

Question

Jista’ l-Ministru jassigura din il-Kamra, li ċ-chairman il-ġdid tal-MIMCOL m'għandux konflitt ta' interess, minħabba l-fatt li hu partner ma' ditta ta' konsulenti? Jista' jassigura din il-Kamra li d-ditta tiegħu mhix sejra tagħmel xogħol għal MIMCOL jew għall-aġenziji konnessi mal-MIMCOL?

Response (CARDONA, CHRIS)

Bħalma kont għidt fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 2069, hija dejjem r-responsabbiltà ta’ kull uffiċjal pubbliku li jiddikjara kull kunflitt ta’ interess li jista’ jkollu. Min-naħa tiegħi għandi fiduċja sħiħa fiċ-Chairman il-ġdid tal-Mimcol u jiena ċert li m’hemmx każ ta’ xi kunflitt ta’ interess. Ta’ min wieħed jinnota li fil-każ tad-ditta in kwistjoni ċ-chairman l-ġdid tal-Mimcol huwa biss wieħed minn total ta’ sitt partners. Jien infurmat ukoll li din id-ditta fil-fatt qatt ma għamlet xogħol għal-Mimcol minn meta din ila tezisti. Kif jaf tajjeb l-Onorevoli Interpellant, bħal kull uffiċjal ieħor bħalu, ic-Chairman tal-Mimcol huwa marbut bil-kodiċi ta’ etika applikabbli għal dawk il-persuni li jkunu jokkupaw karigi fuq bord ta’ entitajiet governattivi. Jiena konvint li f’ każ ta’ xi potenzjal ta’ kunflitt ta’ interess, ic-Chairman ser ikun qiegħed jiddikjara dan il-kunflitt u ser ikun qed jieħu dawk il-passi meħtieġa sabiex jassigura bl-iktar mod trasparenti li ma jkunx hemm kunflitti.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — spiża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi l-ispi¿a f'salarji u perkaċċi għas-segretarjat privat tiegħu u tas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħu?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — Kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpaniji, li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, għandhomx kuntratti mal-Ministeru, inkluż entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jekk iva, jista' jgħid x'tip ta' kuntratti għandhom? Jista' jgħid meta daħal fis-seħħ dan il-kuntratt u sakemm se jibqa' fis-seħħ? Jista' jgħid kemm huwa l-valur ta' kull kuntratt?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat li l-kumpaniji msemmija m’għandhom l-ebda kuntratti mal-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ tiegħi.

sejħa għall-espressjonijiet — iffilmjar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sewa biex inħadem ir-reklam mxandar fuq l-istazzjonijiet televiżivi marbut mas-sejħa għall-espressjonijiet biex l-ex Malta Shipbuilding tinbidel f'hub marittimu? Liema kumpanija ħadet ħsieb l-iffilmjar u l-post-produzzjoni tiegħu? Kif intgħażlet? Kemm tħallset tax-xogħol li għamlet? Liema kumpanija ħadet ħsieb il-produzzjoni tar-reklami ppubblikati fil-media stampata? Kif intgħażlet? Kemm tħallset tax-xogħol li għamlet?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Marsa Ship Building – proċedura ta' appell għall-Expression of Interest

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Expression of Interest fir-rigward tal-proġett tax-Ship Building tal-Marsa hemmx stipulat l-proċedura ta' appell li għandha ssegwi kumpanija li tħossha aggravata mill-evalwazzjoni li tasal għaliha l-bord tal-għażla?

Response (CARDONA, CHRIS)

L-Expression of Interest ma jkollhomx stipulat proċedura ta’ appell. Madankollu, m’hemm xejn li jżomm lill-kumpanija li tħossha aggravata mill-evalwazzjoni li jasal għaliha l-bord tal-għażla milli tieħu passi legali u tappella skont il-proċedura stipulata fil-ligi. Din kienet il-prassi li dejjem intużat mill-Privitisation Unit , u li intużat wkoll f’din l-espressjoni ta’ interess tal-Maritime Hub. (Ara dokuemtn Nru 741 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta Nru 35 nhar it-Tlieta 25 ta' Ġunju 2013)

Cloud Computing

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-Gvern dwar cloud computing?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-policy tal-Gvern dwar cloud computing tittratta numru ta’ aspetti fosthom: 1. B’mod aggressiv permezz tal-MITA għandhom jiġu sfruttati kunċetti ibbażati fuq cloud computing li jirriżultaw f’effiċjenza għall-Gvern billi jitnaqqas l-infiq globali ta’ l-ICT tal-Gvern filwaqt li jittieħdu l-benefiċċji massimi u l-effiċjenza operattiva mill-investimenti magħmula. Il-MITA diġà tipprovdi grad ta’ servizzi infrastrutturali li għandhom karatteristiċi ta’ cloud computing permezz ta’ sandboxed / segregated environments u virtualised hosting . Qegħdin jiġu wkoll esplorati b'mod attiv on-premise u private cloud based computing fejn hu possibli. Fil-fatt, mill-perspettiva tas-sistemi ta’ l-informatika, l-MITA qed tikkunsidra wkoll mudelli bbażati fuq Software as a Service(SaaS) għal sistemi fejn benefiċċji ċari huma viżibbli, bħal fil-kas tal-inizjattiva tal-eProcurement. 2. Il-Gvern Malti ser jaħdem biex jassigura li kemm mil-lat ta’ l-investimenti u inċentivi meħtieġa u b’mizuri oħrajn, bħal tnaqqis ta’ burokrazija u regolamenti ċari, jkun hemm kollox f’postu sabiex fuq livell nazzjonali Malta jkollha infrastruttura tal-ICT fost l-aqwa fid-dinja. Dan kollu għandu jirriżulta f’ambjent li jattira fornituri ta’ cloud based computing, kemm nazzjonali kif wkoll internazzjonali sabiex ikunu jistgħu jipprovdu s-servizzi tagħhom minn Malta. B’dan se jibbenefikaw il-Maltin direttament permezz ta’ servizzi ġodda u aħjar, li indirettament jirriżultaw f’ħolqien ta' impjiegi speċjalizzati u b’investiment fil-pajjiż.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — spiża fuq IT

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw jew inkrew computers/laptops/mobile devices għall-impjegati tas-Segretarjat tal-Ministru? Meta nxtraw u kemm hu l-valur li nxtraw bih? Kemm inkrew, jekk inkrew u kemm hi l-kirja? Kemm kienet l-ispiża inizjali? Hemm spiża rikorrenti u kemm hi?

Response (CARDONA, CHRIS)

Jien infurmat li fis-segretarjat tal-Ministeru tiegħi nxtraw ħames tablets bil-prezz totali ta’ €3,545 u fuqhom titħallas kera fix-xahar ta’ €81.99 għall-użu tat-3G. Ma nxtrawx u lanqas inkrew komputers/laptops.

Segretarju Parlamentari għall-Kompetitività u Tkabbir Ekonomiku — spiża fuq IT

Question

Jista' l-Ministru jghid kemm inxtraw jew inkrew computers/laptops/mobile devices għall-impjegati tas-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari għall-Kompetitività u Tkabbir Ekonomiku? Meta nxtraw u kemm hu l-valur li nxtraw bih? Kemm inkrew, jekk inkrew u kemm hi l-kirja? Kemm kienet l-ispiża inizjali? Hemm spiża rikorrenti u kemm hi?

Response (CARDONA, CHRIS)

Jien infurmat li fis-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħi, nxtraw erba' tablets bil-prezz totali ta' €3,292 u fuqhom titħallas kera fix-xahar ta' €70 għall-użu tat-3G.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — Proġetti inawgurati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu l-proġetti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu li ġew inawgurati bejn l-1 ta’ Diċembru 2012 u t-8 ta’ Marzu 2013 u min inawgurahom? Jista’ jgħid jekk dawn il-proġetti kenux lesti kompletament jew jekk kienx fadal xi xogħol xi jsir fuqhom u filkas jgħid fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol li kien fadal? Jista’ jgħid ukoll kemm kienu tħallsu flus sad-data tal-ftuħ, u kemm kien fadal spejjeż pendenti?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — karozzi uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema hi l-karozza uffiċjali tal-Ministru? Jista' jgħid meta nxtrat u kemm qamet meta nxtrat?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1084.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mill-1998 sal-lum? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.