Legislature:
Category:
Reset
Active:

Day centres għall-anzjani

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm part-time social assistants jaħdmu f'kull day centre għall-anzjani, wieħed wieħed?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Part Time Social Assistants hemm 59 jaħdmu fid-Day Centres. Dawn huma mqassmin hekk kif ġej: B'Buġia 5 B'Kara 4 Bormla 4 Dingli 3 Ħamrun 6 Luqa 5 Mosta 3 Mtarfa 3 Qormi 5 Sliema 5 San Pawl il-Baħar 2 Santa Venera 3 Żejtun 6 Żurrieq 5

SVPR — Xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex ix-xogħol fuq Phase II tal-proġett ta' immodernizzar f'San Vincenz de Paule, li Phase I tiegħu ġiet inawgurata f'Ottubru, 2003, miexi daqstant bil-mod, speċjalment meta mqabbel maż-żmien li fih tlestiet Phase I tal-proġett? Tista' tingħata data approssimattiva meta Phase II, li minbarra l-blokk tas-swali tikkomprendi wkoll l-upgrading u r-restawr tal-kappella u l-upgrading u immodernizzar tal-bitħa ta' quddiem il-kappella u l-arkati tal-faċċata, se titlesta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'huwiex korrett illi x-xogħol fuq Phase Two tal-proġett tal-Immoderniżżar ġewwa r-residenza għall-anzjani San Vinċenz miexi bil-mogħod. Ix-xogħol fuq dan il-proġett għaddej b'ritmu sostnut. B'differenza għal Phase One dan il-proġett jinvolvi aktar xogħol. L-ewwel raġuni għalfejn ix-xoghol fuq it-tieni fażi li għaddej bħalissa qed tieħu aktar fit-tul mill-ewwel fażi hija waħda purament teknika. L-ewwel fażi primarjament kienet tinkkonsisti fil-bini ta' San Piju Wards u l-irranġar tal-bitħa ta' quddiemu. Fit-tieni fażi, ix-xogħlijiet jikkonsistu fil-bini tal-wards, l-upgrading u r-restawr tal-kappella, l-immoderniżżar tal-bitħa u twaqqieh u l-bini mill-ġdid tal-passaġġ li jgħaqqad iż-żewġ fażijiet tal-proġett. Apparti dan hemm numru ta' limitazzjonijiet tekniċi oħra li ma kinux preżenti fl-ewwel fażi, li ikkontribwew biex ix-xogħol fuq it-tieni fażi jieħu aktar fit-tul mill-ewwel fażi. Fost dawn ta' min isemmi d-decommissioning ta' sub station antika, bdil ta' cables qodma u tibdil fuq is-sistema ta' drenagg. L-akbar raġuni teknika hi dik tar-restrizzjoni tas-sit. Minkejja dawn il-problemi kollha ninsab fiduċjuż li x-xogħlijiet ser jibqgħu mixjin bir-ritmu li għaddejin bħalissa. Il-proġett mistenni jkun lest sas-sajf tas-sena 2006. Meta dan il-proġett ikun lest inkunu nistgħu nilqgħu 108 residenti anzjani oħra u nakkomodawhom fil-blokk il-ġdid.

Trasfużjoni ta' demm

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 12997 - seduta 279 - dwar spejjeż fuq testijiet tad-demm użat għat-trasfużjoni mill-isptarijiet u kliniċi privati, jista' il-Ministru jinformana kemm diġa' tħallsu u kemm għandhom ħlasijiet pendenti, individwalment, sptarijiet jew kliniċi privati għal dan is-servizz lill-gvern, għad-demm mogħti lilhom tul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena, kif ukoll is-somma globali, individwalment, ta' kull sptar jew klinika privata sal-lum?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Sptar Mater Dei

Question

Billi fil-budget speeches li għaddew il-ministru qal illi parti mil-isptar Mater Dei kien se jkun bi ħlas għal persuni barranin u anke Maltin, jista' il-Ministru jgħid jekk dan hux se jsir u jekk le, x'wassal biex dan il-pjan jieqaf?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kien hemm l-ebda bidla fil-politika tal-Ministeru dwar sodod li jkunu bi ħlas għal persuni barranin jew Maltin. Din il-politika tiġi mwettqa biss jekk ikun żgurat li dan isir mingħajr detriment għall-kura li tingħata liċ-ċittadini Maltin.

Saħħa — Persuni bl-AIDS

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn persuni: a) bl-AIDS illum? b) HIV positive illum? c) Hepatitis B positive illum? d) Hepatitis C positive illum?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li biex wieħed jkun jaf kemm hawn persuni li qegħdin ibatu minn dan il-mard iridu jsiru studji seroloġiċi. L-istatistika miżmuma mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika tirreferi għal dawk il-persuni li jiġu notifikati lill-istess Dipartiment skond il-Public Health Act. Skond l-aħħar statistika l-każijiet notifikati huma kif ġej: Marda Jannar Frar Marzu April Mejju AIDS 2* - - - - HIV - - - - 1** Hepatite B akuta 1 - 4 - - Hepatite C akuta 1 2 1 - 1 * In-numru jindika persuni li huma mejta. ** In-numru jindika persuni barranin li kienu morda qabel ġew Malta.

Saħħa — Mediċini out of stock

Question

Jikkonsidra l-Ministru li meta mediċina tkun out of stock id-dipartiment għandu jgħin finanzjarjament lil dawk il-persuni li huma intitolati għall-mediċina b'xejn billi ħafna drabi ma jkunux jaffordjaw jixtruha?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant huwa nnotat.

Sptar San Luqa — Pacemakers

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi nuqqas ta' pacemakers bi tliet leads fl-isptar? Meta jaħseb li dawn ikunu preżenti f'Malta, għaliex hawn min qed jistennihom? Kemm jiswew kull waħda?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-kuntratt għal dawn it-tip ta' pacemakers inħareġ. Hemm żewġ pazjenti qed jistennew tripple chamber intracardiac defibrillator. Dawn mistennija jaslu fil-ġranet li ġejjin u jqumu US Dollars 22736.04 il-waħda.

Spetturi tas-sanita' — Gabbani fil-bajjiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid matul din is-sena s'issa kemm spetturi tas-sanita' żaru gabbani fil-bajjiet ta' Malta u Għawdex biex jaraw jekk it-toilets tagħhom humiex kollha konnessi mas-sistema nazzjonali tad-drenaġġ u jinżammu fi stat aċċettabbli ta' iġjene?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m'hemm l-ebda Liġi li tobbliga li kull toilet għandu dejjem ikun konness mas-sistema nazzjonali tad-drenaġġ. Spezzjonijiet minn uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika jsiru f'kull post ta' l-ikel, inkluż f'gabbani, bħala parti minn sistema ta' spezzjonijiet nazzjonali. Waqt l-istess spezzjoni meta toilets ikunu provduti, dawn jiġu spezzjonati fuq l-istat ta' l-iġjene.

Dipartiment tas-saħħa — Dental technicians

Question

Jista' il-Ministru jgħid hux se jiġu reklutati dental technicians mid-dipartiment tas-saħħa? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta se joħorġu s-sejħiet?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li ma hemm l-ebda ħsieb li jiġu reklutati dental technicians mad-Dipartimet tas-Saħħa għalissa.

Saħħa, Anzjani Kura fil-Komunita' — Korrimenti fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema/uffiċjali, eċċ. li jaħdmu taħt id-dipartimenti u/jew dekasteri u /jew korporazzjonijiet eċċ. li weġġgħu jew korrew fuq il-post tax-xogħol matul dawn l-ewwel xhur tas-sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li matul din is-sena kien hemm b'kollox 79 każ ta' korriment ta' ħaddiema/uffiċjali li jaħdmu fi ħdan il-Ministeru tiegħi.

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Safar

Question

Jista' il-Ministru jagħti statistika ta' kemm saru trips ta' safar matul l-2002, l-2003, l-2004 u l-2005 sal-lum minn persuni fis-settur pubbliku kollu, cioe' persuni li mhux biss jaħdmu fiċ-ċivil imma wkoll fis-settur pubbliku kollu, li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni li qed tintalab mill-Onor. Membru, tkopri medda ta' erba' snin, trid ħafna żmien biex tinġabar u naħseb li l-ħin tal-uffiċjali li jkunu jridu jitqabbdu biex jiġbruha jista' jintuża aħjar.

Kura barra minn Malta

Question

Il-ftehim li kien għamel gvern Laburista dwar kura barra minn Malta fl-Ingilterra, se jissokta jew jispiċċa issa li aħna membri ta' l-UE? Dan bħal protokol Taljan li kien sar ukoll minn gvern Laburista li qed jiffinanzja l-bini tat-toroq u li l-gvern Nazzjonalista qed jgħid li huma ffinanzjati mill-EU?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ftehim bejn Malta u l-Ingilterra dwar kura medika għadu qed jiġi rivedut. Il-ftehim l-antik għadu fis-seħħ.

Sptar San Luqa — Boiler

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi qegħdin jittieħdu sabiex jiġi żgurat illi l-boilerfl-isptar San Luqa: a) jinsab fi stat tajjeb ta' manutenzjoni u b) qiegħda ssirlu manutenzjoni regolari? Meta ġie l-aħħar inspected minn safety officer?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Boiler House ta' l-Isptar San Luqa tikkonsisti f'erba' boilers apparat ieħor anċillari, li jintuża għal servizzi relatati. Tlieta minn dawn l-erba' boilers huma daqs xulxin filwaqt li r-raba' wieħed li ġie nstallat aktar tard, huwa ftit ikbar. Ninsab infurmat li l-manutenzjoni ssir fuq bażi regolari. Wieħed mill-erba' boilers żviluppa ħsarat estensivi u wara li jsirulu tiswijiet meħtieġa ser jinżamm bħala back-up f'każ li t-tliet boilers l-oħra ma jlaħħqux mad-domanda. Dawn il-boilers jaqgħu taħt Factories (Steam Boilers) Regulations, 1951 u għalhekk Warranted Mechanical Engineer jispezzjona u jiċċertifika l-boilers ta' l-inqas darba f'sena kif mitlub f'dan ir-regolament u kull meta boiler jitwaqqaf biex issirlu xi manutenzjoni kbira. Dawn il-boilers ġew iċċertifikati l-aħħar, f'dati murija hawn taħt. Data ta' l-aħħar ċertifikat Boiler number 05/07/2004 1 21/10/2004 2 17/05/2005 3 17/04/2005 4

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Diretturi u chairpersons

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma d-diretturi u chairpersons tal-kumpanniji, entitajiet u bordijiet li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra għandu kull wieħed minnhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment tas-saħħa — Lantus long-acting insulin

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li d-dipartiment tas-saħħa għadu kif irrifjuta talba ta' konsulent Malti biex jiġi approvat Lantus long-acting insulin, li huwa intenzjonat għall-użu fuq brittle insulin dependent diabetics, meta din l-istess mediċina diġa' qiegħda tingħata b'xejn lil xi pazjenti Maltin għax ġiet ordnata minn speċjalisti Ingliżi, meta fil-fatt dan l-istess konsulent Malti huwa speċjalizzat u rikonoxxut fl-Ingilterra wkoll?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-insulina Glargine (lantus) ma toffrix kontroll aħjar tad-dijabete minn insulini oħra. L-unika vantaġġ li għandha hu li min ikun fuqha għandu inqas ċans li jinżillu ż-żokkor matul il-lejl. Din l-insulina għadha mhix rakkomandata għall-użu f'każijiet ta' rutina. Ninsab infurmat ukoll li fil-preżent hemm żewġ pazjenti biss approvati fuq din l-insulina. Dawn kienu pazjenti li d-dijabete tagħhom ma setgħet tiġi kkontrollata b'xejn tant li kellhom jintbagħtu barra għal interventi speċjaliżżati. Huma ġew ikkontrollati biss b'din l-insulina ġdida.

SCBU — Imwiet ta' trabi

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk jafx li uffiċjal tad-dipartiment li huwa kap ta' l-SCBU stqarr fuq it-television fil-programm immexxi minn Lou Bondi li trabi fl-SCBU qed imutu bħad-dubbien? Jista' jordna inkjesta biex il-poplu Malti jsir jaf x'inhu jiġri fl-SCBU, jiġifieri jekk huwiex veru li trabi qed imutu bħad-dubbien u fil-każ minn fejn ġejjien it-trabi li qed imutu bħad-dubbien? Jidhirlu l-Ministru li tali statement hu serjissimu u l-poplu jeħtieġ li jkun jaf il-verita' kollha?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru huwa konxju mill-istqarrijiet li ħarġu mil-programm Bondi Plus. Għal din ir-raġuni l-uffiċjal konċernat intalab jissostanzja l-kummenti tiegħu u jispjega r-raġunijiet għaliex wasal għal din il-konklużjoni.

SCBU

Question

Jista' il-Ministru jgħid fl-aħħar għaxar snin kemm ġew ammessi trabi fl-SCBU, sena b'sena? Kemm minnhom kienu multiple births u x'tip ta' multiple births (twins, triplets, quads , etc)? Kemm minn dawn kienu riżultat ta' kura b'pilloli jew injections? Kemm kienu minn ommijiet li kienu qed jieħdu l-kura fl-isptar San Luqa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-aħħar għaxar snin in-numru tat-trabi li ġew ammessi fl-SCBU kienu kif ġej: Sena No. Direct Admission Transfer In Total Admission to SCBU 1998 Not available Not available 318 1999 Not available Not available 327 2000 294 50 344 2001 282 69 351 2002 273 41 314 2003 306 27 333 2004 321 31 352 Minnhom kien hemm numru ta' multiple births. Sena Twins Triplets Quads/Oħrajn 1999 103 4 0 2000 64 1 0 2001 35 1 0 2002 50 2 0 2003 53 3 0 2004 50 4 2 M'hemm l-ebda informazzjoni qabel is-sena 1999. Għall-aħħar parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija numru 13225.

SCBU

Question

Jista' il-Ministru jgħid fl-aħħar 14-il sena kemm-il tarbija ddaħħlet fl-SCBU b'riżultat ta' l-intervent IVF?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-mod kif l-omm tinqabad tqila hija xi ħaġa personali u kunfidenzjali u jekk l-individwa ma tagħtix din l-informazzjoni, aħna ma għandna l-ebda mod kif niverifikaw jekk kien hemmx IVF jew le.