Jista' il-Ministru jgħid x'arranġamenti saru mat-tifel li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, bi bżonnijiet speċjali li tneħħietlu persuna li kienet tajba ħafna miegħu bħala facilitator?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-facilitator li kellu s-sena l-oħra ma tneħħielux.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw sensji xahar b'xahar f'Ġunju, Lulju, Awissu u Settembru 2006 u bl-etajiet - taħt it-30 sena u 'il fuq minn 30 sena?
Jista' jgħid kemm inqatgħu persuni minn fuq l-ewwel u t-tieni parti tar-reġistru tax-xogħol fl-istess xhur indikati?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Issa li ġie deċiż li l-Pixxina Nazzjonali se tagħlaq għal żmien twil, jista' il-Ministru jgħid kif se jiġu kkumpensati l-membri? Jista' jgħid ukoll jekk kienx hemm timijiet ibbukkjati biex jużaw il-Pixxina matul iż-żmien li se tinżamm magħluqa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-membership tal-Pixxina Nazzjonali hija ta' perjodu ta' zmien li jkun miftuħ il-kumpless. Bħalma sar fi snin oħra, il-perjodu ta' l-għeluq jiġi mizjud mal-perjodu tal-membership.
Il-kumpless ma kien qed jaċċetta l-ebda booking ta' timijiet għal perjodu li kellu jkun magħluq il-Kumpless.
Jista' il-Ministru jgħid matul din is-sena s'issa kemm intnefqu flus fuq il-fuel biex tissaħħan il-Pixxina? Kemm hu stmat li se jiġi ffrankat bl-għeluq tal-Pixxina matul ix-xhur tax-xitwa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-perjodu Jannar - Settembru 2006 il-KMS nefaq is-somma ta' Lm 60,498.34.
Informat ukoll li fl-estemi tal-KMS diġa kien stabilit illi l-Pixxina Nazzjonali ma kinetx ser tiġi imsaħħna fil-perjodu Novembru '06 - l-ewwel ġimgha ta' Frar '07.
Jista' il-Ministru jgħid kemm qagħdu studenti għar-resits ta' l-eżamijiet tas-SEC? Kemm qagħdu għal kull suġġett u kemm għaddew? F'kull każ, kemm kienu mill-iskejjel ta' l-Istat, indipendenti u tal-Knisja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kien hemm 2,441 student li qagħdu għall-eżamijiet supplementari fil-livell tas-SEC li saru f’Settembru 2006. In-numri tal-studenti suġġett suġġett mqassmin skond it-tip ta’ skola huma kif jidhru fit-tabelli li ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Ir-riżultati tagħhom jidhru f’żewġ kolonni: kemm ġabu gradi 4 u 5, u kemm ġabu gradi minn 4 sa’ 7.
Jista' il-Ministru jgħid kemm qagħdu studenti għar-resits ta' l-eżamijiet tal-MATSEC? Kemm qagħdu għal kull suġġett u kemm għaddew? F'kull każ, kemm kienu minn skejjel ta' l-Istat, indipendenti u tal-Knisja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numri ta' studenti li qagħdu għar-resits ta' l-ezamijiet tal-MATSEC suġġett suġġett fil-livell avvanzat u fil-livell intermedju flimkien mar-rizultati li ġabu huma kif jidhru fit-tabelli li ser jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Minħabba n-numru zgħir ta' skejjel li jressqu studenti għal dawn l-ezamijiet, il-policy tal-MATSEC hija li fil-kaz tal-livelli msemmija, ir-rizultati ma jingħatawx skond is-settur biex ma jkunux identifikati l-iskejjel individwali.
Jista' il-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jibdew l-eżamijiet tas-SEC u MATSEC is-sena d-dieħla? Fiex waslu l-pjani proposti li l-eżamijiet jibdew aktar tard milli kienu s'issa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-timetable għall-eżamijiet SEC/MATSEC għas-sena 2007 tkun tixbaħ lil dik ta' din is-sena.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija nirreferi l-Onor. Membru għal tweġiba diġa mogħtija fuq is-suġġett.
Jista' il-Ministru jgħid kif il-kumpannija li isimha qed jintbagħat separatament, tħalliet tirreġistra l-bidu u t-tmiem ta' l-impjegata li isimha qed jintbagħat separatament wara li keċċieha u l-istess ġara dwar il-ħlas tal-bolla tagħha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kaz qed jiġi investigat peress li l-Korporazzjoni tikkonferma li l-formoli meħtiega tal-bidu w tmiem t’impjieg ma waslux u għaldaqstant, l-persuna in kwistjoni ġiet mogħtija affidavit sabiex tkompli l-proċeduri tar-reġistrazzjoni hekk kif stabbiliti fl-ETC.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari W292, jekk huwa l-każ li għad hemm studenti li qed jiġu aċċettati, jista' il-Ministru jagħti l-informazzjoni sal-lum?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif diġa għidt il-figura finali għadha ma hix determinata peress li l-proċess ta' aċċettazzjoni ta' studenti għadu mhux finalizzat. Ma jidhirlix li għandi nagħti figura proviżorja.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux possibbli jew le li student jagħżel li joqgħod għal xi eżami tal-London/Oxford? Biex jagħmel hekk, ikun meħtieġ xi permess mid-dipartiment jew inkella mill-MATSEC board? Dan jgħodd kemm għall-eżamijiet fil-livell ordinarju, kif ukoll avanzat? Fil-każ ta' student li xtaq jagħmel hekk, jista' jgħid x'inhi r-raġuni li għall-eżami tal-biology fil-livell avanzat ma kienx hemm problemi filwaqt li għall-eżami fil-livel avanzat fil-chemistry kien hemm oġġezzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li student dejjem jista' jagħzel li joqgħod għal eżami tal-London (illum magħruf bħala Edexcel). Eżamijiet ta' Oxford prattikament m'għadhomx jigu organizzati lokalment.
Biex japplika, l-istudent m'għandux bżonn permess la mid-dipartiment ta' l-Eżamijiet u wisq anqas mill-MATSEC Board. Dan jgħodd kemm fil-livell ordinarju kif ukoll għall-livell avanzat. Iżda meta jkunu qed japplikaw, l-istudenti jiġu mressqa (presented by) mill-iskola fejn jattendu.
Informat ukoll li fil-każ ta' xi student kif imsemmi fil-mistoqsija, r-raġuni għala m'hemmx problema fl-eżami tal-biology fil-livell avvanzat hija li f'dan is-suġġett m'hemmx sessjonijiet tal-prattika filwaqt li fil-chemistry (London Edexcel)hemm żewg sessjonijiet tal-prattika. F'dak li jirrigwarda l-MATSEC ħadd ma għandu jsib l-ebda problema. Fil-London Edexcel, partikolarment fil-Chemistry u Physics, li huma żewġ suġġetti li jirrikjedu sessjonijiet tal-prattika, ma nsibu l-ebda skola li takkomodana f'dawn l-eżamijiet, ħlief Giovanni Curmi Higher Secondary, Naxxar, li jkunu lesti li jakkomodaw l-istudenti tagħhom fis-sessjoni tas-sajf biss. Tajjeb wieħed isemmi li l-iskejjel jippreparaw l-istudenti fuq is-sillabu tal-MATSEC.
Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja ta' rapport/analiżi dwar il-kulleġġi wara li issa ilhom sena li twaqqfu l-ewwel kulleġġi?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma naqbel xejn ma' l-Onor. Membru li għandi nikkommissjona xi rapport/analizi wara biss sena mit-twaqqif ta' parti mis-sistema tal-Kulleġġi.
L-implimentazzjoni tas-sistema tal-Kulleġġi qed issir fuq fazijiet differenti. S'issa bdejna bi tlett Kulleġġi u network ta' l-iskejjel speċjali. Din is-sena skolastika ser nibdew 4 Kulleġġi oħra f'dan il-proġett pilota u s-sena d-dieħla nintroduċi t-tlieta li jkun imiss.
Ma tevalwax sistema meta bilkemm tkun għadha bdiet u fl-edukazzjoni l-proċess ta' sistemi jieħu z-zmien tiegħu. Meta dan iseħħ is-sistema kollha tiġi evalwata kif diġa' sar f'diversi sistemi li ġew introdotti xi snin ilu, bħal ma sar fl-edukazzjoni inklussiva.
B'danakollu minn esperjenzi u tagħrif empiriku dwar l-esperjenza qasira s'issa ta' l-ewwel tlett kulleġġi u n-network ta' l-edukazzjoni speċjali u inklussiva jidher ċar ħafna li s-sistema tal-Kulleġġi jekk tinbena u titħaddem tajjeb tagħti rizultati u kwalita' aħjar għal sistema ta' skejjel b'kull waħda taħdem għal rasha.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jiftaħ il-canteen il-ġdid fil-main campus ta' l-MCAST ġewwa Raħal Ġdid, anke minħabba l-fatt li din ilha għaddejja aktar minn tliet snin?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Main Campus ta' l-MCAST ġewwa Raħal Ġdid dejjem kellu servizz ta' Canteen.
Informat ukoll li l-kostruzzjoni tal-Canteen il-ġdid inbdiet sena u nofs ilu u mhux 3 snin u issa huwa miftuħ għall-istudenti u l-ħaddiema ta' l-MCAST.
Jista' il-Ministru jgħid min qed jieħu allowances u kemm huma dawn l-allowances minn Channel 22? Jista' jgħid ukoll min huma l-preżentaturi jew inkella persuni oħra li se jibdew xi programm jew ieħor din is-sena u ma kenux sas-sena li għaddiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-allowances li għalihom qed jirreferi l-Onor. Membru għadhom qed jinħadmu. Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija informat ukoll li l-prezentaturi li għandhom programmi fuq Education 22u li ma kienux sas-sena li għaddiet huma:
Ruth Zammit - Make-up Artist
Joe Mizzi - Crew
Antonella Vassallo - Health & Wellness TV
Christian Micallef - Aroma
Christabel Borg - 22 PM
Vicky Licari - Mhux Tiġrijiet Biss, MIA Olympic Special
Jista' il-Ministru jgħid meta se ssir is-sala fil-junior lyceum ta' Sta Luċija? Jista' jgħid ukoll jekk din l-iskola għandhiex gym jew le? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid fejn isiru l-attivitajiet marbuta ma' l-edukazzjoni fiżika u l-isport?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li qed jiġu riveduti l-pjanti għall-iżviluppi tas-sala. Ser issir applikazzjoni lill MEPA u antiċipat li ser jibda x-xogħol meta jkollna l-permessi meħtieġa.
Informat ukoll li m'hemmx 'gym' f'din l-iskola u l-attivitajiet sportivi jsiru fil-grawnd li għandha apposta l-iskola.
Jista' il-Ministru jagħti r-raġuni għaliex il-Pixxina Nazzjonali se tagħlaq għal madwar erba' xhur? Jekk se jsir xi xogħol fil-kumpless, jista' jagħti lista ta' dawn ix-xogħlijiet u kemm se jiswew u min se jagħmel ix-xogħol? Jista' jgħid jekk ix-xogħlijiet ingħatawx b'tender jew le? Jekk iva, min u kemm tefgħu t-tender tagħhom u kemm kienu l-offerti mitfugħa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Pixxina Nazzjonali mhux ser tkun miftuħa għall-pubbliku fil-perjodu 6 ta' Novembru sas-6 ta' Frar 2007.
Informat ukoll li fil-perjodu li ser tkun magħluqa ser isir program ta' xogħol ta' manutenzjoni.
MCAST ta' Għawdex — BTEC diploma in Electronics course
Question
Jista' il-Ministru jgħid għal liema raġuni l-kors ta' BTEC diploma in Electronics offrut fl-MCAST ta' Għawdex ġie mwaqqaf u l-istudenti ġew mgħarrfa llum stess b'dan? Ma jaħsibx il-Ministru li dan mhux ġust fil-konfront ta' l-istudenti konċernati u jista' jgħid x'passi se jittieħdu biex din is-sitwazzjoni tiġi rimedjata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti nfushom iddeċidew li ma jsegwux il-kors, li rreferiet għalih l-Onor. Membru, biex jibdew jattendu kors ieħor.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn studenti Ċiniżi jistudjaw fl-Universita' ta' Malta? Jista' jgħid dawn l-istudenti Ċiniżi f'liema korsijiet qegħdin? Jista' jaqsam l-informazzjoni skond l-istudenti humiex tfajliet jew ġuvintur?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta'studenti ċiniżi li jistudjaw fl-Universita' ta' Malta huwa ta' 190.
Informazzjoni dwar il-korsijiet li qegħdin ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kif tinħadem is-seniority ta' l-instructors fid-dipartiment ta' l-edukazzjoni u jekk hemmx xi ftehim dwar dan iffirmat ma' l-unions li tirrappreżenta lill-instructors?
Jekk hemm xi ftehim iffirmat dwar dan, huwa possibbli li titpoġġa kopja ta' dan fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-seniority hi determinata mid-data tal-ħatra fil-grad partikolari li fih l-uffiċjali jkunu qegħdin iservu. F'każ fejn uffiċjali ġew maħtura fl-istess ġurnata, jittieħed in-konsiderazzjoni s-servizz preċedenti li wieħed kellu mal-Gvern. F'każ li anke hawn wieħed ma jkunx jista' jasal għall-konklużjoni, tittieħed in-konsiderazzjoni l-eta' ta' l-uffiċjali. Fil-każ ta' Instructors, id-data tal-ħatra, il-posizzjoni fl-order of merit finali u l-marki li wieħed ikun ġab fis-suġġett tiegħu jiddeterminaw is-seniority.
Informat ukoll li f'sejħa għall-applikazzjoni li fiha jiġu maħtura instructors taħt diversi suġġetti, dawk l-instructors li ġew l-ewwel fl-order of merit fis-suġġetti varji, jitpoġġew wara xulxin skond il-marki li jkunu ġabu fis-suġġett partikolari tagħhom. Wara jintgħażlu dawk li ġew it-tieni fl-order of merit, u jitpoġġew wara xulxin skond il-marki li jukunu ġabu.
L-eżerċizzju jirrepeti ruħu fuq dawk li ġew it-tielet imbagħad ir-raba' u tkompli sejra hekk.