Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #20690 Sitting 423 2000-11-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Catch Assessment Programme

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex u x'informazzjoni se tinġabar mill-programm ta' valutar ta' qbid (catch assessment programme) li qiegħed jingħad li se tkun qed topera fl-ewwel tliet xhur tas-sena d-dieħla u jekk l-informazzjoni hijiex se tingħata lill-Unjoni Ewropea?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-Catch Assessement Programme huwa sistema fejn bl-interview ta' numru ta' dgħajjes mill-Fisheries Protection Officer tkun tista' issir stima, kemm jista' jkun preċiża, tal-qabda totali għall-Malta skond it-tip ta' irkaptu, bastiment, staġun, speċi ta' ħut u forsi żoni. Din l-informazzjoni hija għodda sabiex wieħed ikun jista' jimmaniġja aħjar is-sajd, jikkompara l-andament tal-istocks tal-ħut minn sena għall-oħra u jqabbel il-qabda ma dak li jgħaddi mill-pixkerija. Dik l-informazjoni li tinġabar mill-Catch Assessment tiġi maqsuma ma' pajjiżi oħra għaliex il-Mediterran huwa ta' kulħadd u għalhekk tiġi mgħoddija anke' lill-Eurostat u organizzjonijiet oħra bħal FAO.
Leg 9 PQ #20691 Sitting 423 2000-11-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

UE — Statistika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif id-dikjarazzjoni li l-ħut li jinqabad ma jiġix dikjarat kollu se tafettwa l-istatistika li se tingħata lill-UE permezz tal-Eurostat?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-ħut li jinqabad qatt ma jgħaddi kollu mill-Pixkerija u dan għaliex parti minnu jiekluh is-sajjieda stess, parti oħra tinbiegħ direttament lill-mara tad-dar min-nisa tas-sajjieda u parti oħra tinbiegħ b'kuntratti diretti lir-restoranti u lukandi. Dawn l-attivitajiet kummerċjali huma kollha leġittimi u ma hemmx oġġezzjoni li jsiru. Tant hu hekk, li aħna nilqgħu dikjarazzjonijiet fiskali ta' bejgħ ta' ħut apparti dak li jgħaddi mill-Pixkerija fl-allokażżjoni ta' Duty Free Fuel. F'dawn l-aħħar 20 jew 30 sena Malta baqgħet tiġbor biss il-figura tal-ħut li jgħaddi mill-Pixkerija u kien isir estimu (u għalhekk żieda ta' 25% fil-valur u fil-kwantita ta' ħut irreġistrat il-Pixkerija) biex ikopri l-attivitajiet l-oħra. Din il-figura kienet tiġi meqjusa bħala total landings. Bil-Catch Assessment u Catch Declarations dawn il-figuri jkunu iktar eżatti u hemm lok għall-figuri kollha fil-EUROSTAT kemm il-qabda totali kif ukoll kemm minnha kien mibjuh dirett jew għadda mis-suq ġenerali. Barra minnhekk, nirreferi wkoll lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 20688.
Leg 9 PQ #20692 Sitting 423 2000-11-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Catch Data System

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif se jinbidlu s-sale notice u l-Catch Data System biex jikkonfermaw ma' l-acquis sas-sena d-dieħla?

Response (ZAMMIT, NINU)

Sale Notice hija ekwivalenti għal voucher u s'issa ma hemmx bdil ippjanat ħlief li s-sistema fil-futur issir elettronika. Il-Catch Data System hija sistema parallel li tista tikkompara l-figuri tal-qabda ma' dik tas-Sale Notice.
Leg 9 PQ #20693 Sitting 423 2000-11-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ċentru ta' Monitoring tas-Sajd — Attivitajiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma dawk l-attivitajiet li ċ-Ċentu ta' Monitoring tas-Sajd se jagħmel sa l-aħħar tas-sena 2002 biex ikun konformi ma'l-acquis kif jingħad f'paġna 130 ta' l-NPAA? Min huma l-uffiċjali responsabbli u kemm saru laqgħat dwar dan it-tibdil matul dawn l-aħħar sentejn u ma' minn saru?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-laqgħat isiru kontinwament ma kull min ikun hemm bżonn. L-attivitajiet jew proġetti ppjanati huma identifikati fl-NPAA. Fil-maġġoranza tagħhom f'dawn l-ewwel sentejn hemm ir-riforma sħiħa fir-regolamenti sabiex dawn jinġiebu fl-istat li jaqdu l-bżonnijiet u l-ħtiġijiet moderni ta' llum u l-formazzjoni, u struzzjoni ta' għaxar studenti fl-HND course for Fisheries Science. Barra dawn hemm il-ħsieb li titranġa l-pixkerija , tiġi mwaqqfa l-VMS, jiġu ntrodotti l-logbooks, tiġi komputerizzata l-Voucher Scheme, jiġi finalizzat ir-reġistru tas-sajd, tiġi mibdija l-Catch Assessment Scheme u l-Landing Declaration Scheme. Malta wkoll fi ħsieba tirratifika sa dak iz-żmien l-Agreement tal-Conservation and Management of Straddling and Highly Migratory Fish Stocks.
Leg 9 PQ #20694 Sitting 423 2000-11-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Sajjieda Maltin — Studju

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx studju u minn min, dwar kif jaffettwa lil Malta u lis-sajjieda Maltin jekk jiġi ratiifkat il-Ftehim tal-Ġnus Maqgħuda magħrufa bħal Conservation and Management of Straddling and High Migratory Fish Stocks?

Response (ZAMMIT, NINU)

Sa issa għadu ma sarx studju u dan jiġi kkunsidrat meta tiġi kkunsidrata r-ratifika ta' dan l-agreement fl-aħħar tas-sena 2002.
Leg 9 PQ #21084 Sitting 423 2000-11-13 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ministeru għal Agrikoltura u Sajd

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx iffurmati jew hemmx il-ħsieb li jiġu ffurmati, sezzjonijiet, units jew xorta ta' gruppi oħrajn fid-dipartimenti, soċjetajiet kummerċjali, segretarjati u entitajiet oħrajn kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu jew li fihom il-gvern għandu xi forma ta' interess u li liema units, sezzjonijiet etc għandhom xogħol konness jew relatat mal-politika tal-Gvern li jsieħeb lil Malta bħala membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea, fil-programmi ta' l-Unjoni Ewropea jew fl-addozzjoni ta' l-aquis? X'jisimhom jew x'ser ikun jisimhom dawn il-units etc? X'tip ta' xogħol mistenni jew qiegħed isir min dawn il-units? Kemm hemm nies jaħdmu f'kull wieħed min dawn il-units? Min huma, kif intgħażlu u xi grad għandhom? X'pagi, kundizzjonijiet u benefiċċji oħrajn igawdu minnhom persuni li huma ingaġġati ma' dawn il-units?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #20683 Sitting 422 2000-11-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Pixkerija — Accounting elettroniku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi s-sistema ta' accounting elettronika li se tiddaħħal fil-Pixkerija din is-sena u kif taħdem meta mqabbla mas-sistema preżenti?

Response (ZAMMIT, NINU)

Din is-sistema li għalissa hija msemmija Malta Fish Market Accounting System għandha l-iskop fl-ewwel fażi li tbiddel ix-xogħol kollu li jsir bl-idejn fil-voucher scheme għal sistema komputerizzata. Fit-tieni fażi huwa maħsub li nersqu lejn forma ta' point of sale system u għalhekk il-bejgħ tal-ħut fil-pixkerija jiġi rreġistrat direttament minn kull pitkal immedjatament u fejn il-voucher u l-irċevuta joħorġu fil-pixkerija b'apparati elettroniċi. It-tielet u l-aħħar fażi trid tindirizza s-sistema tal-ġbir tal-flus u s-sistema tal-ħlas tas-sajjieda. Meta wieħed iqabbel iż-żewġ sistemi jara li fil-bidu s-sistema qegħda tirreplika kull ma jsir bl-idejn sabiex dan ix-xogħol jitħaffef u jkun jista' jiġi iċċekjat aħjar. Fil-fażijiet sussegwenti għandu jkun hemm progress sabiex is-sajjied jitħallas qabel minn kif hi s-sistema preżenti.
Leg 9 PQ #20684 Sitting 422 2000-11-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Regolament tal-Kunsill 3690/93

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-Regolament tal-Kunsill 3690/93 msemmi f'paġna 129 tal-NPAA li miegħu r-Reġistru tal-Flotta Lokali jrid ikun konformi?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Official Journal of the European Community No L341, tal-31 ta' Diċembru 1993 fejn ir-rgolament imsemmi jinsab ippublikat.
Leg 9 PQ #20685 Sitting 422 2000-11-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ibħra Maltin — Sajjieda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex ma jitkabbrux l-ibħra tas-sajd Maltin fejn ikunu jistgħu jistadu sajjieda Maltin biss meta fl-NPAA wkoll qiegħed jingħad li kemm is-sajjieda professjonali kif wkoll is-sajjieda dilettanti jistadu sa 200 mil 'il bogħod?

Response (ZAMMIT, NINU)

Dan m'huwiex faċli daqshekk, fit-tramuntana hemm l-Italja u ma hemmx fejn wieħed iżid għaliex bejn iż-żewġ pajjiżi f'ċertu postijiet hemm inqas minn 50 mil nawtiku, fin-nofs in-nhar għandna lill-Libja u ma' dan il-pajjiż għad hemm xi diverġenzi sabiex huma jirratifikaw id-deċiżjoni tal-linja medjana kif kienet ġiet deċiża mill-Qorti Internazzjonali, u dan barra l-fatt li bejn pajjiżna u l-Libja tiffridna distanza ta’ 180 mil biss u għaldaqstant il-200 mil ifisser li art Libjana tiġi nkluża! Fil-Punent insibu immedjatament lill-Linosa, Pantallerija u Lampedusa li huma kollha ta' l-Italja. Jibqa biss il-lvant fejn qiegħdin nitkellmu fuq baħar fond ħafna u ma jiswiex għat-tip ta' sajd li jaħdmu s-sajjieda tagħna.
Leg 9 PQ #20686 Sitting 422 2000-11-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Sajjieda — Liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif u kemm se jinħarġu liċenzji għas-sajjieda skond id-data bank imsemmija f'paġna 129 ta' l-NPAA li qiegħed jingħad li se tkun lesta sa l-aħħar ta' din is-sena u kemm se jħallsu s-sajjieda Maltin u Għawdxin għalihom?

Response (ZAMMIT, NINU)

Id-Databank imsemmi, li fid-Dipartiment tas-Sajd huwa magħruf bħala Malta Stat-Fisheries għaliex jkopri wkoll qabdiet, irkapti u affarijiet oħra, huwa kważi lest. Informazzjoni tar-reġistru tas-Sajd iddaħlu fih u l-liċenzji tas-Sajd għas-sena 2001 probabilment ser ikunu ġenerati minnu. Il-ħlasijiet huma l-istess bħal tas-sena 2000.
Leg 9 PQ #20687 Sitting 422 2000-11-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Pikxerija — Żbark tal-ħut

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif se jkun u x'dettalji jkunu jridu jimtlew fid-dokument ta' żbark tal-ħut fil-Pixkerija u d-dokument tat-trasport imsemmi f'paġna 129 ta' l-NPAA?

Response (ZAMMIT, NINU)

Fid-Dokument ta' Żbark jkun hemm: l-ispeċi, kwantita bħala rjus jew piż kif ikun possibbli, b'liema irkaptu ġew maqbuda, mil-liema bastiment u fl-liema żona, kif ukoll id-data ta' meta saret il-qabda. Fid-Dokument tat-Trasport jiżdiedu d-dettalji tal-persuna u vettura li tkun qiegħda ġġorrhom.
Leg 9 PQ #20688 Sitting 422 2000-11-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

NPAA

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema kriterji jingħad fl-NPAA li l-1000 tunellata ħut fis-sena li huma reġistrati li jitniżżġu l-art huma inqas mill-ħut li jinqabad?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-ħut li jinqabad jispiċċa jew mibjugħ mill-pixkerija jew ikkunsmat mill-familji tas-sajjieda stess, jew mibjugħ lill-mara tad-dar min-nisa tas-sajjieda, jew mibjugħ b'kuntrattazzjoni diretta lir-ristoranti/lukandi jew mibjugħ b'kuntratt bħal fil-każ tat-tonn. Id-Dipartiment jkollu records ta' kuntratti kbar, jekk ikun involut, u ta' dak li jgħaddi mis-sistema tal-pixkerija. Mid-dikjarazzjonijiet fiskali li d-Dipartiment studja f'dawn l-aħħar xhur, ippreżentati mis-sajjieda għal finijiet ta' allokazzjoni ta' Duty Free Fuel jew ippreżentati mill-istess sajjieda waqt diskussjonijiet varji, huwa ċar li l-ħut maqbud huwa iktar mill-ħut reġistrat fil-pixkerija. Fil-preżent din ir-reġistrazzjoni hija l-uniku sistema ta' dikjarazzjoni ta' qbid.
Leg 9 PQ #21052 Sitting 422 2000-11-13 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Pitkalija — Bejgħ ta' prodotti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm daħal u nbiegħ prodott fil-pitkalija, xahar b'xahar mill-1 ta' Ottubru, 1999 sat-30 ta' Settembru, 2000?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-kwantita ta' prodotti li ddaħħlu/nbiegħu fil-pitkalija xahar b'xahar mill-1 t'Ottubru sat-30 ta' Settembru, 2000 kienu hekk: Piż Valur (Kgs). (Lm) Ottubru 1999 2,009,120 334,537 Novembru 1999 2,149,744 342,609 Diċembru 1999 1,790,174 421,606 Jannar 2000 1,647,867 444,387 Frar 2000 1,736,179 4l5,920 Marzu 2000 2,419,387 494,511 April 2000 2,972,666 450,506 Mejju 2000 3,203,018 398,416 Ġunju 2000 3,966,914 456,919 Lulju 2000 4,276,263 554,331 Awissu 2000 4,057,257 423,585 Settembru 2000 2,704,412 335,548
Leg 9 PQ #20678 Sitting 421 2000-11-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Att dwar il-Konservazzjoni u l-Amministazzjoni tas-Sajd — Leġislazzjoni sussidjarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhija dik il-leġislazzjoni sussidjarja li se tiġi addottata skond il-provvedimenti ta' l-Att dwar il-Konservazzjoni u l-Amministrazzjoni tas-Sajd li se ddaħħal l-aspetti kollha ta' l-acquis?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant illi dawn huma regolamenti li jħarsu r-reġistrazzjoni tal-bastimenti, il-qisien tal-ħut kummerċjabbli, l-apparat tas-sajd u xi sajd partikolari bħal ma hu t-tonn u l-lampuki, kif ukoll is-sistema tal-bejgħ. Dawn ir-regolamenti ser ikunu tiġdid tar-regolamenti eżistenti.
Leg 9 PQ #20679 Sitting 421 2000-11-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

EU — Ħut Frisk u Tal-Friża

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hijiex inġustizzja mas-sajjieda u mal-produtturi Maltin li waqt li ħut frisk u tal-friża mpurtat f'Malta ma jħallas edba dazju, tariffi jew VAT, prodotti tal-ħut Maltin esportati lejn l-UE iħallsu 15% tariffa ta' dazju?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru: 20676, u cioe infakkar lill-Onorevoli Interpellant li dan, kif spjegajna kemm il-darba, huwa r-riżultat tal-fatt li Malta iffriżat l-applikazzjoni tagħha fl-1996 u għalhekk il-proposta tal-Kummissjoni li kien iwassal għat-tariffa 0% wara tlett snin waqaf ukoll. Il-pajjizi l-oħra li ma jħallsux tariffi għandhom xi arrangamenti ma l-Ewropa li jinkorporaw dawn il-prodotti. Il-ħut prodott fl-akwakultura tagħna jħallas it-tariffa ta' 15% meta dan il-prodott jiġi esportat fl-Ewropa għaliex l-amministrazzjoni preċedenti ffriżat l-applikazzjoni ta' Malta sabiex issir membru fl-U.E. Nispera li l-Onor. Interpellant ma hux qed jissuġġerixxi li ndaħħlu dazju fuq din l-importazzjoni, liema dazju jispiċċa jrid jitħallas mill-konsumatur Malti.
Leg 9 PQ #20680 Sitting 421 2000-11-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Sajjieda — Liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex huwa fl-interess ta' Malta u s-sajjieda Maltin li mill-aħħar ta' din i-sena, l-Unjoni Ewropea se tingħata tagħrif, fost l-oħrajn, dwar liċenzji tas-sajjieda, iż-żamma ta' reġistru ta' bastimenti tas-sajd, u s-sottomissjonijiet ta' l-informazzjoni lil Eurostat minn Malta?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant illi dawn m'humiex xi ċifri siġriti iżda huma l-istess ċifri u statistiċi li jintbgħatu kull sena lill-istituzzjonijiet internazzjonali oħra bħal ma hi l-FAO. Bis-saħħa tal-FAO, il-'Copemed' għamlet survey tal-qxur/bastimenti tas-sajjieda kollha f'pajjiżna. Dan l-iskambju ta' informazzjoni huwa importanti jekk irridu nibqgħu nippartecipaw f'fora internazzjonali ta' diskussjoni fuq materji li jikkonċernaw anki lill-pajjiżna fl-oqsma tal-ħut.
Leg 9 PQ #20681 Sitting 421 2000-11-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

NPAA — Monitoring

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-responsabbilitajiet ġodda ta' monitoring u kontroll msemmija f'paġna 129 ta' l-NPAA li se jkollhom l-uffiċjali tas-sajd?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan ix-xogħol jinkludi spezzjonijiet fuq bastimenti, ħut, tagħmir tal-qbid u swieq liema xogħol diġa suppost qiegħed isir.
Leg 9 PQ #20682 Sitting 421 2000-11-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

EU — Producers Organisations

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk dawk magħrufa bħala Producers Organisations jistgħux jirrifjutaw membri li ma jkunux ċittadini Maltin imma li jkunu ċittadini ta' l-UE jekk Malta tkun membru ta' l-UE?

Response (ZAMMIT, NINU)

Producers' Organizations ma jkunux jistgħu jirrifjutaw bħala membri dawk li jkunu qed ikabbru l-prodott tagħom fil-Gżejjer Maltin.
Leg 9 PQ #20671 Sitting 420 2000-11-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Sajjieda Dilettanti — Regolamenti - EU

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sajjieda dilettanti humiex se jkunu regolati wkoll mir-regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea jew regolamenti Maltin li jkunu konformi mar-regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #20672 Sitting 420 2000-11-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

EU — Bastimenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Malta tkunx tista' tirrifjuta li tirreġistra bastimenti tas-sajd minn Stati Membri ta' l-Unjoni Ewropea wara li Malta tkun membru ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Malta ma tirreġistrax bastimenti tas-sajd jekk ma jkunux ta' persuni residenti Malta jew ta' kumpaniji rreġistrati Malta. Dan jibqa japplika kemm jekk nissieħbu u kemm jekk ma nissieħbux fl-Unjoni Ewropeja.