Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — kompożizzjoni ta’ bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min kienu komposti l-bordijiet tal-entitajiet, awtoritajiet u korporazzjonijiet li kienu jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu f’Diċembru tas-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012 ? Jista’ jgħid x’kienu r-remunerazzjonijiet, ħlasijiet u benefiċċji li kienu qegħdin jirċievu dawn il-membri?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

tkabbir ekonomiku – roadmap tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-roadmap tal-Gvern fil-qasam tal-ekonomija u jista’ speċifkament jgħid f’liema setturi huwa maħsub li t-tkabbir ekonomiku jseħħ, u kif dan se jiġi ġġenerat?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ir-Roadmap tal-Gvern huwa l-programm elettorali li l-poplu ivvota għalih fid-9 ta’ Marzu. Dan il-Gvern huwa kommess li joħloq tkabbir ekonomiku li jilħaq lil kulħadd, billi fost oħrajn jagħti prijoritajiet aħjar fin-nefqa tal-Gvern u naqtgħu burokrazija żejda li qegħdha tifni l-ekonomija Maltija. Dan il-Gvern qiegħed iħaddem politika mmirata li ssaħħaħ u tkabbar setturi importanti, primarjament dawn tan-negozji u s-self-employed, tas-servizzi finanzjarji, l-ekonomija diġitali, l-manifattura ta’ valur ogħla, l-qasam marittimu, it-turiżmu, it-teknoloġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-oqsma relatati mal-enerġija nadifa u dik alternattiva, proprjeta’ ta’ livell u infrastruttura. Dan it-tkabbir ekonomiku huwa mistenni permezz ta’ diversi miżuri u skemi li ħa jkun u qiegħed jaddotta dan il-Gvern, fosthom start up tax credits, skemi bħal Jeremie Micro Credit, MicroInvest, B.Start, MicroGuarantee, użu aktar wiesgħa tal-Public Private Partnership, traħħis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, working capital, Venture Capital funds, Business Angel funds, ċentru marittimu u bini u estensjonijiet ta’ marinas fost oħrajn.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — Deputy chief of staff/head of secretariat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux Deputy Chief of Staff/Deputy Head of Secretariat, u jekk iva min hi l-persuna li qed tokkupa dik il-pożizzjoni bħalissa fis-segretarjat privat tiegħu u/jew l-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tiegħu fejn applikabbli?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandix Deputy Chief of Staff/Deputy Head of Secretariat fis-segretarjat privat tiegħi u fl-uffiċċju tas-Segretarju Permanenti.

Libja — Ftuħ ta’ Uffiċċju

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-uffiċċju li kien ippjanat li jinfetaħ f'Misurata fil-fatt infetaħx? Jekk iva, min qed imexxi dan l-uffiċċju u x’inhu x-xogħol li qed isir minnu s’issa? Jekk għadu ma nfetaħx, meta hu mistenni li jinfetaħ?

Response (CARDONA, CHRIS)

Jista l-Onor. Interpellant jindika għal liema uffiċċju hija indikata din il-mistoqsija.

Libja — Delegazzjonijiet ta’ negozju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il delegazzjoni tan-negozju marret il-Libja mill-1 ta' Jannar 2013 sal-lum? Minn min kienu komposti kull delegazzjoni li marret? Hemm ippjanati delegazzjonijiet oħra tan-negozju biex immorru l-Libja fix-xhur li ġejjin? Jekk iva, meta hu ippjanat li jmorru u minn min se jkunu komposti?

Response (CARDONA, CHRIS)

Din is-sena, l-Malta Enterprise assistiet diversi kumpaniji Maltin biex esebixxew ġo fieri fil-Libja, li jinkludu l-fieri Libya Oil and Gas, Libya Build, u Libya Food. L-uffiċjal tal-Malta Enterprise fi Tripoli jgħin kumpaniji Maltin biex jagħmlu kuntatti ma’ kumpaniji fil-Libja fuq bażi kontinwa. Is-sitwazzjoni ta’ sigurtà fil-Libja fix-xhur li għaddew qiegħda tillimita l-inizjattivi li jistgħu jsiru fil-Libja fil-preżent. Ta’ min jinnota wkoll li qiegħed jitfassal pjan t’azzjoni għal Libja li se jiġi diskuss ma’ l-entitajiet ikkonċernati, bil-għan li jiġu implimentati diversi inizjattivi fil-Libya fil-futur.

reklam dwar hub marittimu — sejħa għall-espressjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 3028 u jgħid kemm sewa biex inħadem ir-reklam mxandar fuq l-istazzjonijiet televiżivi marbut mas-sejħa għall-espressjonijiet biex l-ex Malta Shipbuilding tinbidel f'hub marittimu? Liema kumpanija ħadet ħsieb l-iffilmjar u l-post-produzzjoni tiegħu? Kif intgħażlet? Kemm tħallset tax-xogħol li għamlet? Liema kumpanija ħadet ħsieb il-produzzjoni tar-reklami ppubblikati fil-media stampata? Kif intgħażlet? Kemm tħallset tax-xogħol li għamlet?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ismijiet tal-kumpaniji ma jistgħux jinħarġu minħabba li huma ta’ natura kummerċjali. Il-kumpaniji magħżula biex jieħdu ħsieb l-muntaġġ, filmati, grafika u produzzjoni intgħażlu wara li intalbu l-kwotazzjonijiet mis-suq, skond il-proċeduri stipulati.

LGA — Kap eżekuttiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilu fil-kariga l-kap eżekuttiv attwali tal-Awtorità dwar il-Lotteriji u l-Logħob (LGA)? Jikkonferma li l-pakkett finanzjarju tal-kap eżekuttiv huwa ta' madwar €90,000 fis-sena?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’xi seduta oħra.

LGA — Karti ta' Kreditu

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li minn verifiki li saru fl-Awtorità dwar il-Lotteriji u l-Logħob (LGA), wara l-bidla fl-amministrazzjoni instab li ħafna mill-uffiċjali tal-Awtorità kellhom fil-pussess tagħhom karti ta' kreditu maħruġa f'isem l-istess Awtorità? Jista' jgħid x'karigi kellhom dawn l-uffiċjali u jagħti renidikont dettaljat tal-ispiża li saret? X'passi ttieħdu biex ikun assigurat li l-użu ta' dawn il-karti ta' kreditu kien ġustifikat? X'passi ttieħdu mill-Awtorità biex ikun assigurat li ma jkunx hemm nefq mhux ġustifikat?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar – konsulenzi mill-2004

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenzi mill-2004 sal-lum mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

MCA — Chairman

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta kien inħatar iċ-chairman tal-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni (MCA) li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament u għal liem perjodu? X’kienet ir-remunerazzjoni tiegħu? Fejn kien jaħdem bħala avukat u f’liema qasam kien jipprattika l-professjoni tiegħu dak iż-żmien?

Response (CARDONA, CHRIS)

Jien infurmat li l-persuna in kwistjoni kien inħatar bħala chairman tal-Awtorità dwar il-Komunikazzjoni fl-10 ta’ Dicembru 2012 għall-perijodu li kien jagħlaq f’Ġunju 2013. Ir-remunerazzjoni tiegħu kienet ikkalkulata bir-rata ta’ €3,494 fis-sena. Il-persuna konċernata kien ukoll partner ma’ Fenech and Fenech Advocates u hemmhekk kien il-kap tad-dipartiment dwar il-liġi tal-ICT.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — Servizzi klerikali minn kuntratturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm kuntratti maħruġa bejn 1 Jannar 2012 u 8 Marzu 2013 mid-dipartimenti u entitajiet fid-dekasteru tiegħu għall-servizzi klerikali minn kuntratturi li jissupplixxu skrivana li jagħtu xogħol f’dawn l-entitajiet tal-Gvern? Kemm minnhom jitolbu li l-kuntratturi jħallsu l-minimu ta’ skala 16 tas-servizz pubbliku (ekwivalenti ta’ Skrivan) u jekk le, xi ħlas qegħdin jieħdu l-ħaddiema? X’inhi r-rata kull siegħa li titħallas lill-kuntrattur?

Response (CARDONA, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — konsulenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu lill-individwu li ismu qed jintbagħat separatament, mis-sena 2000 sal-lum? Jista’ jgħid dwar xiex kien dan ix-xogħol, jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (CARDONA, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-2008 sal-lum.

Fabbriki f’riskju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex konxju dwar fabbriki f’pajjiżna li bħalissa jinsabu f’sitwazzjoni fejn ħaddiema jinsabu f’periklu li jitilfu ix-xogħol tagħhom? Liema huma dawn il-fabbriki? X’miżuri qed jieħu l-Gvern jew l-entitajiet tal-Gvern f’dan ir-rigward?

Response (CARDONA, CHRIS)

Malta Enterprise żżomm kuntatt mal-impriżi ndustrijali f’pajjiżna bil-għan li tgħinhom jespandu, kif ukoll, meta dan huwa meħtieġ, jgħelbu l-problemi speċifici li jistgħu jinqalgħu minn żmien għall-ieħor. Din l-għajnuna tkun kompatibbli mar-regoli tal-Unjoni Ewropea dwar l-iState Aid. Meta kumpanija tagħmel xi talba lill-Malta Enterprise u minħabba f’hekk tgħaddi nformazzjoni kummerċjalment sensittiva lill-istess agenzija, dan isir bil-ftehim li din l-informazzjoni ma tixxandarx pubblikament. Dan skont l-istess liġi (Malta Enterprise Act, Kap 463).

Marsa Shipyard – ħolqien ta’ xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fl-iżvilupp tal-Marsa Shipyard f'hub marittimu l-Gvern hux se jkun qed jassigura ħolqien ta’ impjiegi ġodda għall-Maltin permezz ta’ dan l-investiment? Jista’ jgħid x'tip ta’ jobs qed ikunu mmirati li jinħolqu? Peress li l-istess Ministru qal li jrid ikun assigurat li f'Malta ikollna r-riżors uman adegwat fl-iżvilupp ta’ dan il-proġett, jista' l-Ministru jgħid jekk l-investiment u r-reklutaġġ tal-ħaddiema hux se jkun totalment barrani?

Response (CARDONA, CHRIS)

L-iskop ta’ kull proġett bħal dan huwa li jkabbar l-attività ekonomika u joħloq iktar impjiegi xierqa għall-Maltin u l-Għawdxin. L-Onorevoli Interpellant irid jifhem li l-proġett tal-Maritime Hub għadu fl-istadju ta’ Espressjoni ta’ Interess u għalhekk, l-informazzjoni li qed jitlob hija prematura. Madankollu, nista’ nassigurak li l-Ministeru tiegħi se jagħmel ħiltu kollha biex nattiraw investiment għaqli li jagħti l-massimu ta’ benefiċċji lill-poplu Malti u Għawdxi, u fuq kollox joħloq impjiegi ta’ kwalità.

Fondi tal-Unjoni Ewropea — Xogħlijiet fl-industrial areas

Question

Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar x'xogħol qed isir bħalissa mill-Malta Enterprise fil-industrial areas li huma responsabbli tagħha permezz ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea? Kemm hu l-ammont ta’ fondi li bħalissa qed jintefqu għalhekk?

Response (CARDONA, CHRIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — impjegati detailed

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm, u min huma, l-impjegati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jew xi dipartiment jew entità li taqa’ taħtu, li huma detailed, jew għandhom permess, sabiex jagħmlu xogħol ma' xi entità non-governattiva (NGOs), inkluż xogħol ma' trade unions? Fuq liema bażi qed isir dan ix-xogħol u x’inhuma t-termini ta’ żmien? X’inhi r-remunerazzjoni, jiġifieri l-paga, allowances, overtime u dħul ieħor, li kull wieħed minn dawn l-individwi qed jirċievi, u min joħroġ tali salarju?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat li fil-Ministeru tiegħi u l-entitajiet li jaqgħu taħtu, m’hemm l-ebda impjegat tat-tip li qed tirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant.

Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku — impjegati detailed

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm, u min huma, l-impjegati li jaqgħu taħt id-dekasteru tas-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u Tkabbir Ekonomiku, jew xi dipartiment jew entità li taqa’ taħtu, li huma detailed, jew għandhom permess, sabiex jagħmlu xogħol ma' xi entità non-governattiva (NGOs), inkluż xogħol ma' trade unions? Fuq liema bażi qed isir dan ix-xogħol u x’inhuma t-termini ta’ żmien? X’inhi r-remunerazzjoni, jiġifieri l-paga, allowances, overtime u dħul ieħor, li kull wieħed minn dawn l-individwi qed jirċievi, u min joħroġ tali salarju?

Response (CARDONA, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 1107.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mill-1998 sal-lum? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat li fil-perjodu in kwistjoni ma ngħata l-ebda xoghol lill-kumpanija in kwistjoni mill-Ministeru tiegħi u l-entitajiet li jaqgħu taħtu.

Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar — konsulenza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu lill-individwu li ismu qed jintbagħat separatament, mill-1999 sal-lum? Jista’ jgħid dwar xiex kien dan ix-xogħol, jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninsab infurmat li fil-perjodu in kwistjoni, ma ngħata l-ebda xogħol ta’ konsulenza lill-individwu msemmi.