Legislature:
Category:
Reset
Active:

Korp tal-Pulizija – vetturi, muturi, vannijiet u low loaders

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18047 u l-informazzjoni li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew f'termini ta' flus l-inġenji mixtrija? Jista' jagħti din l-informazzjoni skont kull dealer/entità separata?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Skema IIP – due diligence — rapport tar-regolatur

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17683, fejn il-Ministru kien qal li r-rapport se jkun lest sa nofs Settembru li għadda, jista' jpoġġi kopja tar-rapport annwali tar-regolatur kif kien imwiegħed fl-istess risposta?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport tar-Regolatur ġie ppreżentat lill-Kumitat ta’ Monitoraġġ nhar is-6 ta’ Ottubru 2015 u mistenni li jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra fi żmien qasir.

Għases tal-Pulizija – rapporti dwar serq

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18623 u jgħid kemm ġew irrappurtati serqiet fl-għases tal-Pulizija tas-segwenti lokalitajiet fil-perjodu 1 ta’ Jannar 2015 sat-30 ta’ Settembru 2015, xahar b’xahar: a. Tas-Sliema; b. San Ġiljan; c. Il-Gżira; d. Is-Swieqi; e. San Ġwann; u f. San Pawl il-Baħar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-kamra.

Il-Mellieħa — toroq - preżenza tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jara li jkun hemm aktar preżenza tal-pulizija fit-toroq tal-lokal tal-Mellieħa anke biex ikun żgurat li bħal per eżempju l-parkeġġ quddiem l-iskola primarja tal-Mellieħa waqt il-ħin tad-dħul u l-ħruġ tat-tfal ikun wieħed bil-galbu biex tiġi evitata xi traġedja kif ukoll parkeġġ bl-addoċċ minn inġenji tal-kostruzzjoni u xogħol ieħor f'diversi toroq fil-Mellieħa fosthom Toroq Ġorġ Borg Olivier u ż-żona Ta' Masrija/l-Iżbark tal-Franċiżi?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat ili il-Mellieha hemm dsatax il-uffiċjal tal-Pulizija stazzjonati li hu madwar ħamsa kull shift. Kuljum matul il-jiem tal-iskola wieħed min dawk l-uffiċjali huwa dejjem iddettaljat biex iħares it-tfal ‘shepherding’ waqt il-ħin tad-dħul u l-ħruġ biex jiġi evitat kull inċident. Il-Pulizija fil-Mellieha jieħdu ħsieb ukoll li jagħmlu ronda fil-lokal kollu biex jiġu evitati kontravenzjonijiet ta’ kull xorta.

Armata ta' Malta — xiri ta' tagħmir second hand

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19403, jista' l-Ministru jgħid kemm inxtara materjal second hand bħal vetturi, muturi, strumenti, trakkijiet, coaches, armi, two way radios, gym equipment eċċ. bejn Marzu 2013 u Settembru 2015? Jista' jgħid kemm minn dawn inxtraw b'direct order u kemm inxtraw b'tender? Jista' jgħid minn kienu d-dealers jew entitajiet li nxtraw mingħandhom dak imsemmi hawn fuq? Jista' jgħid kemm ġew jiswew f'termini ta' flus, dealer dealer jew entità b'entità?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li nxtraw 8 ex-MOD Truck mingħand Witham Specialist Vehicles Ltd UK, għall-ammont ta’ €113,270.76

Is-Siġġiewi – Għassa tal-Pulizija — ftuħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ġurnata mill-bidu ta’ din is-sena kienet miftuħa l-għassa tal-Pulizija fis-Siġġiewi? Jista’ jgħid jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li l-għassa tal-pulizija fis-Siġġiewi tibda tkun miftuħa 24 siegħa kuljum? Jista’ jieħu azzjoni sabiex l-għassa tas-Siġġiewi tkun miftuħa aktar ta’ spiss fl-immedjat sakemm tittieħed deċiżjoni biex din tkun mgħassa 24 siegħa kuljum?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat illi l-għassa tal-Pulizija fis-Siġġiewi ma nfetħitx tnejn u ħamsin (52) darba mill-bidu ta’ din is-sena sa l-aħħar ta’ Settembru. L-iktar perjodi li ma nfteħitx kienu fi ġranet fejn l-ammont ta’ festi u attivitajiet oħra fid-distretti kollha, kien tant għoli, li dan ma setgħax jiġi evitat. Madankolu, matul l-istess perjodu fejn l-għassa kienet magħluqa, ir-ronda bil-vetturi tal-Pulizija komplit. Hemm il-ħsieb illi bħal għases oħra l-għassa tal-Pulizija fis-Siġġiewi tkun miftuħa erbgħa u għoxrin siegħa kuljum. Diġa bdiet tittieħed azzjoni f’din id-direzzjoni u f’dan id-distrett fix-xahar ta’ Ottubru żdiedu xi uffiċċjali.

Pulizija re-instated bejn l-1992 u l-1996

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ pulizija li kienu re-instated bejn l-1992 u l-1996? Jista’ jagħti d-dettalji dwar liema ranks ġew re-instated dawn il-pulizija bejn l-1992 u l-1996?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li bejn is-sena 1992 u s-sena 1996 ġew ‘re-instated’ erba’ w disgħin (94) membru tal-Korp hekk kif jider fit-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pulizija re-instated bejn l-1992 u l-1996- ranks

Question

Fost dawk il-pulizija li kienu re-instated bejn l-1992 u l-1996, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm minnhom li ngħataw promozzjoni malli ddaħħlu lura u f’liema ranks ingħataw dawn il-promozzjonijiet?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif infurmajt lil din il-Kamra fit-tweġiba ta’ qabel, bejn l-1992 u l-1996 kien hemm erba’ w disgħin membru li ġew re-instated. Kien hemm tlett kuntistabbli li ġew promossi għal Surġenti fi żmien sena jew anqas.

Pulizija re-instated bejn l-1998 u l-2003

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ pulizija li kienu re-instated bejn l-1998 u l-2003? Jista’ jagħti d-dettalji dwar liema ranks ġew re-instated dawn il-pulizija bejn l-1998 u l-2003?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bejn l-1998 u l-2003 kienu ġew ‘re-instated’ sitta w erbgħin membru tal-Korp tal-Pulizija. Dawn ġew ‘re-instated’ fil-gradi kif jidher fit-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pulizija re-instated bejn l-1998 u l-2003 — ranks

Question

Fost dawk il-pulizija li kienu re-instated bejn l-1998 u l-2003, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm minnhom li ngħataw promozzjoni malli ddaħħlu lura u f’liema ranks ingħataw dawn il-promozzjonijiet?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif infurmajt lil din il-Kamra fit-tweġiba ta’ qabel, bejn l-1998 u l-2003 kien hemm 46 membru tal-Korp tal-Pulizija li ġew re-instated. Ma kien hemm l-ebda promozzjoni fi żmien sena jew anqas.

Pulizija re-instated bejn l-2003 u l-2008

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ pulizija li kienu re-instated bejn l-2003 u l-2008? Jista’ jagħti d-dettalji dwar liema ranks ġew re-instated dawn il-pulizija bejn l-1998 u l-2008?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li kien hemm sebgħa (7) membri tal-Korp li ġew ‘re-instated’ bejn is-sena 2003 u 2008. Dawn kienu kif jidhru fit-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Pulizija re-instated bejn l-2003 u l-2008 — ranks

Question

Fost dawk il-pulizija li kienu re-instated bejn l-2003 u l-2008, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm minnhom li ngħataw promozzjoni malli ddaħħlu lura u f’liema ranks ingħataw dawn il-promozzjonijiet?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif infurmajt lil din il-Kamra fit-tweġiba ta’ qabel, bejn l-2003 u l-2008 kien hemm 7 membri tal-Korp tal-Pulizija li ġew re-instated. Ma kien hemm l-ebda promozzjoni fi żmien sena jew anqas.

Referendum għall-Kaċċa – pulizija ma tħallsux għas-sevizzi tagħhom

Question

Peress li ġejt ikkuntatjat minn numru ta’ membri tal-Korp tal-Pulizija li pprestaw s-servizzi tagħhom fir-Referendum tal-Kaċċa u sat-8 ta' Settembru 2015 għadhom ma tħallsux, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan huwiex minnu? Jekk iva, għalfejn għadhom ma tħallsux u meta ser jitħallsu? Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Kummissjoni Elettorali ħalsitx dawn il-pagamenti lill-Korp tal-Pulizija u meta?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kummissjoni Elettorali għaddiet il-pagamenti kollha mitluba mill-Pulizija għas-servizzi li taw fir-Referendum tal-Kaċċa u l-Kunsilli Lokali 2015 u l-ħlas sar diġa.

Persuni li nqabdu jpejpu f’postijiet ipprojbiti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li nqabdu jpejpu f'postijiet fejn it-tipjip huwa pprojbit matul is-snin 2008, 2009, 2010, 2011, 2012, 2013, 2014 u sad-data meta tkun imwieġba din il-mistoqsija, sena b’sena, b’mod separat? Jista’ jgħid liema kienu l-postijiet li nqabdu jpejpu fihom dawn il-persuni? Jista’ jgħid x’kienu l-etajiet tal-persuni nvoluti?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali – servizz ta’ kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru, inkluż id-dipartmenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, għamlux użu u/jew qegħdin jagħmlu użu mis-servizzi tal-kumpanija li d-dettaji dwarha qed jingħataw separatament mid-9 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista’ jgħid jekk dan is-servizz ingħatax b’tender, b’direct order jew b’kwotazzjoni? Jista’ jgħid kemm-il quote jew direct order inħarġu f’dan il-perjodu u jgħid kemm kien il-valur ta’ kull quote jew direct order inkluż liema dipartiment jew entità talbet dawn il-quotes jew ħarġet dawn id-direct orders? Jista’ jgħid kemm huwa l-ammont komplessiv li tħallas s’issa u kemm għad fadal biex jitħallas?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Korea ta' Fuq — ċittadini - Schengen Visa

Question

Wara t-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12522, jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni għala dawk il-53 ċittadin tal-Korea ta' Fuq applikaw għal Schengen Visa?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant mill-ammont ta' 53 visa li nhargu ghal cittadini tal-Korea ta' Fuq fil-perjodu imsemmi, 38 minnhom nhargu ghall-skop ta' impjieg, filwaqt li l-15 l-ohra nhargu ghall-skop ta' kummerc (business).

Flus għas-sostenn – persuni minn pajjiżi terzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk persuni minn pajjiżi terzi li japplikaw għall-visa biex jiġu jżuru lill-Malta iridx ikollhom xi ammont ta’ flus għas-sostenn (u jekk iva, kemm irid ikun il-minimu)?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li kull applilkant għall-ħruġ ta' viża, flimkien mal-applikazzjoni u dokumenti oħra meħtieġa, irid jippreżenta lill-konsolat provi li juru li l-applikant għandu biżżejjed mezzi sabiex ikopri l-akkomodazzjoni tiegħu f'Malta, kif ukoll mezzi finanzjarji ta' sussistenza kemm għat-tul tas-soggorn previst kif ukoll għar-ritorn tiegħu fil-pajjiż ta' origini jew ta' residenza tiegħu. Il-mezzi ta' sussistenza għas-soggorn previst jiġu vvalutati skont it-tul u l-fini tas-soggorn. Il-prova tista issir permezz ta' kontijiet bankarji riċenti, prova li għandu flus kontanti, travellers cheques, jew permezz ta' prova ta' impjieg u d-dħul minn tali impjieg. Il-verifiki ta' dawn il-provi isiru mill-konsolat li jkun irċieva l-applikazzjoni għall-hruġ ta' viża. Il-livel ghal ammont ta' flus ghas-sostenn ghandu jkun relatat mat-tul ta' zmien u r-raguni taz-zjara. Dan hu stabbilit ghal 48 euro kuljum.

Konsulat ta’ Malta fl-Alġerija – applikazzjonijiet għal visas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-ħruġ ta’ visas fil-Konsulat ta’ Malta fl-Alġerija fis-snin 2012, 2013, 2014 u mill-1 ta’ Jannar sat-30 ta’ Settembru 2015? Jista’ jgħid kemm mill-applikazzjonijiet għal ħruġ ta’ visas fil-perjodi hawn fuq indikat ġew aċċettati u allura kemm inħarġu visas fl-imsemmija perjodi wara applikazzjonijiet magħmula fil-Konsulat ta’ Malta fl-Alġerija? Jista’ jgħid mil-liema pajjiżi u kemm saru applikazzjonijiet ta’ visas għal kull pajjiż fil-Konsulat kif indikat? Jista’ jgħid x’nazzjonalità kellhom dawk kollha li nħarġitilhom visa wara applikazzjoni li saret fil-Konsulat ta’ Malta fl-Alġerija u kemm kien hemm visas maħruġa għal kull nazzjonalità?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi din id-domanda lill-Ministeru konċernat.

Is-Swieqi — Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħa sabiex is-Swieqi tiġi monitored aħjar mill-pulizija u dan in vista tal-vandaliżmu, illegalitajiet, parking bl-addoċċ u serq li qed isir fil-lokal?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-Għassa tal-Pulizija tas-Swieqi tkun miftuħa u jkollha l-uffiċċjali erbgħa w għoxrin siegħa kulljum. Dawn qiegħdin hemm biex jikkontrollaw l-illeġalitajiet deskritti fil-mistoqsija, fost xogħol u doveri ohra. Għal aktar informazzjoni nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għal mistoqsija parlamentari 19519.

Għassa tal-Pulizija s-Swieqi — ftuħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn l-Għassa tal-Pulizija tas-Swieqi mhijiex qed tinfetaħ 24 siegħa kuljum? Jista’ jgħid meta se tibda tinfetaħ 24 siegħa kuljum? Jista’ tal-anqas jassigura li minnufih l-għassa tibda tinfetaħ 24 siegħa kuljum matul il-ġranet ta’ tmiem il-ġimgħa u ċjoè l-Ġimgħa, is-Sibt u l-Ħadd?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi ghal mistoqsija parlamentari 19519.