Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tigne' — Clock Tower Block

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex is-social housing għadu ma bagħatx għar-rappreżentanti tar-residenti tal-clock tower block li ġew maħtura kif mitlub mid-dipartiment fil-15 ta' Mejju 2006?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-laqgħa li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant mistennija ssir fil-futur qarib.

Anzjani — Kartuna Roża

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hawn anzjani li għandhom il-kartuna r-roża?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li ma jinżammx statistika kif mitluba mill-Onor. Interpellant. L-istatistika li tinżamm hi dwar in-numru ta’ persuni li kkwalifikaw għall-Karta r-Roża li matul l-2005, ninsab infurmata, kien 7,204.

Applikazzjoni għal chair lift

Question

Tista' il-Ministru tispjega kif tista' issir l-applikazzjoni għal chair lift għall-anzjani u l-morda u fejn? Hemm xi sussidju fuq ix-xiri ta' dan is-siġġu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skema 7 ta’ l-Awtorita’ tad-Djar tipprovdi għal sussidju fuq xogħlijiet ta’ rranġar u titjib f’residenzi okkupati minn persuni b’diżabilita’. Dan is-sussidju jista’ jservi biex persuna b’diżabilita tistalla stairlift fid-dar fejn tgħix. L-applikazzjoni u l-kundizzjonijiet biex persuna tibbenefika minn din l-iskema jistgħu jinkisbu mill-uffiċċju ta’ l-Awtorita’ tad-Djar, il-Furjana. L-applikazzjoni mimlija, flimkien mad-dokumenti meħtieġa kif indikat fl-applikazzjoni, għandhom jiġu ritornati fl-istess uffiċċju.

Żieda fl-għoli tal-Ħajja

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk hux l-anzjani kollha ħadu ż-żieda għall-għoli tal-ħajja mħabbra fl-aħħar budget? Jista' allura jara x'inhi r-raġuni għaliex l-anzjana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament kienet irċeviet Lm37.24 f'Jannar 2005 u f'Ġunju 2006 għadha tirċievi Lm37.24?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Sigurta' Soċjali — Każ dwar pensjoni

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni għaliex wara li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, kellha r-reviżjoni fil-pensjoni, il-pensjoni baqgħet l-istess għall-perjodu bejn l-2001 u Jannar 2003?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.

Benefiċċji soċjali — Maternity/parental leave

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament għad li rebħet anke l-Appell quddiem l-Arbitru, id-dipartiment għadu xorta waħda jonqos milli jottempora ruħu fil-każ ta' l-arretrati ta' SA?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.

Awtorita' tad-djar — Każ ta' housing

Question

Tista' il-Minsitru tagħti indikazzjoni fiex wasal il-każ ta' housing li dettalji dwaru qed jintbagħat separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.

Awtorita' tad-Djar — Każ ta' housing

Question

Tista' il-Ministru tara li jingħata priorita' lil każ ta' housing li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li tikkonsisti f'familja ta' erba' persuni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant qed tiġi nvestigata mid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

Appartament tal-gvern — Lifts maintenance

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk il-maintenance tal-lifts tal-blokk tal-flats li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, issirx minn kuntrattur imqabbad mir-resienti jew mill-housing? Kemm suppost iħallsu r-residenti ta' kull flat għall-maintenance?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li skond il-kundizzjonijiet tal-kirja, l-inkwilini ta’ l-appartamenti fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant, huma marbuta bir-responsabbilta’ għall-manutenzjoni tal-partijiet komuni tal-blokk, inkluż il-lift. Dan ġie spjegat lill-inwkilini mill-uffiċjali ta’ l-Awtorita’ tad-Djar. Ninsab infurmata wkoll li l-inkwilini ġew mitluba jiffurmaw Assoċjazzjoni tar-Residenti li tkun responsabbli tagħmel l-arranġamenti ma’ kuntrattur biex issir il-manutenzjoni meħtieġa kif ukoll li tħallas għall-ispejjeż tal-manutenzjoni u l-konsum tad-dawl tal-lift.

Immigranti Irregolari

Question

Tista' il-Ministru tgħid kemm hemm nies imħallsin mill-gvern fl-open centre ta' l-immigranti irregolari tal-Marsa? Kemm hemm pulizija? Kemm hemm suldati? Kemm hemm nies pajżana? Fil-każ ta' nies pajżana, x'inhu x-xogħol li qegħdin jagħmlu u kemm qed jiswew lill-gvern?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li fl-Open Centre tal-Marsa, li jitmexxa minn NGO, il-Gvern ma jipprovdix ħaddiema tiegħu ħlief għal servizz kontinwu ta' suldat, provdut mill-Forzi Armati ta' Malta.

Ħal-Luqa — ex-officers quarters

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk dik ir-residenza fost l-erbgħa vilel li hemm fl-ex-officers quarters f'Ħal-Luqa li dwarha hemm kawża, bħalissa hijiex abitata? Jekk hemm xi inkwilini fiha, dawn qegħdin bil-permess ta' l-awtorita' tad-djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Awtorita' tad-Djar ma tat ebda kunsens jew permess li xi ħadd biex jabita jew jieħu pussess tal-fond indikat mill-Onor. Interpellant.

Familja u Solidarjeta' Soċjali — Cyberspace Solutions Ltd

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk il-Ministeru, jew xi kumpanniji parastatali, korporazzjonijiet jew awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tagħha f'dawn l-aħħar ħames snin qattx għamlu użu mill-kumpannija Cyberspace Solutions Ltd jew mill-kumpanniji sussidjarji tagħha Digital Signage Cyberspace Solutions, Wicked Promo jew Cyberspace Medical? Jekk iva, x'kien dan ix-xogħol, għal kemm kien jammonta u jekk itteħidx wara sejħa għall-offerti jew b'direct order?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li la l-Ministeru lanqas xi Dipartiment jew entita li taqa' taħt id-dekasteru tiegħi ma għamlu użu mill-kumpannija jew sussidjarji tagħha ndikati mill-Onor. Interpellant.

Immigranti Illegali — Akkomodazzjoni

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'passi qed jieħu l-ministeru biex jiġu akkomodati immigranti illegali li jkunu nħelsu mid-detenzjoni? Kemm hemm open centres ippjanati u kemm hawn illum u kemm jospitaw nies?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Ministeru tiegħi qed jipprovdi diversi ċentri fejn jiġu akkomodati immigranti irregolari meta joħorġu miċ-ċentri ta’ detenzjoni. F’dan l-istadju, meta qed isir żvilupp fiċ-ċentru l-ġdid f’Ħal Far, m’hemmx ippjanat ftuh ta’ Open Centres ġodda. Ninsab infurmata li l-kumplament tat-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħal Qormi — Appartament tal-gvern

Question

Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-lift ġdid li ġie stallat fi block 5, Triq id-Deheb Fin, Qormi qed ikun kontinwament bil-ħsara? Jista' id-dipartiment jara li dan il-lift jitranġa biex ikun jista' jintuża mir-residenti ta' dan il-block?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-ħsara fil-lift indikat mill-Onor. Interpellant kienet qed tiġi u tmur u għalhekk kien diffiċli biex jiġi identifikat x’kienet l-oriġini tagħha. Madankollu l-Awtorita’ tad-Djar baqgħet tinsisti mal-kuntrattur biex dan isir u rriżulta li din il-ħsara kienet fis-switch manjetiku, li issa ġie aġġustat. Ninsab infurmata wkoll li, għalkemm issa l-lift qed jaħdem normali, l-Awtorita’ avżat lill-kuntrattur biex jagħmel moniteraġġ kostanti fuqu.

Rekruti tas-Servizz Pubbliku — Benefiċċji soċjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid jekk rekruti ġodda taċ-ċivil li jkunu marbutin bil-kuntratt mal-gvern ikunux intitolati għall-maternity leaveu parental leave u benefiċċji soċjali oħra? Tista' tgħid x'benefiċċji soċjali huma ntitolati għalihom: ommijiet separati miż-żwieġ u ommijiet li qed irabbu l-uliedhom waħedhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Ewwel Parti tal-Mistoqsija lill-Prim Ministru bħala l-Ministru responsabbli mill-impjegati taċ-Ċivil. Dwar it-Tieni Parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmata li ommijiet separati u ommijiet singli li qed irabbu l-uliedhom weħedhom huma ntitolati għad-diversi benefiċċji, allowances u pensjonijiet, kemm kontributorji u kemm m’humiex, provduti taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, jekk jissodisfaw il-kundizzjonijiet relattivi ta’ l-imsemmi Att. Dawn il-benefiċċji jinkludu dawk maħsuba għan-nisa, jiġifieri, Benefiċċju tal-Maternita’ u Għotja għal Ħalib.

Anzjani li jirċievu servizzi residenzjali

Question

Tista' il-Ministru tgħid x'kien id-dħul tal-gvern kull sena mill-1999 'il hawn minn Malta u Għawdex separatament: i) taħt l-Artiklu 93 ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, mill-anzjani li jirċievu servizz residenzjali finanzjat mill-istat; u ii) taħt l-Artiklu 95 ta' l-istess att mill-persuni li jibbenefikaw minn servizzi ta' kura/għajnuna mogħtija fid-djar? Tista' tgħidli wkoll kemm hemm sodod f'istituzzjonijiet, djar, eċċ. għall-anzjani li huma finanzjati mill-gvern? Tista' tagħtini din l-informazzjoni, istituzzjoni istituzzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-tagħrif mitlub fl-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmata wkoll li fejn l-informazzjoni tidher nieqsa dan minħabba li jew ma kienetx tinżamm statistika jew is-servizz kien għadu ma jingħatax. Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferihom lill-Ministru konċernat.

Benefiċċji soċjali

Question

Tista' il-Ministru tivverifka għaliex persuna li l-ID number tagħha qed jintbagħat separatament u li ħadet xahar sick leave ħafna xhur ilu sal-lum għadha ma tħallsitx nofs il-paga dovuta lilha mill-kontribuzzjonijiet ta' l-NI?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.

Awtorita' tad-Djar — Ħal-Luqa

Question

Tista' il-Ministru tirrispondi mistoqsija parlamentari 20130 u tgħid kemm hemm djar magħrufa bħala ex-officers f'Ħal-Luqa (dawk id-djar li huma biswit il-head offices ta' l-Air Malta) u min huma l-inkwilini ta' dawn id-djar, jekk huma okkupati, għax apparentement jaqgħu taħt ir-responsabbilta' ta' l-Awtorita' tad-Djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li minn riċerka li għamlet l-Awtorita’ tad-Djar, irriżulta mill erba’ villel biswit il-Head Office ta’ l-Air Malta li ġew trasferiti lill-Awtorita’, tlieta ġew mibjugħa fl-1989 wara sejħa għall-offerti. Dwar il-villa l-oħra, ninsab infurmata li għadhom għaddejjin proċeduri fil-Qorti dwar il-bejgħ tagħha.

Pensjonijiet — Ex-Ħaddiema tat-Tarzna

Question

Tista' il-Ministru tgħid meta se ssir ir-reviżjoni tal-pensjoni ta' l-ex-ħaddiema tat-Tarzna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li r-reviżjoni tal-pensjonijiet ta' l-ex ħaddiema tat-Tarzna saru s-sena l-oħra. Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għar-reviżjoni ta' dawn il-pensjonijiet li rriżultat meħtieġa mid-diskrepanza fis-salarji kif provduti lid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali mit-Tarzna, ninsab infurmata li dan il-proċess għaddej u kif jintemm isir il-ħlas dovut.

Riforma fil-pensjonijiet

Question

Tista' il-Ministru tgħid liema huma l-NGOs, il-partiti politiċi, gruppi soċjali u reliġjużi, trade unions, gruppi ta' professjonisti u gruppi oħra li għamlu sottomissjonijiet bil-miktub fil-proċess ta' konsultazzjoni fir-riforma tal-pensjonijiet li l-gvern niehda?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.