Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korp tal-Pulizija — Inċidenti tat-traffiku

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew irrapportati persuni lill-pulizija li weġġgħu waqt inċidenti tat-traffiku? Kemm mietu, weġġgħu gravi u/jew weġġgħu ħafif din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Awissu ta' l-2006, ġew irrapurtati lill-Pulizija li weġgħu 777 persuna f'inċidenti tat-traffiku. Minn dawn 6 tilfu ħajjithom, 185 sofrew feriti gravi filwaqt li 586 sofrew feriti ħfief.

Żweġijiet Ċivili

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru żweġijiet ċivili din is-sena u kemm minnhom kienu bejn Maltin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Jannar u t-30 ta' Settembru 2006, fir-Reġistru Pubbliku saru 621 żwieġ ċivili (578 f'Malta u 43 f'Għawdex) li minnhom 63 kienu bejn Maltin (57 f'Malta u 6 f'Għawdex).

Trasferiment ta' art lill-Gvern

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 20546 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Affarijiet Barranin u cioe' billi waqt id-dibattitu dwar it-trasferiment ta' art lill-Gvern Amerikan għall-bini ta' ambaxxata ġdida jien bqajt mingħajr tweġiba għall-mistoqsija jekk is-sistema PISCES hijiex stand-alone system jew jekk xi gvern barrani għandux aċċess għat-tagħrif miġbur permezz tagħha dwar nies li jkunu deħlin l-ajruport ta' pajjiżna, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni attwali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi s-sistema tal-PISCES qegħda tintuża fil-port controls ta' l-ajruport kif ukoll tas-seaport. Din is-sistema tiġbor informazzjoni li jkun hemm fuq il-passaport u l-moviment ta' persuni minn pajjiżi li m'humiex fl-Unjoni Ewropea. It-tagħrif li jinġabar fuq din is-sistema huwa għall-użu ta' l-awtoritajiet lokali u ma hi mqabbda ma' l-ebda sistema barra l-pajjiż.

Stabbilimenti f'Paceville

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex diversi ħwienet f'Paceville qed jibqgħu miftuħa wara l-ħin ta' l-għeluq mingħajr azzjoni tal-pulizija? Kemm ittellgħu persuni l-qorti fuq reati bħal dawn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ħinijiet tal-ftuħ ta' postijiet kummerċjali ivarja skond il-genere ta' l-attivita' kummerċjali ġestita. Ninsab infurmat ukoll illi l-Pulizija regolarment tagħmel spezzjonijiet fi stabilimenti kummerċjali ġewwa Paceville sabiex tivverifika li dawn ikunu qed joperaw skond il-liċenzja maħruġa mill-awtorita' regolatorja.

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ħabsin illum wara li ġew mogħtija pieni mill-qorti? Kemm minn dawn kienu hemm għal aktar minn darba u kemm-il darba?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-31 ta' Awissu 2006, in-numru ta' priġunieri li qegħdin iservu sentenza kien ta' mitejn u tnejn u tletin (232). Numru ta' drabi li kienu l-ħabs: L-ewwel darba 91 It-tieni darba 40 It-Tielet darba 19 Ir-Raba darba 16 Il-Ħames darba 09 Is-Sitt darba 18 Is-Seba darba 13 Aktar minn seba drabi 26

Lukanda Galaxy

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il darba l-pulizija marret fuq is-sit tal-lukanda Galaxy u waqqfu x-xogħol nhar ta' Ħadd u wara l-ħin tax-xogħol? Kemm-il ċitazzjoni nħarġet u kemm-il darba dawn ittellgħu l-qorti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija kellha tlett rapporti li kien qed isir xi xogħol ta' kostruzzjoni fuq is-sit imsemmi mill-Onor. Interpellant. Darba kienet nhar festa pubblika, fejn meta marru l-Pulizija fuq is-sit ikkonfermaw li kien qed isir xi xogħol u ordnaw li x-xogħol jieqaf. Iż-żewġ rapporti l-oħra kienu l-Ħadd, pero' meta marret il-Pulizija fuq is-sit sabet li ma kien qed isir l-ebda xogħol. Għaldaqstant ma jirriżultax li kien hemm lok li jittieħdu proċeduri kriminali minn naħa tal-Pulizija.

Malta Shooting Federation

Question

Billi fil-31 ta' Awissu 2006 fil-gazzetta "The Times" dehret aħbar illi l-Malta Shooting Federation bagħtet tfal taħt l-eta' skond il-liġi jisparaw barra minn Malta u billi din is-sena reġa' sar l-istess u billi dawn għandhom anqas mill-eta' permessa bil-liġi, anke issa kif emendata (under 16), x'passi ħa l-kummissarju tal-pulizija kontra min qed jikser il-liġi billi jitħalla jittrejna hawn Malta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fl-artikolu tal-gazzetta msemmi mill-Onor. Interpellant, ġie rrapurtat li grupp ta' żgħażagħ Maltin ser jieħdu sehem f'kompetizzjoni ta' l-isparar fil-Junior Championships li kellu jsir ġewwa Sabbia D'Oro. Imkien ma kien irrapurtat illi dawn iż-żgħażagħ kienu qed jipprattikaw dan l-isport f'Malta. Barra minn hekk, bħal ma naħseb jaf l-Onor. Interpellant, għall-ewwel darba saru Regolamenti sabiex jirregolarizzaw dan it-tip ta' sport prattikat minn żgħażagħ ta' bejn l-erbatax-il sena u t-tmintax-il sena.

Inkjesta Maġisterjali

Question

Il-persuni imsemmija separatament fetħu inkjesta dwar inċident li ssuċċeda l-isptar nhar is-27 ta' Diċembru 2004, liema inkjesta ġiet konkluża mill-Maġistrat Dr Michael Mallia nhar it-12 ta' Lulju 2006. Peress li din l-inkjesta tista' tkun ta' interess ġenerali, jista' il-Viċi Prim Ministru jintavola kopja ta' l-istess inkjesta fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (BORG, TONIO)

Għandu jingħad qabel xejn li l-inċident li dwaru talbu li ssir inkjesta l-persuni indikati mill-Onor. Interpellant, ġara fis-27 ta' Diċembru 2004 mentri t-talba għall-inkjesta saret f'Lulju 2006. Fiċ-ċirkostanzi, l-Maġistrat li lilu ġiet riferuta t-talba kien tal-fehma li ma kienx il-każ li tinfetaħ inkjesta Maġisterjali u għalhekk ċaħad it-talba għal inkjesta bil-konsegwenza li ma hemm ebda proċess verbal x'jiġi esibit.

Pulizija — Dħul ta' annimali f'Malta

Question

Meta persuna tinqabad iddaħħal annimali ħajjin jew mejtin kontra l-liġi mid-dwana, jittieħdu proċeduri biss kontra l-ksur tal-liġijiet tad-dwana jew ukoll jinbdew proċeduri tal-pulizija kontra l-liġi tal-moħqrija ta' l-annimali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi f'każi bħal dawk imsemmija mill-Onor. Interpellant, isiru l-investigazzjonijiet u jittieħdu dawk il-proċeduri kriminali kollha għal kull ksur ta' liġi li jista' jirriżulta.

Konvenzjoni għal Protezzjoni tad-Drittijiet u Libertajiet Fundamentali

Question

B'riferenza għar-risposti ta' mistoqsijiet parlamentari 20676 u 20827, jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti tweġiba għall-aħħar parti ta' l-ewwel domanda?

Response (BORG, TONIO)

Nifhem li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għat-traduzzjoni għall-Malti tal-Konvenzjoni dwar id-drittijiet tal-Bniedem u l-Protokolli 1, 4, 6, 7, 12 u 13. Niġbed l-attenzjoni ta' l-istess Onor. Interpellant li traduzzjoni għall-Malti ta' l-artikoli sostantivi tal-Konvenzjoni u tal-Protokolli 1, 4, 6 u 7 tagħha jinsabu fl-Ewwel Skeda tat-test Malti ta' l-Att dwar il-Konvenzjoni Ewropea, 1987, Kap. 319 tal-Liġijiet ta' Malta. Inoltre, fuq talba speċifika tiegħi xi żmien ilu, tlabt lit-Translation and Lawdrafting Unit sabiex jittraduċi għall-Malti il-Konvenzjoni u l-Protokolli sħaħ imsemmija mill-Onor. Interpellant sabiex tintbagħat lill-Kunsill ta' l-Ewropa biex titqiegħed fil-website tagħha ma' verżjonijiet lingwistiċi oħra ta' l-istess Konvenzjoni u Protokolli. Jien infurmat li t-traduzzjoni tlestiet u bħalissa qed tiġi skrutinata qabel tintbagħat lill-Kunsill ta' l-Ewropa bl-għan li semmejt.

Kummissarju tal-Pulizija — Ittra ta' Apprezzament

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm irċieva ittri ta' apprezzamaent jew rakkmandazzjoni matul dawn l-aħħar sentejn il-Kummissarju tal-Pulizija fil-konfront ta' l-ispetturi kollha li applikaw biex isiru supritendenti tal-pulizija, kemm dawk li ħadu promozzjoni u dawk li ma ħadux promozzjoni? Jekk inhu hekk, fil-konfront ta' min minnhom u dwar xiex? Dawn l-apprezzamenti u/jew rakkmandazzjonijiet jittieħdu in konsiderazzjoni l-għażla tal-promozzjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kien hemm sitt spetturi minn dawk li applikaw għall-promozzjoni ta' Supretendent li matul dawn l-aħħar sentejn kien saret xi ittra ta' apprezzament fil-konfront tagħhom. Dawn l-ittri kollha kienu jikkonċernaw apprezzament għal xogħol li kull fizzjal huwa fid-dmir u l-obbligu li jagħmel fil-kariga tiegħu. Għalkemm, kif naħseb li japprezza l-Onor. Interpellant, l-operat ta' bord ta' għażla maħtur mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, ma jaqax taħt l-iskrutinju tal-Ministeru, jien ċert li kull bord ta' għażla jieħu in konsiderazzjoni kull fattur, kemm favur kif ukoll kontra kull applikant. Għaldaqstant ma nħossx li jkun prudenti illi t-tagħrif personali kif mitlub mill-Onor. Interpellant għandu jkun ippublikat.

Swieqi — Sewwieqa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru, permezz tal-pulizija, jara li l-għajxien tar-residenti fis-Swieqi jkun salvagwardat minn sewwieqa, vandali u persuni barranin mil-lokal, b'mezzi priventivi ta' sorveljanza u ħarsien lejn il-liġijiet? Kull inizjattiva meħuda tkun apprezzata.

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kemm il-Pulizija tad-Distrett, kif ukoll dawk tal-Mobile Squad, jagħmlu r-rondi regolarment fil-lokalita' għall-finijiet imsemmija mill-Onor. Interpellant.

Siġġiewi — Problemi ta' flooding

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 16927 u 20708 dwar problemi ta' floodingfi Triq it-Tank, is-Siġġiewi, jista' il-Viċi Prim MInistru jgħid fiex waslet it-talba li għamlet l-awtorita' dwar it-trasport lid-dipartiment ta' l-artijiet? Meta saret it-talba lid-dipartiment ta' l-artijiet sabiex tkun tista' issir servitu (easement) biex ikun jista' isir ix-xogħol fuq dan il-culvert? Meta se tintlaqa' din it-talba?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-problemi ta' flooding mhux qegħdin fi Triq it-Tank imma fi Triq Ġdida fi Triq il-Fawwara. It-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern irċeviet it-talba għall-esproprju tas-servitu' f'din it-triq fis-26 ta' Lulju 2006. Ix-xogħol issa tlesta u d-Dikjarazzjoni tal-President ta' Malta għall-esproprju ser tiġi publikata fil-Gazzetta tal-Gvern fi żmien qasir.

Pulizija — Każi ta' Overdose

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każi ta' overdose lill-pulizija din is-sena? Kemm minn dawn kienu aċċidentali? Kemm kienu kawża ta' ecstacy u kemm ta' drogi oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Awissu ta' l-2006, ġew irrapurtati lill-Pulizija 171 każ ta' xi tip ta' overdose. Minn dawn, dawk li jistgħu jitqiesu bħala aċċidentali kienu 50, peress li kienu riżultat ta' droga ta' abbuż, fosthom 5 kawża ta' ecstacy.

Qrati — Sewqan taħt l-effett tax-xorb

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm persuni ttellgħu l-qorti fuq drink driving din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Awissu ta' l-2006, kien hemm 91 sewwieq/a li l-Pulizija għamlitilhom it-test tan-nifs wara li r-riżultat fl-ewwel test fit-triq kien pożittiv. Minn dawn kollha, 58 kellhom riżultat pożittiv, filwaqt li 27 irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut. F'kull każ qed jittieħdu proċeduri kriminali quddiem il-Qorti skond il-liġi. Għalkemm 91 sewwieq/a irriżulta li t-test tagħhom kien posittiv, in-numru ta' verifiki li saru hu akbar.

Birgu — Manutenzjoni ta' Fond

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet neċessarji fir-residenza ta' anzjana mill-Birgu li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament minħabba li qed jinħoloq inkonvenjent minħabba li s-soqfa ta' fuq il-bejt u anke l-faċċata tar-residenza jinsabu f'kondizzjonijiet ħżiena u qed jikkawżaw periklu għar-residenza u anke għal terzi persuni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li f'Ġunju tas-sena 2002, l-Uffiċċju Konġunt lesta t-tiswijiet fil-fond in kwistjoni li kienu ntalbu mir-raġel tal-inkwilina. Wara din id-data, l-Uffiċċju Konġunt ma rċieva ebda talba oħra għal tiswijiet. Madanakollu l-Uffiċċju Konġunt ser jirreferi l-każ lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar sabiex jara x'hemm bżonn isir.