Legislature:
Category:
Reset
Active:

Imrieħel Bypass — Footway Bridge

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21137 u 21329 u ġentilment ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tal-proġett ta' footway bridge f'Imrieħel bypass f'Ħal Qormi hekk kif propost f'applikazzjoni quddiem il-MEPA PA5852/06? Jista' jgħid meta huwa maħsub li jibda u jitlesta dan ix-xogħol wara li jkunu nħarġu l-permessi neċessarji?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Reserved parking spaces

Question

Jista' il-Ministru jikkonsidra jekk wasalx iż-żmien li t-termini fuq xiex jingħataw reserved parking spaces ikunu riveduti fid-dawl li kultant hemm każi fejn wieħed ma jsuqx u qiegħed jingħata reserved space u oħrajn fejn il-mobilita' hija soġġetta għal interpretazzjoni wiesgħa? Jidhirlu li għandu jistaqsi għal xi rapport biex dawn ir-reserved bays jingħataw bil-ġust u mhux sempliċement għax hemm problema ta' ipparkjar ġenerali?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

B’riferenza għall-mistoqsija parlamentari, ikun ferm apprezzat li l-Onorevoli Interpellant jissottometti lista ta’ każijiet fejn hu allegat li r-reserved parking mhux qed ikun użat għall-iskop li għalih ġie approvat sabiex it-Taqsima għall-Immaniġjar tat-Traffiku tkun f’posizzjoni li tirrevedi tali każijiet. L-iskop tas-servizz ta’ reserved parking huwa li jgħin lill-persuni bi problemi ta’ mobilità u lill- familjari tagħhom li jieħdu ħsiebhom fir-residenzi privati ta’ tali persuni b’diżabilità.

Protokol Taljan — Bini ta' toroq

Question

B'riferenza għat-toroq li saru mill-fondi tal-Protokol Taljan, jista' il-Ministru jagħti: a) il-valur tax-xogħlijiet għal kull triq; b) it-tul ta' kull triq; c) kemm tħallsu flus f'expropriation ta' proprjeta' għal bini tat-toroq; d) x'inhu l-ammont ta' fondi li nħarġu mill-Gvern Taljan għal kull triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Park and Ride — SMEs

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk ġiex identifikat sit għar-riallokazzjoni ta' l-SMEs li se jiġu affettwati mill-proġett tal-park and ride? Jekk fl-affermattiv, fiex wasal il-proċess ta' riallokazzjoni?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li bħalissa hemm tliet (3) SMEs jokkupaw is-sit li se jintuża għall-proġett tal-park and ride. Il-Gvern identifika akkomodazzjoni alternattiva għal tnejn mill-SMEs f’Xatt l-Għassara ta’ l-Għeneb. Sadanittant, qed isiru preparamenti sabiex jiġu ri-allokati dawn iż-żewġ SMEs. It-tielet SME ngħata permess jibqa’ fis-sit li għandu sakemm il-Gvern jidentifika akkomodazzjoni alternattiva.

ADT — Personalized number plates

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inħarġu number plates personalizzati (tal-Lm500) s'issa u kemm kien l-ammont ta' flus li nġabar mill-ADT għal dawn in-number plates?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

L-Awtorita' dwar it-trasport ta’ Malta ħarġet 608 number plate personalizzati :. L-ammont ta’ flus miġbura mill-ADT huwa maqsum hekk. 500 @ Lm 100.00 - Lm 50,000.00 97 @ Lm 500.00 - Lm 48,400.00 6 @ Lm 510.00 - Lm 3,060.00 1 @ Lm 520.00 - Lm 520.00 1 @ Lm 600.00 - Lm 600.00 1 @ Lm 800.00 - Lm 800.00 1 @ Lm 1,000.00 - Lm 1,000.00 1 @ Lm 1,300.00 - Lm 1,300.00 608 Lm 105,680.00 Nixtieq ninfurma lill-Onorevoli Interpellant illi madwar sena u nofs ilu l-ADT kienet għamlet offerta promozzjonali lil Importaturi tal-karozzi ġodda fejn ġew offruti li jixtru 50 plate għal prezz ta’ Lm 5,000.00, basta l-ħlas ikun bil-quddiem. Din il-kampanja promozzjonali fissret illi l-aġenti tal-karozzi ġodda ħallsu s-somma ta’ Lm 50,000.00 bil-quddiem lil-Awtorita' dwar it-Trasport. B’din il-promozzjoni il-bejgħ ta’ pjanċi personalizzati rdoppja. Dawn il-pjanċi jistgħu jintużaw biss għall-karozzi ġodda li jinxtraw mingħand l-istesss importatur tal-karozzi.

Attard — Imdina Road

Question

Jista' il-Ministru jara li l-bus shelter li tneħħa minn Imdina Road, Ħ'Attard ħdejn l-industrial estate jerġa' jiġi stallat malajr kemm jista' ikun għax waqt il-maltemp jgħaddi volum enormi ta' ilma tax-xita minn din it-triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li l-bus shelter imsemmi ġie maqlugħ temporanjament minħabba xogħlijiet li għaddejjin mill-Enemalta minħabba kostruzzjoni tax-showroom li hemm wara dan il-bus shelter. L-ADT ordnat bus shelter ieħor mingħand Faces Ltd sabiex dan jerġa' jiġi mwaħħal fil-post fejn kien. Il-permess ta’ dan il- bus shelter qed jiġi ipproċessat mill-MEPA. Jien infurmat ukoll li jekk ix-xogħlijiet imsemmija jieħdu tul ta’ żmien, l-ADT tikkommetti ruħha li terġa' twaħħal temporanjament il- bus shelter l-antik.

ADT — Rotta 55

Question

Jista' il-Ministru jordna li l-ADT tinvestiga u tirrimedja l-inkonvenjent li qed isaqqfu wiċċhom magħhom ir-residenti tal-Għargħur li jkunu ġejjin mill-Belt, partikolarment meta dawk fuq ir-rotta 55 jaslu ħdejn iċ-ċimiterju ta' Ħal-Lija qed ikollhom jieqfu hemm, jaqsmu għal ħdejn il-car wash u jagħmlu nofs siegħa jistennew karozza oħra biex ittellagħhom il-Għargħur? Jekk dan qed isir minħabba xi xogħlijiet fin-Naxxar, jistgħu jiġu kkonsidrati rotot alternattivi temporanji minn San Ġwann jew l-Iklin?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Reġistrazzjoni ta' Vetturi Ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati vetturi ġodda kull sena mis-sena 2000 sal-lum?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li n-numru ta' vetturi ġodda li ġew irreġistrati fis-snin mitluba mill-Onorevoli Interpellant fid-domanda tiegħu huwa kif jidher hawn :- 2000 13,056 2001 9,183 2002 8,596 2003 9,125 2004 6,680 2005 7,530 2006 (1/1/06 sa 30/09/06) 6,506

ADT

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kien id-dħul ta' l-ADT minn: i) liċenzji tas-sewqan? ii) liċenzji tat-triq għal vetturi; iii) dħul fil-Belt għas-sena 2005?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li d-dħul ta' l-ADT għas-sena 2005 f'Malta u Għawdex kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher hawn taħt :- - liċenzji tas-sewqan - Lm 385,009 - liċenzji tat-triq għal vetturi - Lm 11,323,924.32 - liċenzji għal dħul fil-Belt - Lm 615,849.93 Dawn l-ammonti jinkludu liċenzji ġodda, liċenzji mġedda u arretrati.

ADT — Arloġġi f'bus terminus

Question

Jista' il-Ministru jindika fejn l-ADT istallat arloġġi f'bus termini u bus stops? Kemm minn dawn l-arloġġi huma bil-ħsara?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li hawn 32 arloġġ installati f’bus termini u bus stops u li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà ta’ l-ADT. Dawn jinsabu fil-lokalitajiet li ġejjin: il-Ħamrun; tal-Pietà; Birkirkara (ħdejn Santa Liena); Ħ’Attard; in-Naxxar; il-Mosta (li għalissa tneħħa minn postu minħabba x-xogħlijiet li qed isiru fil-pjazza); ir-Rabat; il-Mellieħa (fi Triq il-Kbira); l-Għadira; il-Qawra; Baħar iċ-Ċagħaq; St Andrew’s; Paceville; Spinola; tas-Sliema (ħdejn il-Lukanda Preluna); tas-Sliema (il-Ferry); l-Imsida (ħdejn il-Knisja); l-Imsida (ħdejn Tikams); Valletta terminus (in-naħa tas-Sliema); Valletta terminus (in-naħa tal-Kottonera); Porte de Bombs (in-naħa ta’ fuq); Porte de Bombs (in-naħa t’isfel); il-Marsa; Ħaż-Żebbuġ; Raħal Ġdid; Santa Lucia; il-Gudja; Bir id-Deheb; Birżebbuġa; Ħaż-Żabbar; il-Birgu; u Bormla. Infurmat ukoll li riċentement kienu rappurtati żewġ arloġġi bil-ħsara, wieħed fl-Imsida u dak fl-Għadira, li se ssirilhom it-tiswija meħtieġa. Seduta 442

Dħaħen minn Vetturi — Testijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm saru testijiet għad-dħaħen tal-vetturi matul is-snin 2005 u 2006 sal-lum? Kemm vetturi ma nstabux konformi? Kemm kien l-ammont ta' rapporti li daħlu permezz ta' l-sms? Kemm inġabru multi minn dawn it-testijiet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li min-naħa ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport saru dawn it-testijiet bis-segwenti riżultati waqt spezzjonijiet fit-toroq:- Sena Numru ta' vetturi li sarilhom it-test Mill-1 ta' Jannar sal-31 ta' Diċembru,2005 1,166 Mill-1 ta' Jannar sat-30 ta' Settembru,2006 742 L-Ammont ta’ rapporti li daħlu bl-sms minn Settembru 2005 sal-lum kien ta' 83,017. Dan in-numru jinkludi vetturi li kellhom rapport wieħed (li mhumiex eliġibli għat-test) u oħrajn li kienu eliġibli b’ammont sostanzjali ta’ rapporti. Għaldaqstant, in-numru ta’ rapporti li daħlu mhumiex ekwivalenti għan-numru ta’ vetturi li ttellgħu għat-test. 2,672 vettura ittellgħu għat-test minn Settembru 2005 sa Settembru 2006. L-Awtorita dwar it-Trasport ta' Malta m'hijiex f'pożizzjni tgħid kemm kien l-ammont ta' multi li nġabru għaliex dawn il-każi jitressqu quddiem it-Tribunali u l-multi ma jinġabrux mill-ADT.

Gżira — Triq Reggie Miller

Question

Jista' il-Ministru, permezz ta' l-ADT, jirrivedi s-sitwazzjoni ta' għeluq Triq Reggie Miller, fil-Gżira fil-ħinijiet ta' ħruġ ta' l-iskola tas-Sacred Heart peress li r-residenti ma jitħallewx jidħlu fit-triq, wardens ħerqana biex jagħtu ċ-ċitazzjonijiet, traffiku fuq triq prinċipali magħluqa, u dan bil-bridge ta' Regional Road se tingħalaq, b'inkonvenjenza għar-residenti?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Minn spezzjoni li saret fuq il-post minn uffiċjali tat-Taqsima għall-Immaniġġjar tat-Traffiku irriżulta li Triq Reggie Miller minn kantuniera ma’ Triq Luqa Briffa sa kantuniera ma’ Regional Road tingħalaq temporanjament għal 30 minuta mit-tlieta neqsin kwart sat-tlieta u kwart mit-tnejn sal-ġimgħa fil-ġranet ta’ l-iskola għal raġunijiet ta’ sigurta’ għat-tfal ta’ l-iskola. Skond il-pjan ta’ immaniġġjar tat-traffiku waqt ix-xogħlijiet tal- bridge ta’ Regional Road , Triq Reggie Miller hija meqjusa bħala triq importanti għad-devjazzjonijiet tat-traffiku peress li din it-triq tagħti għaċ-ċentru ta’ tas-Sliema, Gżira w San Ġiljan

Għawdex — Kirjiet ta' coaches u mini-buses

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' kirjiet privati tal-coaches u mini-buses separatament f'Għawdex kull sena, mill-1996 sal-lum maqsumin f'kirjiet għal turisti barranin u għal ġitanti Maltin?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Il-kirjiet privati tal-coaches u l-mini buses f'Għawdex u Malta m'humiex amministrati mill-ADT jew xi dipartiment ieħor tal-Gvern u għalhekk il-mistoqsija ma tistax tiġi mwieġba.

San Ġiljan — Triq Brydone

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21037 u jgħid meta se tiġi żviluppata f'taraġ l-art żdingata mimlija ġrieden, wirdien u ħaxix ħażin li tinsab ħdejn ir-residenza 43 Triq Brydone, San Ġiljan? Għaliex qed titħalla żdingata u mimlija ħmieġ meta r-residenti ta' 43 Triq Brydone, San Ġiljan ilhom li ħallsu l-flus dovuti biex isir taraġ jew forma ta' triq?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Toroq Arterjali — Twaħħil ta' Tabelli

Question

B'riferenza għat-tabelli li twaħħlu fit-toroq arterjali, jista' il-Ministru jgħid kemm kellhom jitwaħħlu tabelli u kemm fil-fatt twaħħlu u kemm ġew imkissrin u/jew mibdula jew se jinbidlu? Kemm kienet l-ispiża kollha ta' dan il-kuntratt u kemm tħallsu flus s'issa?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.

Weigh Pads — Testijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm saru testijiet bil-weigh pads minn meta dawn ġew introdotti? Kemm vetturi nstabu li ma kenux konformi u kemm inġabru flus mill-multi?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Jien infurmat li saru ħmistax-il test bil-weigh pads: erbgħa fl-20 ta’ Diċembru 2005, fejn weħlu l-erbgħa kollha, u ħdax-il test fil-25 ta’ April 2006, fejn weħlu erbgħa minn ħdax. Jien infurmat li t-testijiet li saru kienu bi prova peress li kien qed jintuża apparat li nxtara għal dan l-iskop. Infurmat ukoll li t-testijiet jinsabu sospiżi peress li rriżultaw xi difetti fl-apparat u dan intbagħat lura l-Ingilterra biex jinbidel. Barra minn hekk qed isiru wkoll xi diskussjonijiet ma’ rappreżentanti ta’ operaturi li jużaw vetturi għall-ġarr stradali ta’ merkanzija. Fid-dawl ta’ dan u anki fid-dawl tal-fatt li t-testijiet li saru kienu bi prova, ma nbdewx proċeduri fil-Qorti, u għaldaqstant ma tħallsu l-ebda multi. Seduta 441

Ċitazzjonijiet għal over speeding

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm inħarġu ċitazzjonijiet għal over speeding permess tal-camera kull lokalita' separatament, għas-snin 2005 u 2006 sal-lum? Kemm minn dawn iċ-ċitazzjonijiet tħallsu? Kemm huma kontestati u kemm ġew illiberati? Kemm hu l-valur ta' flus li nġabar minn dawn iċ-ċitazzjonijiet?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Trasport Pubbliku

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' passiġġieri li wżaw it-trasport pubbliku u x'kien id-dħul għas-snin 2000 sal-lum, kull sena separatament?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

Ninsab infurmat li l-ammont ta' patrunaġġ li użaw it-trasport pubbliku u d-dħul mis-sena 2000 sal-lum huwa kif ġej :- Annwali Dħul Patrunaġġ mill-1 ta' Ottubru sat-30 ta' Settembru Lm 2000/2001 5,317,867 30,692,450 2001/2002 5,065,683 29,662,080 2002/2003 4,763,888 29,400,243 2003/2004 5,045,544 30,150,540 2004/2005 6,238,716 30,175,749 2005/2006 6,575,271 29,817,385 Ta' min jinnota li l-perjodu 2005-2006 jinkludi tlett ijiem ta' strajk mit-28 ta' Frar 2006 sa 2 ta' Marzu 2006 fejn hu ikkalkulat li intilfu 196,868 passiġġier/traġitt. F'dan il-perjodu wkoll kien hemm żieda fil-patrunaġġ fir-rotot diretti lejn l-Universita', minn 122,851 fl-2004/2005 għal 261,648 fl-2005/2006. Kull rotta diretta hija x'aktarx ekwivalenti għal żewġ traġitti li l-istudenti kien ikollhom jaqbdu qabel ma ġew introdotti ir-rotot diretti.

Imrieħel Bypass — Footway Bridge

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21137 u ġentilment ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti tal-proġett ta' footway bridge f'Imrieħel bypass f'Ħal Qormi hekk kif propost f'applikazzjoni quddiem il-MEPA PA5852/06? Jista' jgħid meta huwa maħsub li jibda u jitlesta dan ix-xogħol wara li jkunu nħarġu l-permessi neċessarji?

Response (MUGLIETT, JESMOND)

It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f'seduta oħra.