Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sussidju fuq id-dwieli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li din is-sena, il-parti tas-sussidju fuq id-dwieli li jagħmel tajjeb għaliha l-Gvern Malti kienet madwar 30% inqas minn dik li kienet tingħata fis-snin ta' qabel? Jekk sar hekk, x'kienet r-raġuni għal dan it-tnaqqis f'dan is-sussidju?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-pagamenti tas-sussidju qed isiru skont kif imfassla fit-trattat ta’ adeżjoni mal-Unjoni Ewropea, iffirmat fl-2004 mill-amministrazzjoni preċedenti. Dan il-programm ta’ SMPPMA (Special Market Policy Programme for Maltese Agriculture) kien ibbażat fuq prinċipju ta’ degressività b’massimi ffissati għal kull sena u b’terminu fl-2014.

Sajd għal-lampuki –– prezz tal-weraq tal-palm

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-prezz tal-weraq tal-palm li jintuża mis-sajjieda fl-istaġun tal-lampuki għall-kanizzati fis-snin 2010, 2011, 2012, 2013 u 2014?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari, l-weraq tal-palm li jintuża mis-sajjieda għall-kanizzati fl-istaġun tal-lampuki jinxtara b’mod privat mis-sajjieda nfushom u d-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura mhux involut fil-proċess.

Il-Pixkerija l-ġdida — operat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif se tibda topera l-Pixkerija l-ġdida fix-xhur u s-snin li ġejjin? Veru li l-Gvern ħareġ tender biex is-sular ta' fuq tal-Pixkerija l-ġdida jibda jinkera lill-privat? Għal xiex se jibda jintu¿a s-sular ta' fuq fil-Pixkerija l-ġdida?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari il-bejgħ tal-ħut fil-Pixkerija l-ġdida se jkun qed isir fuq sistema ta’ rkant pubbliku skond ir-Regolamenti dwar il-Bejgħ tal-Ħut. Peress li l-proġett kif ippreżentat lill-Unjoni Ewropea mill-amministrazzjoni preċedenti ma kien jinkludi l-ebda investiment għas-sular ta’ fuq, ittieħdet id-deċiżjoni li l-Gvern joħroġ Sejħa għall-Proposti bil-għan li s-sular ta’ fuq tal-Pixkerija l-ġdida jintuża għall-ipproċessar tal-ħut permezz ta’ investiment privat.

Qabda ta’ għasafar tal-għana

Question

B’referenza għal qabda ta’ għasafar tal-għana li nqabdu dan l-aħħar u li kienu qed jidaħħlu Malta illegalment min Sqallija, billi ġie rrapurtat mill-media lokali li xi wħud mill-għasafar li ma kienux fi stat li jittajru, ‘inżammu f’xi uffiċċju x’imkien’ jista’ l-Ministru jgħid: (a) kemm kien in-numru ta’ għasafar li ma kienux fi stat li jittajjru; (b) liema speċi kienu dawn l-għasafar li ma kienux fi stat li jittajjru; (c) fejn inżammu u min kien responsabbli għalihom; u (d) kemm minnhom għadhom ħajjin u kemm minnhom mietu? Jista’ jwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?

Response (BRINCAT, LEO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari. Ninsab infurmat illi l-għasafar inkwistjoni ġew ikkonfiskati mill-Pulizija li talbet l-għajnuna tal-Wild Bird Regulations Unit fi ħdan il-Ministeru tiegħi u dawn flimkien kienu responsabbli mill-għasafar inkwistjoni wara li ġew ikkonfiskati. Sal-lum baqa’ 10 għasafar li ma jistgħux jittajru minħabba l-ġrieħi li ġarrbu fit-traġitt lejn Malta u qed jinżammu f’post adegwat fl-Għammieri ta’ Għawdex u dan bi ftehim mal-Ministeru t’Għawdex. Dan l-inċident huwa wieħed sfortunat wara aġir irresponsabbli u abbużiv minn persuna barranija li diġà instabet ħatja mill-Qorti Maltija u kienet ikkundannata wara li l-Gvern ħa passi immedjati. Nistieden lill-Onor. Interpellant sabiex jingħaqad miegħi biex nirringrazzja lill-uffiċjali kkonċernati għal ħidma tagħhom li waslet mhux biss biex inqabad dan l-abbuż, imma biex jinħelsu ammont kbir ta’ għasafar anke wara li dawn tawhom l-attenzjoni neċessarja biex jistejqru ħalli jkunu jistgħu jinħelsu.

Sriep velenużi – anti venom

Question

Billi fit-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 14033 ġejt infurmat li min jimporta sriep velenużi f’pajjiżna mhux obbligat li jżomm bil-liġi anti venom f’każ ta’ gidma minn dawn is-srieq kif ukoll jiddepożita doża ta’ anti venom liċ-ċentru tas-saħħa viċin tiegħu jew l-Isptar Mater Dei, jaħsibx il-Ministru li għandna nillleġislaw biex issir mandatorja bil-liġi li min jimporta serp jew srieġ valenużi, jkun obbligat li jżomm tal-anqas doża ta’ anti venom id-dar għal kull serp valenuż li għandu kif ukoll jiddepożita doża jew aktar lill-awtoritajiet tas-saħħa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari, r-Regolamenti tal-2015 dwar il-Pussess u ż-Żamma ta’ l-Annimali, skont Artikolu 8(1) tal-Att Dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali (Kap. 439), li ġie ppublikat fil-Gazzetta tal-Gvern tal-14 t’April u li bħalissa għaddej mill-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika, jistabilixxu li persuna li żżomm annimal velenuż għandha tkun meħtieġa li jkollha l-antidotu għall-velenu partikolari prodott mill-annimali, fil-kwantitajiet li jistgħu jkunu neċessarji biex ireġġgħu lura l-effetti tal-velenu.

Rapporti ta’ moħqrija fuq annimali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, minn Jannar 2015 sal-lum kemm saru spezzjonijiet minħabba suspett jew rapport ta’ moħqrija fuq annimali? Minn dawn l-ispezzjonijiet, kemm minnhom irriżulta li kien hemm moħqrija tal-annimali u x’passi ttieħdu f’kull każ?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari, minn Jannar 2015 sa Marzu 2015 id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali rċieva 325 rapport dwar moħqrija jew negliġenza t’annimali. Minn dawn il-każijiet, 280 każ ġew konklużi u 45 qed isiru spezzjonijiet supplimentari biex issir verifika li d-defiċenzi minuri li kienu identifikati jkunu ġew rattifikati fi żmien stipulat mid-Direttorat. Fil-preżent qed jittieħdu proċeduri kriminali bil-Qorti fil-konfront ta’ 9 każijiet.

Klieb — microchipping

Question

Jista’ l-Ministru jgħid: (a) tul dawn l-aħħar sejnten, kemm inqabdu sidien bi klieb li ma kienux microchipped ; (b) minn fejn kienu dawn is-sidien; u (c) x’passi ttieħdu f’kull każ? Jista’ jwieġeb il-mistoqsijiet waħda waħda?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skond informazzjoni miġbura mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari, tul dawn l-aħħar sentejn nqabdu 30 sid/detentur ta’ klieb mingħajr mikroċippa. Dawn is-sidien kienu minn 24 lokalità madwar Malta u Għawdex fosthom Bormla, Birgu, Burmarrad, Dingli, Għarghur, Gudja, Gżira, Ħal Għaxaq, Ħamrun, Kappara, Luqa, Mellieħa, Mosta, Msida, Wied il-Għajn, Ħal-Qormi, Qrendi, Ħal Safi, San Pawl tat-Tarġa, Siġġiewi, Tarxien, Valletta, Ħaż Żabbar u Għawdex. Fil-każijiet meta kelb ġie misjub mingħajr mikroċippa, id-Direttorat għall-Ħarsien tal-Annimali wissa lis-sid/detentur li f’massimu ta’ 3 ijiem dan kellu jirregola ruħu mal-liġi. F’kull każ minbarra f’wieħed li qiegħed quddiem il-Qorti, wara t-twissija mill-Uffiċċjali għall-Ħarsien tal-Annimali, is-sid/detentur tal-kelb irregola ruħu fiż-żmien stipulat.

Wasteserv — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Wasteserv impjegatx ħaddiema ġodda bejn l-10 ta’ Frar 2015 u l-10 ta’ April 2015? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk l-impjieg sarx permezz ta’ kumpaniji terzi (jiġifieri impjieg mal-kuntrattur li jħaddem in-nies il-Wasteserv) u jista’ jgħid kemm ġew impjegati u f’liema grad, kif ukoll is-salarju li għandhom kull sena?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont it-tagħrif mgħoddi lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Wasteserv – MRF Operations — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm MRF Operations bħalissa impjegati direttament jew indirettament mal-Wasteserv? Jista’ jinforma lill-Kamra dwar kemm-il man hour ħadmu dawn l-impjegati f’Jannar u Marzu u kemm għadda materjal fl-istess perjodu mill-MRF facility?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont it-tagħrif mgħoddi lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba

Stabilimenti kummerċjali – ġbir ta’ skart

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inġabar skart minn stabbilimenti kummerċjali, lokalità b’lokalità, xahar b’xahar bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u l-10 ta’ April 2015?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont it-tagħrif mgħoddi lili mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Biċċerija ta’ Għawdex – qatla ta’ majjal

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm jista’ jinqatel majjal fil-ġimgħa fil-biċċerija ta' Għawdex? X' inhi r-raġuni li mhux il-majjali kollha tar-raħħala Għawdxin li jkunu għall-qatla jinqatlu fil-biċċerija ta' Għawdex? Jista’ jara x'passi jistgħu jittieħdu biex il-majjali kollha tar-raħħala Għawdxin li jkunu għall-qatla jiġu maqtula f'Għawdex u mhux ikollhom jitnżżlu Malta għall-qatla, għax dan ifisser telf ta’ ħin għar-raħħala Għawdxin kif ukoll spejjeż żejda relatati?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li għall-ewwel parti tad-domanda dwar il-kapaċità tal-impjant, l-Onor. Interpellant mitlub jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat. Għar-rigward tal-qatla attwali tal-majjal kollu li qed jiġi kkonsmat Għawdex, dan qiegħed jiġi maqtul Għawdex stess. Dak il-majjal li qed jiġi kkonsmat Malta qiegħed jiġi maqtul Malta. Bħalissa, f’Għawdex qed jiġi maqtul u kkunsmat medja ta’ madwar 60 majjal fil-ġimgħa. Jekk f’Għawdex jinqatel majjal aktar mid-domanda eżistenti, ikollhom isiru arranġamenti bl-ispejjeż konnessi sabiex il-laħam jitniżżel fi trakkijiet tal-friża għall-bejgħ f’Malta.

Kennedy Grove — Pjanijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru għandux pjani konkreti biex jestendi l-inħawi ta' ħdejn Kennedy Grove għal dak li huwa użu pubbliku?

Response (BRINCAT, LEO)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li skont kif jien mgħarraf mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti hemm pjanijiet biex tiġi estiża l-parti t’isfel ta’ Kennedy Grove, billi jitwaħħlu numru ta’ appart għal-logħob tat-tfal, outdoor gym u twaħħil ta’ għamara biex ikompli jisebbaħ il-post u joffri aktar faċilitajiet għall-viżitaturi. Dan ix-xogħol se jsir skont il-permess maħrug mill-MEPA b’ numru DN 1818/14.

Binjiet pubbliċi — self sufficiency fl-enerġija

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 14196 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid liema huma l-binjiet pubbliċi li mhumiex self sufficient fil-bżonnijiet tal-enerġija? Jista’ jagħti lista tagħhom? Jista’ jgħid liema huma dawk il-binjiet li huma self sufficient fil-bżonnijiet tal-enerġija?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Prodotti Agrikoli importati storjati f’cold store

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-prodotti agrikoli kollha li jiġu impurtati f'pajjiżna ġo cold store, jiġu storjati u mibjugħa minn ġo cold store meta jaslu f'pajji¿na? Jekk mhux qed isir hekk, jista’ jgħid jekk hux jinkisru direttivi tal-Unjoni Ewropea u liema direttivi qegħdin jinkisru? X'qed jagħmel il-Gvern biex dawn id-direttivi ma jkomplux jiġu injorati?

Response (BRINCAT, LEO)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jispeċifika għal-liema prodotti agrikoli qiegħed jirreferi.

Fondi Ewropej għall-Produzzjoni ta’ prodotti agrikoli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jiġu ddedikati fondi tal-Unjoni Ewropea għal produzzjoni ta' prodotti agrikoli ġodda f'forma ta' investment schemes jew investment aid?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Fondi Ewropej għal Breeders taż-żwiemel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bħal raħħala oħra, breeders taż-żwiemel jistgħux jibdew jiġu kkunsidrati biex jieħdu għajnuna f'forma ta' strucutural funds minn fondi tal-Unjoni Ewropea?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Raħħala Għawdxin – spejjeż relatati mal-vapur

Question

Jista’ l-Ministru jieħu inkonsiderazzjoni li r-raħħala Għawdxin jibdew jitħallsu l-ispejjeż relatati mal-vapur meta jin¿lu Malta biex itellgħu l-ġwież Għawdex?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Raħħala Għawdxin – qatla ta’ majjali – spejjeż tal-vapur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li jekk raħħal Għawdxi jin¿el bil-majjali Malta għal qatla, jiġi rifuż l-ispejjeż tal-vapur, iżda jekk jitla’ lura Għawdex mobbi bil-ġwież li jkun xtara minn Malta, din ir-rifużjoni tal-ispejjeż tal-vapur tiġi kkancellata? Tista’ din l-anomalija titneħħa?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Pitkalija — tmexxija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux minnu li dan il-Gvern għandu l-ħsieb li t-tmexxija tal-Pitkalija tingħata lill-privat minflok li titmexxa mill-koperattiva tal-bdiewa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, sal-lum il-Gvern ma ħa l-ebda deċiżjoni li l-Pitkalija tingħata lill-Privat iżda kull possibilita` li tista’ timbotta ‘l quddiem l-operat tal-Pitkalija tkun ikkunsidrata u evalwata. Sadanittant ta’ min wieħed jinnota li l-Pitkalija qatt ma kienet titmexxa mill-Koperattiva tal-Bdiewa.

Importazzjoni ta’ naħal

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li kull naħla li tiġi importata f’pajjiżna tiġi ċċertifikata minn veterinarju lokali li m’għandha l-ebda mard?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, in-naħal kollu li jiġi importat f’Malta legalment ikun spezzjonat minn Awtorita` Kompetenti fil-post tat-tluq. Meta jasal f’Malta jiġu verifikati d-dokumenti. Min-naħa l-oħra d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja żied is-sorveljanza fuq il-moviment tan-naħal kif ukoll l-ispezzjonijiet fuq il-produtturi tan-naħal.