Legislature:
Category:
Reset
Active:

MCCAA – public warning kontra kumpanija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-public warning maħruġa mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) kontra l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ġietx irtirata ftit wara mid-Direttur Ġenerali responsabbli mill-Affarijiet tal-Konsumatur?

Response (DALLI, HELENA)

Ninsab infurmata li l-public warning maħruga mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur kontra l-kumpanija indikata ma ġietx irtirata.

MCCAA – public warnings

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il public warning inħareġ mill- Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) minn Ġunju li għadda sal-lum u kontra min inħarġu?

Response (DALLI, HELENA)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi minn Ġunju sal-lum ma ħargu ebda public warnings mill-Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur. Madankollu, f’dan il-perijodu, l-Awtorità ħarġet 4 public statements biex il-pubbliku jiġi avżat dwar periklu minn prodotti li kien hemm fis-suq. Dawn kienu jirrigwardaw il-malji tal-għawm għat-tfal, l-elmi tal-muturi, l-użu tal-pestiċidi u regolaturi tal-gas.

MCCAA – spezzjonijiet fuq ħwienet

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 5327, tista’ l-Ministru tgħid kemm minn dawn in-negozji li nstabu mhux konformi, kienu mhux konformi darbtejn, tliet darbiet jew iżjed minn hekk? Tista’ tgħid x’azzjonijiet ħadet l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) f’dawn il-każijiet?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà ġie spjegat fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 5327, dawk il-ħwienet li jinstabu li ma jkunux konformi jiġu mogħtija twissija verbali jew bil-miktub. Mill-ispezzjonijiet li saru wara fuq il-ħwienet msemmija, instab li l-ħwienet ħadu l-passi neċessarji sabiex jiġu konformi mar-Regolamenti. Mill-65 ħanut msemmija fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5327, 58 minnhom ingħatatilhom twissija waħda u 7 l-oħra ingħataw 2 twissijiet f’perijodi differenti.

Laboratorji Forensiċi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm uffiċjali impjegati mat-taqsima tal-laboratorji tal-forensika? Tista’ l-Ministru tgħid kif dawn ikunu infurmati meta l-Qorti jkollha bżonn is-servizzi tagħhom u kif u minn min jitħallsu? Peress li l-faċilitajiet ta’ laboratorju tal-forensika huma limitati, fejn qegħdin isiru t-testijiet neċessarji? Jeżisti xi ftehim bejn l-MCCAA u laboratorji privati mqabbda mill-MCCAA biex jagħmlu dawn it-testijiet?

Response (DALLI, HELENA)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 4 uffiċċjali impjegati mat-Taqsima tal-Forensika fil-Laboratorju. Il-Qorti tqabbad lill-esperti li trid hi meta jkollha bżonn servizz f’dan il-qasam. Meta l-esperti mqabbda mill-Qorti ikunu mpjegati tal-MCCAA, dawn jitħallsu il-paga tagħhom normali bħala impjegati ta’ din l-Awtorità. L-MCCAA m’għandha ebda ftehim ma’ laboratorji privati u l-esperti mqabbda mill-Qorti jiddeċċiedu huma fejn jagħmlu t-testijiet.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — reklamar u public relations

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa mill-Ministeru tagħha, inkluż kull entità u dipartiment li hi jew hu fi ħdan dan il-Ministeru, fuq reklamar jew public relations mill-11 ta' Marzu 2013 'il hawn? F'liema media sar dan ir-reklamar u permezz ta' liema aġenzija jew kumpanija?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba . Ninfurmah ukoll li r-reklami tal-Ministeru u l-entitajiet li jaqgħu taħtu ingħataw jew b’mod dirett jew permezz ta’ aġenziji/kumpaniji li isimhom qed jingħata b’mod kunfidenzjali.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili – riżenja ta’ ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru tgħid mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, kemm-il persuna maħtura mill-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili f’kariga uffiċjali jew bord, offriet ir-riżenja tagħha? Min kienu dawn il-persuni? X’kienet ir-raġuni wara r-riżenja tagħhom? Min inħatar minflokhom?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum kien hemm persuna waħda li wara li inħarġet il-ħatra tagħha infurmat lid-Direttur tax-Xogħol li minħabba mpenji ta’ xogħol ieħor ma kienx possibbli għaliha li tidħol għal dan l-inkarigu. Minflok din il-persuna, li ddettalji tagħha qed jingħataw lill-Onor. Interpellant b’mod kunfidenzjali, għadu ma nħatar ħadd.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — persons of trust

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx persuni li huma ngaġġati bħala persons of trust (POT) fi ħdan il-Ministeru tagħha jew entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tagħha li ngħataw permess biex jagħmlu xogħol bit-telework? Jekk iva min huma u kemm bħala persentaġġ jistgħu jagħmlu telework mill-ħin kollu?

Response (DALLI, HELENA)

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari magħmula mill-Onor. Interpellant, ninsab infurmata li m'hemm ebda persons of trust li ngħataw permess biex jagħmlu xogħol bit-telework kemm fil-Ministeru kif ukoll f'entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħi.

għaqdiet tal-konsumatur — għajnuniet

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'għajnunijiet qed tagħti inklużi dawk finanzjarji liż-żewġ għaqdiet tal-konsumatur u dan minn Marzu 2013 sal-lum? Tista' tgħid jekk hijiex qed tikkunsidra li toffri post ċentrali minn fejn dawn iż-żewġ għaqdiet ikunu jistgħu joperaw u jaqdu aħjar ix-xogħol tagħhom? Tista' tgħid jekk għandhiex il-ħsieb li tgħin liż-żewġ għaqdiet jingaġġaw uffiċjal full-time?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa hemm Assoċjazzjoni waħda rreġistra – l-Għaqda tal-Konsumaturi – Malta. L-għajnuna li ngħatat lil din l-Għaqda minn Marzu 2013 sal-lum hija l-użu ta’ Uffiċċju, servizz ta’ l-internet u linja tat-telefon mingħajr ħlas. Il-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur m’għandu ebda talba pendenti mingħand xi Assoċjazzjoni tal-Konsumaturi. Dwar post ċentrali fiss nista ninforma lil Kamra li l-Għaqda ingħatat l-użu ta’ post fi Triq l-Ifran il-Belt. Qed tiġi kkunsidrata l-għajnuna msemmija mill-Onor. Membru.

MCCAA — budget

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 4485 u 5230 u tgħid jekk il-budget tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) approvat f’April ġiex imnaqqas wara l-approvazzjoni tal-istess budget? Jekk iva b’kemm u x’kienet ir-raġuni?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f'xi seduta oħra

Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi — budget

Question

Tista' l-Ministru twiegeb mistoqsijiet parlamentari 4486 u 5231 u tgħid jekk il-budget tat-Tribunal għal Talbiet tal-Konsumaturi approvat f’April ġiex imnaqqas wara l-approvazzjoni tal-istess budget? Jekk iva b’kemm u x’kienet ir-raġuni?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f'xi seduta oħra

Uffiċjali tal-MCCAA ssekondati mill-għaqdiet tal-konsumatur

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 4845, tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb minn dan il-Gvern li uffiċjali tal-MCCAA jiġu ssekondati maż-żewġ għaqdiet tal-konsumatur rikonoxxuti?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Gvern m'għandux ħsieb li uffiċċjali tal-MCCAA, li huma responsabbli għar-rikonċiljazzjoni meta konsumatur iressaq l-ilment, jiġu sekondati ma' xi għaqda tal-konsumatur.

Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur — laqgħat

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 4843, tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Medja tal-Kamra l-minuti tal-erba' laqgħat li saru mill-Kunsill għall-Affarijiet tal-Konsumatur?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar.

Kunsill tal-Konsumatur – ħatra ta’ segretarju

Question

Tista' l-Ministru tgħid min ġie maħtur segretarju tal-Kunsill tal-Konsumatur, fuq liema bażi ġie maħtur u jekk huwiex qed jirċievi xi forma ta’ onorarja jew remunerazzjoni? F'każ li qed isir xi ħlas, tista' l-Ministru tgħid kemm hi din l-onorarja jew remunerazzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi għall-Mistoqsija tal-Onor. Interpellant u ninformaha li din il-pożizzjoni se timtela’ minn skrivan/a u għalhekk ma jkunx hemm rinumerazzjoni addizzjonali għal dan ix-xogħol.

Tribunal tal-Komsumatur — każijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huma l-każijiet ġodda li ġew imressqa quddiem it-Tribunal tal-Komsumatur minn Marzu 2013 sal-lum? Tista' tgħid kemm minnhom għadhom pendenti?

Response (DALLI, HELENA)

Ninsab infurmata li minn Marzu 2013 ġew imressqa 207 każijiet ġodda quddiem it-Tribunal tal-Konsumatur. Minn dawn għad hemm 125 każ pendenti.

Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – rapport

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5325, tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport preliminari li ġà ġie diskuss waqt il-laqgħa tal-bord tal-Awtorità?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal raġunijiet ta’ data protection mhux se titpoġġa kopja ta’ dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra.

Assemblea Ġenerali tal-ISO fir-Russja – delegazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid minn min kienet komposta d-delegazzjoni Maltija li attendiet għall-Assemblea Ġenerali tal-ISO li saret f'Settembru li għadda ġewwa St Petersburg, ir-Russja? Tista' tiddikjara x'kienet l-ispiża għal kull membru tad-delegazzjoni? Tista' l-Ministru tgħid jekk kienx hemm persuni/guests oħra li akkumpanjaw lill-membri tad-delegazzjoni? X'inhi r-relazzjoni tagħhom mal-membri tad-delegazzjoni u min ħallas l-ispejjeż ta' dawn il-persuni?

Response (DALLI, HELENA)

Id-delegazzjoni li attendiet l-Assemblea Ġenerali tal-ISO kienet komposta miċ-Chairman tal-Aworità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) u mid-Direttur tad-Direttorat dwar l-Istandards fi ħdan l-istess Awtorità. Ma kien hemm ebda persuna oħra li ppartecipat f’din l-Assemblea u għalhekk l-Awtorità ħallset biss għad-delegati kif imsemmija aktar ‘il fuq. L-ispejjeż involuti kienu ta’ €2,387.41 fir-rigward taċ-Chairman u €2,495.50 fir-rigward tad-Direttur tad-Direttorat dwar l-Istandards fi ħdan l-istess Awtorità. Jiena nfurmata li l-mara taċ-Chairman kif ukoll it-tifel tiegħu ivvjaġaw miegħu fuq btala privata imħallsa privatament.

Awtorità ta Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur – tribunal tal-appell

Question

Tista' l-Ministru tgħid għalfejn it-Tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur kif imwaqqaf bl-Artiklu 31 tal-Att dwar l-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur mhuwiex qiegħed jiltaqa' bil-konsegwenza li x-xogħol quddiem dan it-Tribunal huwa wieqaf kompletament? Tista’ tikkonferma illi membru ta' dan it-Tribunal irriżenja u dan minħabba li ġie appuntat f'kariga ġdida? Għaliex sal-lum dan il-membru għadu ma ġiex sostitwit? X’se jkun qed jiġri mill-każijiet pendenti li hemm quddiem it-Tribunal?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lil Onor Interpellant li t-Tribunal li qed tirreferi għalih għandu jkun kompost minn President li jrid jkun imħallef u żewġ membri magħżula minn panel ta’ sitt membri. Il-liġi tispeċifika li dan it-Tribunal jrid ikun magħmul minn persuni professjonali minn oqsma differenti speċifiċi li jkunu kompetenti fl-oqsma tal-kompetizzjoni u affarijiet tal-konsumatur. Fil-preżent dan it-Tribunal huwa magħmul mill-President u żewġ membri wara li l-membru l-ieħor kellu jirreżenja peress li ingħata kariga fl-Awtorità għal Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur. B’hekk teknikament dan it-Tribunal għadu jista’ jiffunzjona. Infurmata li qatt ma kien hemm maħtura s-sitt membri kollha kif titlob il-liġi. Peress li ma kienx hemm il-membri oħra maħtura skont kif maħsuba fil-liġi, sakemm jinħatru l-membri ġodda dan it-Tribunal ma jistax jiffunzjona b’mod effettiv kif mixtieq. Mal-aħħar riżenja f’dan it-tribunal beda l-proċess biex jiġu identifikati persuni kompetenti biex jimlew dawn il-vakanzi.

Pakkett finanzjarju – każ ta’ individwu

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhu l-pakkett finanzjarju li qed jingħata l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament liema rwol huwa indikat fil-paġna tal-Facebook tal-istess individwu?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu li dettalji dwaru qed jintbgħatu separatament qed jirċievi ħlas ta’ 13,521.50 ewro fis-sena flimkien ma’ telephone/ADSL allowance ta’ €407.50 u allowance oħra ta’ €2,320 għal użu tal-karozza.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — xogħol mogħti lil individwu

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista ta’ xogħlijiet li ngħataw lill-individwu u/jew kumpanija li dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, sena b’sena, mill-2004 sa Marzu 2013 mill-Ministeru tagħha u entitajiet, aġenziji, awtoritajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħtha? Tista’ tgħid jekk f’kull każ, ix-xogħol ingħatax b’direct order jew wara li saret sejħa għall-offerti? Tista’ tgħid f’kull każ kemm kienet l-ispiża? F’kull każ, min awtorizza li jsir il-ħlas? F’kull każ fiex kien jikkonsisti x-xogħol?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-individwu/kumpanija li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, qatt ma ngħata xogħol mill-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili. Iżda jiena nfurmata li dan l-istess individwu/kumpanija kienu ħadu xogħol (subcontracted) mingħand kumpanija oħra li kienet rebħet is-sejħa għall-offerti għal kuntratt ta’ Pubblicita’ tal-Proġett Leħen għal Kulħadd VS/207/0477 maħruġa mid-Dipartiment tal-Kuntratti f’isem il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni ta’ l-Ugwaljanza (NCPE). L-NCPE ma jafux kemm kien il-ħlas li rċieva l-individwu/kumpanija msemmija mingħand il-kuntrattur.