Jista' il-Ministru jgħid f'kull skola tal-gvern ta' Malta fil-livell differenti, meta daħlet l-uniformi li qed jilbsu bħalissa l-istudenti? Kemm-il darba nbidlet fl-aħħar ħames snin?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar mill-iskejjel u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu s'issa biex għat-trasport skolastiku jitħallsu biss dawk il-vjaġġi li tassew isiru u mhux ukoll dawk ivvintati u li ma kienux saru?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-rottot li ma jsirux ma jitħallsux. Kull skola li tipprovdi t-trasport, irċeviet kopja tar-rottot. Din hi lista proviżorja biex fuqha l-Kap ta' l-Iskola jiddeċiedi l-ħtiġijiet tiegħu. Meta jiġu stabbiliti r-rottot finali jsiru l-ħlasijiet fuqhom. F'każ li xi rotta f'ġurnata partikolari ma twassalx it-tfal, barra li ma tħallasx is-sewwieq, teħel multa doppja ta' kemm jiswa' l-vjaġġ.
F'artiklu reċenti fil-gazzetta 'in-nazzjon' il-korrispondent li ismu qed jintbagħat separatament, tkellem dwar in-nuqqas ta' sigurta' li hemm fit-taqsima sportiva tal-Marsa fejn ħafna nies qed ikissru u jħammġu postijiet sportivi mingħajr ma jiġu mwaqqfa u/jew imwissija, jista' il-Ministru jgħid jekk hux se jsir xi ħaġa biex affarijiet ġodda u dawk diġa' eżistenti fil-Marsa ma jkomplux jiġu mħassra? Għaliex skond dan il-korrispondent ukoll, qed jitħallew familji jorganizzaw picnics fuq il-ħaxix tal-grounds tal-Marsa?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sigurta` li hemm bħalissa fil-Kumpless tal-Marsa hija l-istess li dejjem kien hemm f'din il-faċilita`, anke fi żmien meta l-awtur ta' l-artikolu kien impjegat fl-istess sezzjoni tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport. Anzi, minn tlett snin 'l hawn żdiedu persuna oħra kuljum sabiex jiġi mħares il-post. Irrid ngħid li l-artikolu in kwistjoni huwa miktub għall-pubbliku, fis-sens li hemm bżonn li tikber il-kuxjenza favur it-tħaris tal-faċilitajiet sportivi li kull ma jmur qegħdin isiru aktar frekwentati u qed tiżdied l-attivita` sportiva matul is-sena kollha. Nikkonferma li bħal f'kull post ieħor pubbliku, sfortunatament isiru atti vandali u dawn isiru proprju minn persuni li ma japprezzawx ix-xogħol li jkun qed isir. Madanakollu dawn l-atti mhumiex ixekkluna fil-ħidma li qed nagħmlu sabiex ikollna l-faċilitajiet ta' livell internazzjonali.
Informat ukoll li fil-ġranet li għaddew twaħħlu żewġ barriers ġodda sabiex ikun ikkontrollat l-aċċess f'diversi nħawi tal-Marsa. Qed isir żvilupp sabiex ikunu żviluppati areas pubbliċi ħalli l-Kumpless tal-Marsa joffri faċilitajiet distinti għal sport u rikreazzjoni sabiex il-prattikanti ta' dawn iż-żewż attivitajiet ma jtellfux lil xulxin. Hu previst li fiż-żona ġdida li qed tkun żviluppata jkun hemm aktar dawl milli hemm illum. Anke dan għandu jgħin fil-konroll tal-vandaliżmu.
Jista' il-Ministru jara li jissewwa main switch diffettuż, li jista' jkun ukoll perikoluż, li hemm fl-iskola G. Despott Bormla u li minnu jinxtel id-dawl tal-ground?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-maintenance section tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ser tieħu ħsieb it-tiswija msemmija mill-aktar fis possibbli.
Jista' il-Ministru jgħid liema korsijiet tal-PGCE fetħu din is-sena? F'kull kors kemm applikaw studenti? F'kull kors kemm ġew aċċettati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li din is-sena fetaħ il-PGCE f'disa' suġġetti. In-numru ta' applikazzjonijiet u kemm ġew aċċettati minnhom huma kif ġej:
Suġġett Applikazzjonijiet * Aċċettati
Business Studies 39 6
Computing 6 2
English 16 12
French 5 4
Geography 10 10
PSE 37 6
Religion 5 4
Science 12 9
Social Studies 22 8
* In-numru ta' applikazzjonijiet jinkludu l-applikazzjonijiet ta' dawk li indikaw il-kors bħala t-tieni jew it-tielet preferenza, anke jekk huma kienu aċċettati f'xi kors ieħor jew fl-istess kors imma suġġett differenti.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li din is-sena applikaw biex jidħlu jgħallmu t-Taljan f'xi skola tal-gvern? Min kienu l-persuni li applikaw? B'liema kwalifiki? Min ġie aċċettat? B'liema kwalifiki?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għażla ta' l-għalliema regolari ssir permezz ta' proċess imniedi mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. L-informazzjoni kollha relatata mal-proċess ta' l-għażla tappartjeni lill-istess Kummissjoni u hija kunsidrata minnha bħala kunfidenzjali. Għalhekk, ma hux fil-ġurisdizzjoni tiegħi li nwassal l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol tal-kunsill nazzjonali għall-kwalifiki vokazzjonali? Kemm lesta mix-xogħol tiegħu? X'fadallu jagħmel? Liema oqsma stabilixxa l-livelli meħtieġa għall-għarfien tal-kwalifiki vokazzjonali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-MPVQAC, wara ħafna xogħol fil-livell lokali u anke wara kuntatti internazzjonali mal-European Training Foundation u The Scottish Qualifications Authority, issottometta Operational Plan, flimkien ma budget lill-Ministeri tal-Politika Soċjali u ta' l-Edukazzjoni. Dan il-pjan għadu għall-approvazzjoni ta' l-awtoritajiet konċernati.
B'riferenza għall-ittra mibgħuta lill-Ministru b'kopja lili mill-koppja li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu sepratament (datata 26.09.2002), jista' il-Ministru jivverifika jekk l-assistent direttur li ismu wkoll qiegħed jintbagħat separatament qal il-kliem attribwit lilu u li jekk qal jarax li żgur mhux aċċettabbli li jkun uffiċjal ta' sistema edukattiva li tiddikjara li trid tkun inklussiva?
Response (GALEA, LOUIS)
Mill-verifiki li tlabt li jsiru b'ebda mod ma jirriżulta li fit-telefonata bejn l-uffiċċjal edukattiv konċenat (u mhux assistent direttur) u omm l-istudenta kien hemm il-kliem jew l-atteġjament dispreġjattiv li għalih issir riferenza fl-ittra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm għalliema mill-iskejjel ta' l-Istat, indipendenti u tal-knisja li ser isiefru għall-proġġett Comenius fix-xahar ta' Ottubru? Min huma u mill-liema skejjel?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista` il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ studenti li hemm fil-kulleġġ tal-biedja u kemm huwa n-numru ta’ ħaddiema, għalliema u persuni responsabbli mit-tmexxija tal-kulleġġ b’mod inġenerali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li hemm fil-Kulleġġ tal-Biedja huwa 32. Il-Kulleġġ huwa mmexxi minn kap. In-numru ta' għalliema fil-Kulleġġ hu ta' 4. Ħames visiting lecturers jagħtu tletin lezzjoni bejniethom. In-numru tal-ħaddiema l-oħra f'dan il-kulleġġ huwa 3. Dawn iwettqu x-xogħol ta' skrivan, messaġġier u purtinara.
Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-awtorizazzjoni mogħtija mill-ministeru tiegħu lill-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada biex din tkun tista' tissellef mill-APS Bank?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 35665.
Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra b'mod dettaljat lista ta' xogħlijiet u pagamenti billi juri meta saru u lil min mill-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada fil-perjodu 1 ta' Jannar 2002 sal-lum fir-rigward tal-liċeo tas-subien f'Kordin u ta' l-iskola primarja ta' Tal-Pieta' filwaqt li jgħid ukoll x'pagamenti huma antiċipati li jsiru xahar b'xahar mil-lum sal-31 ta' Diċembru 2003?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub għad irid jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt ta' xogħol li permezz tiegħu l-fondazzjoni għall-iskejjel t'għada mpjegat messaġġier magħha?
Response (GALEA, LOUIS)
Kopja tal-Kuntratt mitlub qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-istatistika miġbura mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni, skola skola, sena b'sena, hekk kif kienet fl-aħħar ta' Ġunju 2002, subien u bniet għalihom għall-iskejjel kollha statali f'Malta u Għawdex kif ukoll lista ta' l-impjegati kollha, skola skola, sena b'sena, għal dawk li jaħdmu ġo klassi wkoll għal dawk li mhux assenjati klassi?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif miblub irid jiġi verifikat u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Kors għall-Ċertifikat fil-qasam tal-Quantity Surveying
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'se jsir mill-kors għall-ċertifikat fil-qasam tal-quantity surveying li kienu jattendu ħdax għalih u li beda s-sena li għaddiet? Se jiġi assorbit mill-kors għal diploma li għalih l-MCAST se jiċċarġja Lm175 fis-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kors tal-Quantity Surveying kienu jattendu għalih ħdax-il student. Dawn l-istudenti qegħdin isegwu l-kors ta' Draughtsman bħala main kors.
Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni kif ukoll l-MCAST baqgħu mexjin fuq l-istess linji ta' qabel u kull min kien beda l-kors ta' Draughtsman baqa' sa' l-aħħar dħul tal-kors mad-Diviżjoni (ie. 2000-2001). Kienu offruti l-kors fil-Quantity Surveying li tiegħu kien jingħata ċertifikat u ta' dan ma jsir ebda ħlas. Dan ser jibqa' jsir sakemm jispiċċaw l-aħħar grupp (11).
Il-Qasam tal-Quantity Surveying sar qasam professjonali u b'taħriġ separat. Għalhekk wara l-ewwel sena mit-twaqqif ta' l-Istitut ta' l-Inġinerija tal-bini u Kostruzzjoni fl-MCAST, rajna l-importanza ta' dan il-qasam, u rnexxielna nġibu mezz kif nistgħu nibdew minn din is-sena Kors fil-livell ta' Diploma fil-Quantity Surveying. Dan ser isir b'għajnuna minn barra.
Għalhekk l-applikanti għall-Kors tad-Diploma jistgħu jkunu kemm studenti li segwew jew qed isegwu l-kors ta' Draughtsman, li numru konsiderevoli minnhom huma minn dawk il-ħdax li semma' l-Onor. Membru.
Il-ħlas ta' Lm175 huwa għal kull min applika għall-kors tad-Diploma li ser isir fil-għaxija.
Jista' il-Ministru jgħid kemm iddaħħlu għalliema ġodda mad-dipartiment ta' l-edukazzjoni għal din is-sena skolastika? Għal liema suġġetti? Jista' jgħid jekk l-għalliema li iggradwaw din is-sena u li applikaw mal-gvern daħlux jaħdmu kollha jew le?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi lill-Onor. Membru għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru 35628.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu n-numru totali ta' tfal li qed jattendu l-iskejjel ta' l-Istat f'din is-sena skolastika? Jista' jagħti l-figuri mqassma f'kindergarten, primarji, eċċ? Kemm huma subien u kemm bniet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti fl-iskejjel ta' l-Istat huwa kif se nsemmi:
Settembru 2002
Subien Bniet Total
Pre-Primary 2590 2590 5180
Primarja 10720 9350 20070
Junior Lyceums 2770 4520 7290
Sekondarja 5550 4190 9740
Total 21630 20650 42280
Jista' il-Ministru jgħid liema huma s-suġġetti akkademiċi li saru resits tagħhom tas-SEC u tal-MATSEC? Jista' jgħid kemm kien hemm studenti li qagħdu għal kull suġġett? Kemm għaddew f'kull suġġett?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu studenti ġodda għal xi kors fl-universita' din is-sena? Jista' jaqsamhom skond il-kors li ħadu u minn liema lokalita' ġejjin?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.