Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — nefqa f'konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu f’konsulenti fil-Ministeru tiegħu nkluż dipartimenti u entitajiet bejn l-2008 u Marzu 2013?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li rigward in-nefqa f’konsulenti mill-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, l-informazzjoni li ngħatajt hi kif ġej:
Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija - €67,738.25
Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ - €74,659.00
Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija - €135,318.93
Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada - €13,806.00
Kunsill Malti għall-Isport - €255,261.56
Infurmat ukoll li l-entitajiet l-oħra fi ħdan il-Ministeru illum ma kellhomx infiq f’konsulenti fis-snin indikati fil-mistoqsija.
Rigward il-Ministeru u d-Dipartimenti, ġentilment nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-informazzjoni li kienet ingħatat f’Tabella ‘A’ bi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 17857.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser tinfetaħ l-iskola medja tal-Kulleġġ San Benedittu f'Ħal Kirkop? F' każ li ma tiftaħx għall-istudenti , fejn ser ikunu qed imorru skola dawk li llum jinsabu fis-Sitt Sena fl-istess Kulleġġ f'Settembru li ġej?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li huwa ppjanat li l-iskola l-ġdida fi ħdan il-Kulleġġ San Benedittu f'Ħal Kirkop tilqa' l-ewwel studenti tagħha f'Settembru 2016.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20857, peress li kif probabbilment jaf il-Ministru, is-superviżjoni tista’ tkun fuq bażi ta’ individual jew small group iżda mhux peer, li jfisser li l-counsellors jiddiskutu bejniethom u allura ma jikkostitwix superviżjoni u għaldaqstant mhix skont il-liġi, x’se jagħmel il-Ministru biex tali superviżjoni tkun skont il-liġi?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-liġi tal-Counselling Profession tal-2015 tagħmel referenza speċifika li Counsellor għandu jara huwa stess li jkollu superviżjoni professjonali li jrid jippreżenta lill-Council of the Counselling Profession biex jikseb il-warrant.
Minkejja dan, id-Direttorat jagħraf l-importanza li l-individwu jkollu wkoll is-sapport meħtieġ u għaldaqstant, reġa’ beda l-proċess biex jingħata mill-ġdid is-servizz ta’ superviżjoni kemm minħabba r-raġunijiet li ngħataw fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 20857, kif ukoll minħabba li f’dawn l-aħħar jiem sar l-ingaġġ ta’ numru ta’ Counsellors u Trainee Counsellors fid-Direttorat għal Servizzi Edukattivi waqt li wkoll beda peer supervision.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il skema ta’ scholarship tnediet mill-Gvern, inkluż dawk b’finanzjament mill-Unjoni Ewropea matul is-snin 2014 u 2015 separatament? Jista’ jgħid liema kienu dawn l-iskemi u kemm kien in-numru ta’ scholarships li ngħataw taħt kull skema?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-iskemi mnedija mill-Gvern, inkluż dawk b’finanzjament mill-Unjoni Ewropea matul is-snin 2014 u 2015, huma kif ġej:
2014
Nru. ta’ Scholarships mogħtija
Malta Government Scholarships Scheme Postgraduate
67
Malta Arts Scholarships Scheme
10
Malta Sports Scholarships Scheme
12
MASTER it! Scholarship Scheme (b’fondi mill-EU)
267
2015
Nru. ta’ Scholarships mogħtija
Malta Arts Scholarships Scheme
22
Malta Sports Scholarships Scheme
14
MASTER it! Scholarship Scheme
54
Endeavour Scholarships Scheme (b’fondi mill-EU)
303
REACH HIGH Scholars Programme
18
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm social workers fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa fil-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol hemm 15-il social worker li jinkludu Principal Social Worker, Senior Social Worker, u 13-il Social Worker li dawn tal-aħħar jaħdmu fil-Kulleġġi.
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema proċess qiegħed ir-resurfacing tal-jogging track ta’ Santa Luċija?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li SportMalta bħalissa jinsab f’diskussjonijiet mal-Kunsill Lokali ta` Santa Luċija kif ukoll ma’ nies tekniċi tiegħu sabiex jinstab l-aħjar materjal li ser jintuża għal din il-jogging track, liema materjal ma jkunx ta’ piż fuq il-manutenzjoni tal-istess jogging track. Wara li jiġi identifikat il-materjal, joħroġ it-tender ta` xogħlijiet.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni ta’ 16-il sena li qed jirreġistraw?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni li għandhom sittax-il sena u li fl-aħħar ta’ Ġunju kienu qed jirreġistraw fuq l-Ewwel u t-Tieni Parti tar-Reġistru kien ta’ tlettax.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-persuni li sabu impjieg bl-għajnuna tal-ETC?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ETC sabet xogħol dirett lil 4,979 persuna fl-2013, lil 3,277 persuna fl-2014 u lil 1,361 persuna bejn Jannar u Ġunju tal-2015. Madankollu, in-numru ta’ persuni li jsibu mpjieg bl-għajnuna tal-ETC jkunu ħafna aktar milli tkun taf bihom il-Korporazzjoni peress li ħafna jingħataw pariri dwar xogħol u taħriġ u b’hekk isibu mpjieg bis-saħħa ta’ dan u mingħajr l-intervent dirett tal-Korporazzjoni. Oħrajn jaraw in-notifikazzjonijiet tal-postijiet battala fuq is-sit tal-ETC u japplikaw minn jeddhom.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — persuni impjegati full-time jew part-time
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-Ministeru, jew entitajiet, awtoritajiet u dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu hemmx persuni impjegati bħala full-time jew part-time,liema impjegati huma jew kienu membri parlamentari bejn l-2008 sal-lum? Jista’ jgħid u jippreżenta fil-Kamra meta ġew impjegati u b’liema kundizzjonijiet u x’pakkett finanzjarju kellhom jew għandhom? Jista’ jgħid kif dawn intgħażlu għal dak l-impjieg u b’liema mod l-attendenza tagħhom fix-xogħol tiġi rrekordjata? Jista’ jippreżenta fil-Kamra x’inhi l-attendenza ta’ dawn l-impjegati li kienu jew huma membri parlamentari fix-xogħol tagħhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li b’kollox fid-dekasteru tiegħi hemm 17-il persuna impjegati li huma jew kienu Membri Parlamentari bejn l-2008 u llum.
Ħmistax (15) minnhom huma impjegati mal-Università ta’ Malta taħt kundizzjonijiet ta’ Visiting Teaching Staff. Il-Collective Agreement jipprovdi d-dettalji dwar il-pakkett finanzjarju tal-visiting stream li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dawn l-impjegati ġew kollha magħżula wara sejħa għall-applikazzjonijiet ta' impjieg. L-attendenza tal-impjegati tiddependi mit-timetables li joħorġu minn żmien għal żmien.
Rigward meta ġew impjegati, id-data tal-bidu tal-impjieg li tmur l-iktar lura hija l-14 ta’ Jannar 1984 filwaqt li l-iktar waħda riċenti hija l-1 ta’ Ottubru 2013.
Iż-żewġ persuni l-oħra huma impjegati full-time ma’ żewġ entitajiet differenti, wieħed mal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) u l-ieħor mal-Kulleġġ Malti ta’ l-Arti Xjenza u Teknoloġija (MCAST). L-informazzjoni mitluba hija kif ġej:
MCST
Impjegat fl-24 ta’ Marzu 2010
Rwol ta’ Chairman Eżekuttiv
Salarju Bażiku fuq Skala 3 u għandu Market Correctivity, Performance Bonus sa massimu ta’ 10% u allowances/perkaċċi oħra.
Pożizzjoni ta’ Fiduċja
Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija jirrekordja r-riżultati u l-effiċjenza tal-impjegati kollha, u mhux l-attendenza tagħhom.
MCAST
Impjegat bħala Senior Lecturer II. Il-paga bażika tiegħu hija marbuta mas-salarju ta' Grade A skont l-istruttura tas-salarju tal-istaff akkademiku tal-MCAST li kopja tagħha qiegħed ukoll inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dan il-lecturer ġie impjegat fl-10 ta’ Novembru 2008 u kien intgħażel b’interviewing board.
MCAST — Institute of Business and Commerce - indafa
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk waslulux ilmenti mingħand l-istudenti li jattendu l-IBAC (Insititute of Business and Commerce) fi ħdan l-MCAST li l-livell ta' indafa hija batuta ħafna f'dan il-bini tant li qed isejħulha sitwazzjoni tal-mistħija? Jekk iva, x’beħsiebu jagħmel biex is-sitwazzjoni tkun rimedjata llum qabel għada?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li mhuwiex il-każ li l-livell ta’ ndafa fl-Institute of Business Management and Commerce fi ħdan l-MCAST huwa batut ħafna. It-tindif isir kuljum b’mod sistematiku mill-ħaddiema tal-kuntrattur. Id-dustbins fl-istitut jitbattlu darbtejn kuljum u l-kurituri jitnaddfu darbtejn kuljum ukoll. Dan minbarra t-tindif regolari li jsir fil-klasssijiet kuljum.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li qed jirreġistraw Part 2?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni li fl-aħħar ta’ Ġunju 2015 kienu qed jirreġistraw fuq it-Tieni Parti tar-Reġistru kien ta’ 447.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hawn persuni li qed jirreġistraw Part 1?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni li fl-aħħar ta’ Ġunju 2015 kienu qed jirreġistraw fuq l-Ewwel Parti tar-Reġistru kien ta’ 4,762.
Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — Teleworking
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema dipartimenti u entitajiet taħt id-dekasteru tiegħu joffru sistema ta’ teleworking u taħt liema kundizzjonijiet?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-teleworking hu permessibbli fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol. Il-kundizzjonijiet li taħthom jingħata t-telework huma kif speċifikati fil-Public Service Management Code (PSMC - Taqsima 5.4.2) jew, fejn hu l-każ, fil-Ftehim Kollettiv ta’ entità pubblika.
Jista’ l-Ministru jgħid liema korsijiet tal-Masters hu mistenni li jinfetħu matul ix-xhur li fadal f’din is-sena skolastika? Liema dipartimenti fl-Università hu possibli li fihom isiru studji f'livell ta' Masters, permezz ta' riċerka?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-korsijiet li jwasslu għall-grad ta’ Master li huma mistennija li jinfetħu fl-Università ta’ Malta fis-sena akkademika 2015/6 (Frar 2016).
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-politika tal-Gvern dwar il-pitch tal-waterpolo tal-Belt Valletta?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-pitch tal-waterpolo tal-Belt għadda għand Sportmalta fil-bidu ta’ din is-sena permezz ta’ avviż legali numru 62/2015. Hija l-intenzjoni ta’ Sportmalta li l-istess pitch jiġi trasferit lill-Valletta United Waterpolo Club, meta l-istess klabb ikun irreġistrat ma’ Sportmalta u jkollu d-dokumentazzjoni kollha in regola.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-politika tal-Gvern għall-isport fl-area li tmiss eżatt mal-iskola tal-Gvern f’Ħ’Attard? Xi żvilupp relatat ma’ sport se jsir? Jista’ jipprovdi l-pjanti tal-proġett?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li saru diskussjonijiet ma’ rappreżentanti ta’ Attard FC fuq l-art imsemmija. Deċiżjonijiet finali għadhom ma ttieħdux.
ETC – persuni li waqfu jirreġistraw mill-ewwel parti
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19879, jista’ l-Ministru jindika kemm minn dawn il-persuni kienu reġistrati li qed jgħixu Raħal Ġdid, Ħal Tarxien, il-Gudja, Ħal Għaxaq u Santa Luċija?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-għadd ta’ persuni li waqfu jirreġistraw (lapses) mill-ewwel parti tar-reġistru u li kienu qed jgħixu fil-lokalitajiet indikati mill-Onor. Interpellant, hu kif ġej:
Lokalità
Lapses (Waqfu jirreġistraw)
Raħal Ġdid
202
Ħal Tarxien
111
Il-Gudja
31
Ħal Għaxaq
81
Santa Luċija
64
ETC – persuni li waqfu jirreġistraw mill-ewwel parti
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19879, jista’ l-Ministru jindika kemm minn dawn il-persuni kienu reġistrati li qed jgħixu Wied il-Għajn, iż-Żejtun u l-Fgura?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li l-għadd ta’ persuni li waqfu jirreġistraw (lapses) mill-ewwel parti tar-reġistru u li kienu qed jgħixu fil-lokalitajiet indikati mill-Onor. Interpellant, hu kif ġej:
Lokalità
Lapses (Waqfu jirreġistraw)
Wied il-Għajn
237
Iż-Żejtun
218
Il-Fgura
246
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm żgħażagħ li qegħdin fl-iskema Garanzija għaż-Żgħażagħ? Għal-liema etajiet u għal-liema żgħażagħ tapplika din l-iskema? Jista’ jgħid jekk hawnx xi skemi oħra simili għall-żgħażagħ ta’ din l-età u kemm hemm żgħażagħ irreġistrati fihom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li b’kollox kienu 554 iż-żgħażagħ li applikaw għall-Garanzija. Minn dawn 245 kienu eliġibbli għal ċertifikat ta’ parteċipazzjoni hekk kif temmew il-kors. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ huma eliġibbli għaliha dawk iż-żħgħażagħ li la huma fit-taħriġ, la fl-edukazzjoni u anqas fix-xogħol u li għandhom bejn is-16 u l-24 sena. Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ hija l-uniku skema fis-seħħ li toffri servizz ħolistiku li jinvolvi taħriġ u opportunità ta’ xogħol għal żgħażagħ ta’ din l-età.