Legislature:
Category:
Reset
Active:

Affarijiet Rurali u Ambjent — Mobile Phones

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża totali li l-Ministeru tiegħu, inkluż l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel fuq mobile phones matul is-sena 2005?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Sakemm ma ningħatax raġuni ‘l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba. Informazzjoni dettaljata fuq infiq attwali tal-Gvern tingħata fir-Rapport Finanzjarju li t-Teżor jippublika aktar tard fis-sena.

Skema ta' Export Refund

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15872, jista' il-Ministru jgħid kemm fil-fatt hija ċ-ċifra ta' flus li pajjiżna jrid jiġbor mill-Unjoni Ewropea f'export refunds għas-snin 2004 u 2005?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Aġenzija tal-Pagamenti m’għandha tiġbor l-ebda ammont f’export refunds mill-Unjoni Ewropea għas-snin 2004 u 2005. Ta’ min iżid ukoll li l-operaturi Maltin ftit li xejn jibbenefikaw mill-export refunds.

Agriculture Holdings

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15873, jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-investiment f'ċifra ta' flus propost mill-290 applikant li talbu s-sussidju in kwestjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-ammont totali ta’ investiment taħt il-Miżura 3.1 kien ta’ Lm 2,130,682.44.

Skema ta' Export Refund

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 15867, jista' il-Ministru jgħid għaliex ma ġewx imħejjija qabel? Min kien responsabbli li jħejji din l-iskema fl-2004 u fl-2005? Xi kwalifiki kellu jew kellha?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess ta’ Export Refunds huwa wieħed kumpless ħafna u jirrikjedi spejjeż amministrattivi qawwija meta mqabbla mal-fatt li dawn ftit li xejn jibbenefikaw minnhom operaturi lokali. Minkejja dan il-proċess biex jiġi pproċessati l-export refunds hu fi stadju avvanzat. Il-Kapijiet ta’ l-Aġenziji tal-Pagamenti li kienu ngaġġati b’kuntratt definit u skond kriterji approvati mill-Kummissjoni għas-Servizz pubbliku kienu responsabbli għat-tħejjijiet ta’ din l-iskema.

Birkirkara — Triq Ġużeppi Licari

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux informat li jekk jinħareġ il-permess ta' applikazzjoni numru 05565/05 tal-MEPA jinħoloq inkonvenjent serju għar-residenti ta' Triq Ġużeppi Licari f'Birkirkara minħabba li b'konsegwenza ta' hekk tingħalaq it-triq? Jista' jgħid jekk jaqbilx li din l-applikazzjoni għandha tinżamm sakemm tinfetaħ it-triq min-naħa l-oħra, kif suppost kien ippjanat, għal ġid tar-residenti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jimxi mal-proċedura maqbula fil-Kamra fil-Leġislatura l-oħra.

EU — Safar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew rifonduti ammonti ta' spejjeż mill-Unjoni Ewropea li ntnefqu f'safar, inklużi allowances, mill-ministeru u d-dipartimenti jew awtoritajiet li jaqgħu taħtu minn Mejju 2004? Kemm kienu jammontaw dawn il-fondi u x'persentaġġ huma mill-ispiża totali li saret mill-ministeru fuq safar f'dan il-perijodu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

MEPA — Survey dwar l-ilma tax-xita

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 16315 u l-problemi ta' flooding fi Triq it-Tank, fis-Siġġiewi, jista' il-Ministru jgħid fiex wasal is-survey ta' din l-area, hekk kif mitlub mill-MEPA sabiex tkun tista' tiġi ppjanata culvert għall-ilma tax-xita?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li s-survey li ġie mitlub fil-viċinanzi ta' Triq It-Tank fis-Siġġiewi ġie mgħoddi lill-Awtorità Dwar it-Trasport (ADT) fil-11 ta' Jannar 2005.

Dipartiment ta' l-Agrikoltura — foreman u ġardinara

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li joħorġu s-sejħiet għall-applikazzjoni għall-foreman tal-ġardinara u ħaddiema oħra fid-dipartiment ta' l-agrikoltura?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Membru li fil-futur immedjat mhux se jinħarġu sejħiet għall-applikazzjoni għall-foreman tal-ġardinara fid-dipartiment ta’ l-agrikoltura. Madankollu mhux eskluż li aktar tard din is-sena jinħarġu sejħiet għall-applikazzjoni skond l-esiġenzi tad-Dipartiment.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Enti pubbliċi

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-kumpanniji jew awtoritajiet/corporations li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Min huma d-diretturi tal-bord, jew membri tal-bord, ta' kull waħda mill-enti imsemmija aktar 'il fuq? X'inhu l-ħlas annwali ta' kull membru u direttur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

B’riferenza għall-ewwel u t-tieni part ital-Mistoqsija, nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ser tingħata għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16418. Għat-tielet parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li l-informazzjoni ser tinġabar biex tingħata b’mod komplet fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16418.

Qatla taċ-ċanga friska

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm fil-fatt mistennija jogħlew il-miżati tal-qatla taċ-ċanga friska matul is-sena 2006/2007 separatament fil-biċċerija tal-gvern?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ttieħdet ebda deċiżjoni dwar miżati.

Qatla tal-majjal frisk

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm fil-fatt mistennija jogħlew il-miżati tal-qatla tal-majjal frisk matul is-sena 2006/2007 separatament fil-biċċerija tal-gvern?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16101.

Qatla tal-bhejjem

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm fil-fatt mistennija jogħlew il-miżati tal-qatla tal-bhejjem li jużaw il-biċċerija ta' l-emerġenza matul is-sena 2006/2007 fil-biċċerija tal-gvern?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16101.

Produzzjoni lokali tat-tjur

Question

Jista' il-Ministru jispjega għaliex meta l-produzzjoni lokali tat-tjur tas-simna waqgħat b'40% wara li pajjiżna ssieħeb fl-Unjoni Ewropea ma ġewx applikati s-salvagwardji tal-biedja mwiegħda mill-gvern f'ċirkostanzi bħal dawn? Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-monitoring reports li saru u jinformana f'liema livell aktar baxx trid taqa' il-produzzjoni in kwestjoni biex jiġu applikati salvagwardi mwiegħda qabel ir-referendum mill-Gvern Nazzjonalista?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Mill-informazzjoni li għandu l-Ministeru t-tnaqqis fi produzzjoni minn Jannar – Ottubru 2004 sa Jannar – Ottubru 2005 kienet ta’ 26.5 fil-mija (live weight). Din iċ-ċifra, però, tinkludi qatla li saret minn numru ta’ impjanti wisq aktar milli hemm illum. Filwaqt li l-montoraġġ isir fuq bażi kontinwu u fuq diversi fronti, is-salvagwardja ma tistax tiġi applikata awtomatikament u l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi għall-Artiklu 37 tat-Trattat ta’ Sħubija u l-Avviż Legali 234 fejn hemm indikati l-miżuri protettivi li wieħed jista’ jieħu jekk tingħata approvazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea. Ta’ min iżid li pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea qed jiffaċċjaw problemi simili fis-settur tat-tjur. Peress li rapporti ta’ monitoraġġ huma informazzjoni ta’ natura kummerċjali, mhux etika li din l-informazzjoni titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Affarijiet Rurali u Ambjent — Konsulenza

Question

Jista' il-Ministru jagħti lista ta' konsulenti jew kumpanniji ta' konsulenti, lokali jew barranin, li l-ministeru tiegħu, inklużi l-enti kollha li jaqgħu taħtu, għamel użu minnhom matul is-sena 2005? Fiex kienu jikkonsistu s-servizzi li ngħataw f'kull każ u kemm kienu l-ħlasijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata f’Seduta oħra.

Produzzjoni tal-Majjal — Sussidju fuq Dawl/Ilma/Fuel

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15841, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jinformana kemm huwa l-ammont ta' flus allokat għas-sussidju fuq dawl, ilma u fuel għal min qiegħed fil-qasam tal-produzzjoni tal-majjal sabiex dawn ma jintlaqtux negattivament bis-surcharge ta' 55% fuq il-kontijiet tad-dawl u enerġija u prezzijiet għolja ta' fuel? Kif ser jitħallsu dawn il-flus lill-produtturi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16071.

Serer — Sussidju fuq Dawl/Ilma/Fuel

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 15839, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu, u jinformana kemm huwa l-ammont ta' flus allokat għas-sussidju fuq dawl, ilma u fuel għal min qiegħed fil-qasam tal-produzzjoni ta' serer sabiex dawn ma jintlaqtux negattivament bis-surcharge ta' 55% fuq il-kontijiet tad-dawl u enerġija u prezzijiet għolja ta' fuel? Kif ser jitħallsu dawn il-flus lill-produtturi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16071.

Marsa — Biċċerija

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-permess li l-MEPA ħarġet għall-bini ta' l-inċineratur fil-biċċerija tal-gvern tal-Marsa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba għal din il-Mistoqsija tingħata f'Seduta oħra.

Biċċerija — Ċumnija ta' l-inċineratur

Question

Jista' il-Ministru jinformana għaliex iċ-ċumnija ta' l-inċineratur fil-biċċerija ma saritx għolja 35 metru kif kienet ipproġettata fl-ewwel disinn tal-kuntrattur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-għoli taċ-ċumnija fil-proġett ta' l-inċineratur il-ġdid ġiet immodifikata bħala konsegwenza ta' l-iżviluppi teknoloġiċi f'dan is-settur. Qabel ma ġiet addottata din il-modifika, saru l-eżamijiet kollha meħtieġa kemm fir-rigward ta’ kontroll ta’ emmissjonijiet ambjentali kif ukoll tas-sistemi ta' sigurezza fl-impjant innifsu, li jassikura kontroll kontinwu tal-proċess ta' inċinerazzjoni.

Biċċerija — Inċineratur

Question

Jista' il-Ministru jinformana kemm hija kkalkolata l-ispiża tad-diesel għall-inċineratur il-ġdid li qed jiġi żviluppat fil-biċċerija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li qed tiġi kkalkolata l-ispiża annwali tad-diesel biex jitħaddem l-inċineratur fil-qafas ta’ l-arranġament li qed isir biex jiġu rkuprati l-ispejjeż ta’ l-operat ta’ l-inċineratur.