Jista’ l-Ministru jgħid x'inhuma l-prospetti li jerġa' jibda jiltaqa' il-Forum Mediterranju tal-Punent (5+5)?
Response (BORG, JOE)
Il-Ministeru qiegħed f'kuntatt ma' pajjiżi ġirien bil-ħsieb li l-Western Mediterranean Forum (5+5) jerġa jibda jiltaqa, possibilment minn kmieni is-sena d-dieħla.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li se jkunu l-kontijiet pendenti u spejjeż konnessi li mhux se jilħqu jkunu mħallsa sa tmien din is-sena?
Fis-supplementary estimates kemm huwa stmat li se jkun l-ammont meħtieġ biex ikopri ammonti mhux koperti fl-estimi għas-sena 2000?
Response (BORG, JOE)
Bħal ma normalment isir, il-Ministeru qed jagħmel kull sforz biex ma jitħallewx kontijiet pendenti għas-sena d-dieħla.
Jien infurmat li bħalissa qed isir l-ikkuntjar neċessarju biex wieħed jasal għal figuri totali li fuqhom jiġi eventwalment deċiż jekk jew kemm ikun hemm bżonn fondi supplimentari fil-voti tal-Ministeru. Jien infurmat ukoll iżda li stimi tat-tip mitluba mill-Onorevoli Interpellant jistgħu ivarjaw sostanzjalment bejn issa u l-għeluq tas-sena finanzjarja u għalhekk ma narax l-utilita li jingħataw.
Jista' l-Ministru jgħid kemm se titħallas persuna li isimha qiegħed jintbagħat separatament għall-programm "Viva Malta" fuq il-PBS (TVM) li qiegħed jittella mill-MIC? Jista' jgħid kemm-il sensila ser issir?
Response (BORG, JOE)
Dwar l-ewwel parti tal-mistoqsija, il-persuna msemmija ma' titħallasx miċ-Ċentru ta' Informazzjoni Malta Unjoni Ewropeja. Fil-fatt, iċ-Ċentru ta' Informazzjoni Malta Unjoni Ewropeja ma' joħroġx flus għall-produzzjoni ta' dan il-programm.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija fuq kemm il-sensiela se ssir, s'issa kull ma' hemm ippjanata hija sensiela waħda.
Jista' l-Ministru jgħid kif ivvotat Malta fil-vot li kien hemm fl-Assemblea Ġenerali dwar Israel fil-kuntest tal-konflitt tal-Lvant Nofsani?
Response (BORG, JOE)
Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-vot li ttieħed fit-"Tenth Emergency Special Session" ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li nżammet nhar il-Ġimgħa 20 t'Ottubru 2000 dwar ir-riżoluzzjoni "Illegal Israeli Actions in Occupied East Jerusalem and the Rest of the Occupied Palestinian Territory", nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Malta vvutat favur din ir-riżoluzzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw karozzi ġodda fid-dekasteru tiegħu mill-1992 sal-lum? Jista' jgħid ukoll x'tip ta' karozza hi (d-ditta)?
Response (BORG, JOE)
Mill-1992 inxtraw:
Ghall-Ministeru:
4 Hyundai (inxtraw għall-Diretturi fuq Performance Agreement)
1 Mercedes Benz (inxtrat sabiex tibdel karozza ministerjali eqdem)
1 Mazda (inxtrat għas-Segretarju Permanenti li qiegħed fuq Performance Agreement)
1 BMW (sabiex tbiddel il-karozza Mercedes ministerjali li ġiet trasferita lill-Uffiċċju tal-President)
3 Renault (għall- użu ta' Diretturi ġodda fuq Performance Agreement)
1 Alfa Romeo (għall-użu Ministerjali)
Mill-1992 inxtraw ukoll numru ta' karozzi għall-użu ta' l-ambaxxati Maltin:
Ghat-22 Ambaxxata/Missjoni/Konsolat:
8 Volvo (6 biex jibdlu karozzi eqdem u tnejn għall-użu ta' ambaxxati li nfetħu ġodda)
1 Rover (biex tibdel karozza eqdem)
2 Peugot (it-tnejn biex jibdlu karozzi eqdem)
1 SAAB (biex tibdel karozza eqdem)
1 Fiat (biex tibdel karozza eqdem)
1 Toyota (biex tibdel karozza eqdem)
1 Audi (mixtrija għall-użu ta' ambaxxata li nfetħet ġdida)
1 BMW (biex tibdel karozza eqdem)
5 Mercedes (3 għall-użu ta' ambaxxati li nfetħu ġodda u 2 biex jibdlu karozzi eqdem)
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda mal-korpi parastatali/awtoritajiet/kummissjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilitajiet tiegħek mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn?
Response (BORG, JOE)
Ir-risposta hija fin-negattiv. Nixtieq ngħid pero illi għalkemm il-Malta EU Information Centre ma jaqax taħt ir-responsabbilta tiegħi, nista ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn meta dan iċ-Ċentru twaqqaf f'Mejju 1999 ġew impjegati 14 il-persuna li wieħed minnhom irriżenja f'Diċembru 1999.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern huwiex beħsiebu jaċċetta il-Bird Directive ta' l-Unjoni Ewropea kif inhi jew huwiex beħsiebu jitlob derogi jew eċċezzjonijiet dwar dan u x'inhuma?
Response (BORG, JOE)
Nixtieq nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 14533. F'dan l-istadju m'hemmx iżjed x'inżid ma dik it-tweġiba.
Jikkonferma l-Ministru li verament qal dak li ġie rapportat li qal mill-gazzetta "The Malta Independent on Sunday" jiġifieri li minkejja r-riżultat negattiv fir-referendum Daniż dwar l-Euro, l-Unjoni Ewropea se tkompli taħdem biex tikkonvinċi d-Danimarka biex tissieħeb fil-munita unika Ewropea u li l-Gvern Daniż jista' jagħmel referendum ieħor fil-futur dwar is-sħubija tal-pajjiż fis-sistema tal-munita Ewropea?
"Regarding the "No" result in the Danish Referendum on the Euro, Dr Borg said the EU will continue working to convince Denmark to join the single currency. He added that the Danish Government could hold another referendum in the future over the country's membership of Europe's currency"
Jista' l-Ministru jgħid jaqbilx mal-fatt li, minkejja li l-poplu Daniż iddeċieda kemm l-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-Gvern Daniż għandhom il-ħsieb li jkompli jaħdmu biex eventwalment jikkonvinċu lill-poplu Daniż, possibbilment b'referendum ieħor fil-futur, biex ibiddlu l-fehma tagħhom ta' issa, u jwassluhom biex jieħdu sehem fis-sistema Euro?
Jekk jaqbel u jħoss li dan huwa demokratiku u permissibbli saħansitra fl-Unjoni Ewropea, jista' l-Ministru jgħid allura għaliex huwa u l-Partit u l-Gvern li jifforma parti minnu huwa ħaduha tant bi kbira u għamlu tant kapital politiku meta l-Partit Laburista ddikjara li r-riżultat ta' xi referendum li jista' jsir f'pajjiżna dwar is-sħubija ta' pajjiżna fl-Unjoni Ewropea ma jorbotx lill-Partit Laburista li xorta jkompli bl-attivita' politika tiegħu biex jipperswadi l-poplu Malti li l-aħjar relazzjonijet ta' Malta ma' l-Unjoni Ewropea ma jimmaterjalizzawx permezz ta' sħubija sħiħa ma' l-Unjoni imma permezz tal-politika Laburista ta' Malta bħala Svizzera fil-Mediterran?
Jekk ir-referendum dwar sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea jirriżulta negattiv, jista' l-Ministru jgħid jekk il-partit u l-gvern li jifforma parti minnu, jirrinunzjax darba għal dejjem għall-idea ta' sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea, jew ikomplix jaħdem biex eventwalment forsi jipperswadu lill-poplu biex jaċċetta din il-politika?
Response (BORG, JOE)
Il-poplu Daniż, permezz ta' referendum apposta, iddeċieda li d-Danimarka għandha żżomm il-Krona u ma tissieħibx ma dawk il-pajjiżi li addottaw il-munita waħdanija Ewropeja - l-Euro.
F'soċjeta demokratika ir-rieda tal-poplu għandha dejjem tiġi rispettata, iżda fir-rispett ta' din ir-rieda huwa possibbli li wara żmien il-poplu jerġa jiġi mistoqsi jekk iridx jirrevedi d-deċiżjoni tiegħu b'referendum ieħor apposta. F'dan ir-rigward id-deċiżjoni dejjem tkun dik sovrana tal-poplu.
Nispera li l-Onorevoli Interpellant japprezza d-differenza bejn dan l-istat ta' fatt ibbażat fuq l-aqwa prinċipji demokratiċi u dak fejn b'negazzjoni ta' kwalunkwe kunċett ta' demokrazija, inti ssostni li, tkun xi tkun id-deċiżjoni sovrana tal-poplu, dik id-deċiżjoni ma tkunx torbtok, bħalma jidher li qed jgħid il-partit Laburista fil-kuntest tar-referendum li għad irid jinżamm f'Malta dwar l-Unjoni Ewropea.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mill-5 ta' Jannar, 2000 sal-10 ta' Settembru, 2000 lill-ħaddiema kollha fid-dipartiment u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jagħti raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (BORG, JOE)
Bejn il-5 ta' Jannar u l-10 ta' Settembru 2000, żewġ ħaddiema ġew trasferiti fuq talba tagħhom stess, waqt li ħaddiem ieħor Għawdxi ġie trasferit f'dipartiment Għawdex għax kien imissu hu, kif inhi l-prattika f'każijiet bħal dawn.
Il-proċess tat-trasferimenti ta' ħaddiema fis-Servizz Pubbliku huwa proċess kontinwu u dan kemm għall-ġid tas-Servizz kif ukoll tal-ħaddiema nfushom.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każijiet ta' serqiet mid-dipartimenti u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru matul l-1999 u din is-sena?
X'oġġetti ġew irrapportati nieqsa f'dawn is-serqiet u x'valur għandhom?
X'passi ttieħdu u qed jittieħdu dwar dawn il-każijiet?
Response (BORG, JOE)
Bejn l-1 ta' Jannar 1999 u t-30 ta' Settembru 2000 kien hemm tlett każijiet ta' serq li kienu jinvolvu valur ta' inqas minn ħames mitt lira. Tnejn minn dawn is-serqiet kienu jikkonċernaw żewġ ambaxxati Maltin u ġew rapportati lill-pulizija tal-pajjiż konċernat. L-oħra seħħet lokalment u ġiet mistħarrġa minn Board Intern ta' Investigazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti hux qed jitlob li jkollu sehem fit-taħdidiet ta' l-IGC ta' l-Unjoni Ewropea?
Response (BORG, JOE)
Il-Gvern Malti kien mistieden f'Ġunju li għadda sabiex jieħu sehem f'laqgħa dwar il-Konferenza Intergovernattiva (mal-pajjiżi applikanti) li saret fi Brussel. Inoltre ser issir laqgħa Ministerjali fit-23-ta' Novembru 2000 f'Sochaux, għall-applikanti kollha, taħt il-Presidenza Franċiża. Jien ipparteċipajt fil-laqgħa ta' Ġunju u bi ħsiebni nieħu sehem fil-laqgħa ta' Novembru.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar l-inkwiet u t-tixrid tad-demm li kien hemm dan l-aħħar fil-Lvant Nofsani?
Response (BORG, JOE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-istqarrija li l-Ministeru ħareg fil-5 ta' Ottubru 2000 u ta' l-istatement li għamel ir-rappreżentant Permanenti Malti għall-Ġnus Magħquda fi New York nhar il-5 ta' Ottubru 2000.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — Impjegati ġodda
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-5 ta' Jannar, 2000 sal-10 ta' Settembru, 2000? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi?
Jekk jirriżulta li ġew impjegati mingħajr ma ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għal imsemmi impjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għal imsemmi mpjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru riċevimenti u ikliet mill-ministeru - dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-31 ta' Awissu, 2000?
Jista' jgħid separatament f'kull każ x'kienet l-okkażjoni, u kemm laħqet l-ispiża?
Response (BORG, JOE)
Kif ġa kelli l-opportunita nwieġeb l-Onorevoli Interpellant f'okkażżjonijiet oħra, sakemm ma ningħatax raġuni l-għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba. Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onorevoli Membru għall-allokazzjonijiet għall-Hospitality li hemm fl-Estimi Ġenerali taħt il-vot tal-Ministeru tiegħi.
Jista' l-Ministru jgħid x'qed jitħallsu l-ambaxxaturi Maltin li huma non-resident barra l-pajjiż?
Jista' l-Ministru jagħti lista komprensiva tagħhom?
Response (BORG, JOE)
L-ambaxxaturi Maltin li huma non-resident barra l-pajjiż jirċievu honoraria ta' Lm2,000 fis-sena w rimbors ta' massimu ta' Lm25 fis-sena għal-telephone calls. Matul il-perjodu li jkunu fuq żjara uffiċċjali huma jitħallsu wkoll daily subsistence allowance skond ir-rati li jiġu stabbiliti perjodikament mill-Management and Personnel Office tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' dawn l-ambaxxaturi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew fi spejjeż il-fuljetti li ntbagħtu lill-familji Maltin mill-MIC bl-isem "L-Unjoni Ewropea" x'tfisser għalih"?
Response (BORG, JOE)
Il-fuljetti li ntbagħtu lill-familji Maltin miċ-Ċentru ta' Informazzjoni dwar Malta u l-Unjoni Ewropeja bl-isem ta' "L-Unjoni Ewropeja: Xi Tfisser Għalija?" swew b'kollox Lm9,380. B'kollox qed jintbagħtu 150,000 kopja ta' dan il-fuljett, jiġifieri f'kull dar f'Malta u Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid meta saru l-laqgħat mal-Koperattiva tat-Tjur, kif jidher fl-NPAA, ta' l-avis li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Settemrbu ta' din is-sena? X'punti tqajmu mill-koperattiva dwar l-iżvantaġġi rispettivament?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta saru l-laqgħat mal-Koperattiva tal-Produtturi tal-Bajd, kif jidher fl-NPAA, ta' l-avis li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Settemrbu ta' din is-sena? X'punti tqajmu mill-koperattiva dwar l-iżvantaġġi rispettivament?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta saru l-laqgħat ma' l-industrijalisti ta' l-Imbid lokali, kif jidher fl-NPAA, ta' l-avis li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Settemrbu ta' din is-sena? X'punti tqajmu mill-koperattiva dwar l-iżvantaġġi rispettivament?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta saru l-laqgħat mas-sidien tar-ristoranti u lukandi,
kif jidher fl-NPAA, ta' l-
avis
li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Settemrbu ta' din is-sena? X'punti tqajmu mill-koperattiva dwar l-iżvantaġġi rispettivament?
Response (BORG, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.