Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #32146 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Ħabs

Question

Jista' l-Ministru jgħid min qiegħed imexxi u jieħu sehem jiġbor it-tagħrif għall-investigazzjoni referuta f'PQ 31548, u cioe jista' l-Ministru jgħid jekk jirriżultax li nsterqet il-master key ġol-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin? Jekk iva, x'passi ttieħdu dwar l-għibien ta' master key li biha tista' tiflaħ kull bieb li hemm fil-ħabs? Kemm dehru quddiem il-bord ta' investigazzjoni? Xi irriżulta s'issa?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nerga` intenni illi ma nsterqet l-ebda Master Key, iżda li ma nstabitx ċavetta (servant key), ninsab infurmat illi l-investigazzjoni dwar l-għejbien tagħha hija kondotta mid-Direttur, Manager u s-Security Officer tal-Ħabs. Fil-qrib ser jittieħdu passi dixxiplinari kontra żewġt uffiċjali.
Leg 9 PQ #32156 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Faċilita Korrettiva ta' Kordin

Question

Nirreferi l-Ministru għat-tweġiba parlamentari tiegħu 30737? Jista' jgħid ta' liema nazzjonalita' kienu dawk li intbagħtu barra biex jkomplu jiskontaw is-sentenza tagħhom? F'kull każ kemm kien fadlilhom biex jiskontaw? Ġew deċiżi każi oħra minn dawk li ntalbu? Kif u min jiddeċidi li priġunier jintbagħt lura pajjiżhom?

Response (BORG, TONIO)

Il-priġunieri li nbagħtu lura pajjiżhom biex ikomplu jiskontaw is-sentenza li kienu qegħdin iservu ġewwa l-Faċilita` kienu Libjani. Wieħed kien fadallu 25 ġurnata ħabs, ieħor kien jonqsu 205 ġranet ħabs u t-tielet wieħed kien jonqsu 261 ġranet ta` ħabs. Mit-talbiet pendenti ma ġiet deċiża l-ebda waħda. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 25995.
Leg 9 PQ #32158 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentar tiegħi 30735, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri li qed jattendu kull suġġett akkademiku fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin imsemmija fl-istess mistoqsija? Fl-istess ħin din is-sena hemm min laħaq il-livell biex joqgħod għal-eżami tas-SEC jew MATSEC? Kemm qed jattendu u jagħmlu xogħol fid-diversi ħwienet? Kemm f'kull każ hemm priġunieri barranin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #32167 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Vetturi fl-Imdina

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy dwar dħul ta' vetturi fl-Imdina? Kemm hawn permessi għal vetturi li jidħlu l-Imdina? Kif jgħarfu l-permessi tal-vetturi li jidħlu l-Imdina? Kemm inqabdu vetturi li mhux suppost daħlu l-Imdina matul dan l-aħħar tnax il-xahar u li ngħataw ċitazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-dħul ta` vetturi fl-Imdina huwa regolat bir-Regolamenti ta` l-1988 dwar Restrizzjoni ta` dħul u passaġġ fl-Imdina. Minbarra dawk il-vetturi li huma eżenti minn dawn ir-Regolamenti, fil-preżent hemm 128 vettura li għandhom permess skond ir-Regolament 4 ta` l-istess Regolamenti. Dan il-permess għandu jintwera ġewwa l-vettura b`tali mod li jkun jista` jidher u jinqara minn barra l-vettura f`kull waqt li l-vettura tkun ġewwa l-Imdina. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi bejn Marzu 2001 u Frar 2002 kien hemm 131 vettura li nqabdu mill-Pulizija bi ksur ta` dawn ir-Regolamenti.
Leg 9 PQ #32181 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Qtil ta' Warden

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-proċess verbal dwar il-qtil tal-warden Fortuna Spiteri li ġara f'Għawdex fl-10 ta' Awissu 2001 ngħalaqx? In vista tal-fatt li l-Gvern diġa approva kumpens lill-familjari ta' żewġ membri tal-Korp tal-Pulizija li ġew maqtula waqt il-qadi ta' dmirijiethom, jista' jikkunsidra li l-Gvern li tiegħu jifforma parti, jagħti anki kumpens pekunjarju lill-familjari tal-mejta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-inkjesta Maġisterjali dwar dan il-każ għadha mhix konkluża. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferiha lill-Ministru responsabbli mill-Gwardjani Lokali.

Pulizija — Investigazzjoni fuq Qtil

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'riferenza għal dak li ġie ppubblikat fl-aħħar ħarġa ta' Malta Today, hemm xi żviluppi fl-investigazzjoni dwar il-qtil tal-accountant Mr Lino Cauchi li għeb fil-15/2/1982 - għoxrin sena ilu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar xhur, il-Pulizija waslitilha informazzjoni li xeħtet aktar dawl fuq l-investigazzjonijiet dwar dan il-każ. Insegwitu ta` din l-informazzjoni ġew arrestati u interrogati diversi persuni. Dawn il-persuni anke taw ix-xhieda tagħhom quddiem il-Maġistrat Inkwirenti. Il-Pulizija għadha issegwi din l-investigazzjoni b`mod attiv. Stante li din l-investigazzjoni, li hija ukoll suġġett ta` Inkjest Maġisterjali, għad mhix konkluża, ma nħossx li huwa prudenti li wieħed jikkumenta iktar dwar dan il-każ, ħlief li l-Pulizija qed tagħmel minn kollox sabiex min wettaq dar-reat jirrispondi għal għemilu.
Leg 9 PQ #32230 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn Maltin li nqabdu bid-droga ta' etajiet differenti matul din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Jannar u Frar 2002, il-Pulizija qabdet 16-il persuna bid-droga. L-eta` tagħhom tvarja bejn il-15 u 29 sena.

Elezzjonijiet Kunsilli Lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid fl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fil-Belt Valletta jistgħux il-ħwienet fil-viċinanzi tal-polling booths jitħallew jiftħu xorta waħda jekk ikun hemm qbil bejn il-partiti/kandidati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali huwa regolat b`Kapitolu 363 tal-Liġijiet ta` Malta u deċiżjonijiet bħal dawn jistgħu jittieħdu biss mill-Kummissjoni Elettorali.
Leg 9 PQ #32272 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Street Naming

Question

Jista' l-Ministru jara sabiex jittieħdu l-passi neċessarji sabiex tiġi rimedjata l-problema li qed jaffaċjaw ir-residenti tal-maisonettes il-ġodda kostruiti fil-qasam tal-bini f'B'Buġia konsistenti fin-nuqqas ta' indikazzjoni ċara ta' l-isem tat-triq għall-fini ta' indirizz?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skond l-Avviż Legali 176 ta` l-1995, kull tismija ta` triq trid toriġina mill-Kunsill Lokali tal-lokalita`.
Leg 9 PQ #32274 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pilot Scheme PS 1957/60

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-djar li kienu inxtraw taħt il-pilot scheme PS 1957/60 f'dawk is-snin għadhom marbutin mal-kundizzjonijiet oriġinali tal-bejgħ ta' dak iż-żmien?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-plots li ngħataw fis-snin 1957/60 taħt il-pilot scheme ingħataw mid-Dipartiment tal-Akkomodazzjoni Soċjali u għalhekk l-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru tal-Politika Soċjali.

Junior College

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet dwar ġlied u sejba ta' armi li kien hemm f'kamra fil-Junior College li tintuża mill-Pulse fi tmien is-sena li għaddiet? L-investigazzjoni ġiet konkluża? Jekk iva, x'passi se jittieħdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija kien waslilha rapport li kien hemm ġlieda fil-post imsemmi, iżda meta l-Pulizija waslet fuq il-post ir-rapport li sar lill-Pulizija kien jirrigwarda theddid b`arma. Matul l-investigazzjoni (li għad trid tiġi konkluża), il-Pulizija kienet sabet arma (air pistol) għand żewġ studenti. Dan l-inċident kien seħħ f`Novembru 2001.

Lino Cauchi — Skopijiet ta' Dfin

Question

Jista’ jikkonferma r-rapporti fil-ġurnali ta’ dan l-aħħar li għal skopijiet ta’ dfin mhux il-partijiet kollha ingħataw lill-familjari ta’ Lino Cauchi? Liema kienu l-partijiet li ma ngħatawx għad-dfin? Fejn qed jinżammu? Kemm qed jiġu preservati u kemm qegħdin jiġu preservati tajjeb?

Response (BORG, TONIO)

Il-fdalijiet illi b`ordni tal-Qorti kienu fil-kustodja tal-Pulizija, f`Ġunju 1998 ġew trasferiti fil-kustodja tal-Qorti fuq struzzjonijiet tal-istess Qrati.

Pulizija — Lino Cauchi

Question

Dan l-aħħar fil-ġurnali kien hemm referenza għall-intervista li Anna Cauchi, mart Lino Cauchi, kienet tat lill-gazzetta Il-Ġens wara li hi kienet meħuda d-Depot tal-Pulizija u maqfula f’ċella fl-ewwel anniversarju mill-qtil ta’ żewġha. Jista’ l-Ministru jikkonferma din l-okkorrenza? Fuq liema bażi ttieħdet id-Depot u kienet maqfula f’ċella? Fuq ordni ta’ min kienet ġiet miżmuma? Min interrogha? Għal kemm siegħat inżammet fiċ-ċella? X’kien ir-riżultat miksub mill-arrest tagħha?

Response (BORG, TONIO)

Il-Pulizija għandha dritt li tarresta lil kull persuna f`Malta basta tottempera ruhha mal-liġi. Li wieħed jagħti informazzjoni fuq min ġie arrestat u minn min, ma hux korrett, iktar u iktar meta wieħed iqis li diversi nies li jiġu arrestati, isir dan biss għal skop ta` investigazzjoni.

Lino Cauchi — Scotland Yard

Question

Fil-ħarġa ta’ 22 ta’ Frar 2002, il-gazzetta in-Nazzjon għamlet referenza għaż-żjara ta’ uffiċjali min Scotland Yard li kienu ġew Malta biex jinvestigaw fost l-oħrajn il-qtil ta’ Lino Cauchi. Jista’ l-Ministru jikkonferma li dawn l-uffiċjali kienu ntbagħtu mill-Gvern Ingliż a spejjez tal-Gvern Ingliz? Liema każi kienu laqħu investigaw sakemm ntbagħtu lura bejn wieħed u ieħor għall-aħħar tal-1996. X’kienet r-raġuni uffiċjali li dawn intbgħatu lura? Hemm xi ħsieb li jsiru kuntatti mill-ġdid mall-Gvern Ingliz biex jerġa jintbgħat xi uffiċjal ħalli jgħin fl-investigazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Fl-1995 waqt żjara f`Londra, bħala Ministru ta` l-Intern, kont tlabt l-assistenza ta` uffiċjali ta` Scotland Yard fl-investigazzjoni ta` reati serji mhux solvuti; minkejja li dawn ġew Malta u kellhom l-assistenza ta` pulizija Maltin, ma kienx hemm eżitu pożittiv fir-reati li ġew mistħarrġa. Il-qtil imsemmi mill-Onor. Interpellant kien wieħed mir-reati li ġew investigati. Dawn l-uffiċjali qatt ma "ntbagħtu lura", iżda marru lura wara li espletaw l-inkarigu tagħhom.
Leg 9 PQ #31977 Sitting 710 2002-03-06 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Hoaxes

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ġew imsejħa għal xejn (hoaxes) il-membri tal-protezzjoni ċivili is-sena l-oħra? Għaliex ġew imsejħa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2001 id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sarulu 266 sejħa għal għajnuna li irriżultaw li kienu hoax calls. Dawn il-calls kienu varji, iżda fil-maġġor parti kienu dwar nirien li wara nstab li kienu sejħiet foloz.
Leg 9 PQ #31988 Sitting 710 2002-03-06 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jara x'passi qed tieħu l-pulizija kontra l-iskips li spiss ikunu parkjati f'zoni residenzjali tas-Swatar b'konsegwenza ta' danni għall-igene u il-ħolqien ta' problema ta' ġrieden?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 31834.
Leg 9 PQ #32013 Sitting 710 2002-03-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

PA — Forti Chambray

Question

Jista' l-Ministru jgħid jirriżultax li l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ordnat lill-iżviluppaturi ta' Forti Chambray biex iħallsu Lm100,000 f'garanzija bankarja? Meta saru dawn il-ħlassijiet dovuti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita' ta' l-Ippjanar fl-14 ta` Diċembru 2001 talbet lill-applikanti għall-iżvilupp ta' Fort Chambray biex jagħmlu garanzija bankarja ta' Lm100,000 iżda din il-garanzija għada ma' ġietx ippreżentata.
Leg 9 PQ #31968 Sitting 709 2002-03-06 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Qbid ta' Persuni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni li ma kellhomx id-dritt li joqodu Malta is-sena l-oħra, ta' liema nazzjonalita kienu u kemm kienu nisa u kemm tfal?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 30773, ninsab infurmat illi n-numru ta` persuni ta` sess femminili kien ta` 19.
Leg 9 PQ #31969 Sitting 709 2002-03-06 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Kaċċa u Nsib

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ħadi liċenzja għall-kaċċa u nsib kull sena u f'dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif dwar persuni li jkollhom liċenzji msemmija mill-Onorevoli Interpellant beda jinżamm taħt forma kompjuterizzata mill-1998 u huwa kif ġej:- Sena Kaċċa Nsib 1998 396 34 1999 416 66 2000 413 100 2001 427 403