Legislature:
Category:
Reset
Active:

Prezzijiet tal-fuel oil

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 18238, 18538 u 18853 u jgħid b'liema prezz xtratu l-Enemalta l-fuel oil matul l-2005 u l-2006, xahar b'xahar? Jista' jagħti l-prezz medju, xahar b'xahar, matul l-istess perijodu fi swieq internazzjonali? Jista' jagħti r-rata tal-kambju ta' dollaru meta mqabbel mal-lira Maltija fid-data ta' kull pagament jew ħlas li jkun sar mill-Enemalta għal fuel oil matul l-2005 u l-2006?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Enemalta tuża l-Platts Average Med. bħala "reference price" għax-xiri tal-"fuel oil" liema prezz l-Onor. Interpellant jista' jarah fuq il-"website" relattiva. Il-prezz attwali meta mixtri "spot" hu, iżda, irħas minn dak tas-suq minħabba l-arranġamenti kummerċjali li l-Enemalta tagħmel ma "suppliers" tagħha u ma jidhirlix li jekk niżvela dan id-"discount" kummerċjali nkun qed ngħin lill-Enemalta. Irrid ngħid ukoll illi l-Enemalta ilha tagħmel "short term hedge purchases" mis-sena l-oħra. Rigward ir-rata tal-kambju tad-dollaru Amerikan, l-Onor. Interpellant jista' jara l-"web site" tal-Bank Ċentrali iżda ngħarrfu wkoll illi anki hawn ilu jsir "hedging" mill-2004.

Impriżi Kummerċjali

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kien id-dħul annwali fis-sena 2005 mingħajr surcharge mill-Enemalta u l-WSC għal dawn l-impriżi kummerċjali: a) micro impriżi (inqas minn għaxar impjegati) b) impriżi żgħar (anqas minn 50 impjegati) c) impriżi medji (anqas minn 250 impjegati) d) impriżi bil-fuq minn 250 impjegati? X'ikun l-ammont tas-surcharge matul is-sena 2006 kieku l-konsum ikun bħal ta' l-2005?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-enemalta ma żżommx din it-tip ta' nformazzjoni u b'hekk risposta ma tistax tingħata.

Industrija tal-Films

Question

B'riferenza għar-request for proposal għall-industrija tal-films maħruġa mill-Ministeru tiegħu, jaħsibx il-Ministru li wara seba' snin topera il-film commission ma tafx eżattament fejn huma l-gaps fl-industrija lokali tal-films?

Response (GATT, AUSTIN)

“Hi prattika normali fl-aspetti kollha ta’ l-amministrazzjoni li l-Gvern jaħdem biex jantiċipa l-futur u ma jistrieħ qatt fl-isforz li jiżviluppa l-opportunitajiet ekonomiċi. “Il-Gvern qed ifittex konsulenza minn esperti kompetenti fil-qasam ta’ l-industrija ċinematografika biex issir analiżi tad-differenza bejn ir-riżorsi li għandna u x’għandna bżonn biex nilħqu l-viżjoni tagħna għall-industrija tal-films fl-2010. L-industrija taċ-ċinema hi ta' natura internazzjonali u t-tendenzi jinbidlu spiss u malajr. Il-'gaps' li rridu nsibu u nsolvu jridu jitqiesu f'dan il-kuntest internazzjonali. “Anke jekk kompetenza biex isir dan l-istudju tista’ teżisti fil-Gvern stess, il-Gvern iħoss li n-natura internazzjonali ta’ dan in-negozju jeħtieġ input estern u parir li jippermettilna nieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar il-futur ta’ l-industrija.”

TECOM — Qasam tal-mobile telephony

Question

Billi meta ftit ilu staqsejt lill-Ministru jekk hux minnu li fil-qasam tal-mobile telephony it-TECOM kienu għadhom fl-infanzja tagħhom, il-Ministru qal li jwieġeb meta jiġi ffirmat il-ftehim, issa li ġie ffirmat il-ftehim mal-Maltacom jista' iwieġeb kif wiegħed li se jagħmel dwar dan is-suġġett speċifiku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni kollha dwar il-proċess tal-privatiżżazzjoni - inkluż il-ħiliet tekniċi tat-Tecom Investments - tpoġġew fuq il-mejda tal-kamra. M'għandix dubbju li l-Onor Interpellant, bħala kelliem ta' l-Oppożizzjoni dwar l-ICT, jifhem u japprezza kemm illum il-bidliet f'dan il-qasam huma riflessi mill-kapaċita' teknologika fl-oqsma ta' l-IP u l-konverġenza, bir-rilevanza tal-linji fissi u dawk mobile dejjem tonqos. Aktar minn hekk, il-fatt li tkun emerging player m'huwiex argument ta' infanzja jew maturita'. F'dan il-qasam jgħoddu l-viżjoni, il-ħiliet tekniċi (li jinxtraw) u l-investiment. Pajjiżna kien xhud ewlieni ta' din ir-realta' meta Vodafone UK iddeċidew li jużaw lil Malta bħala l-ewwel pajjiż li fihom internazzjonalizzaw il-prodott tagħhom. U meta l-Vodafone fl-"infanzja" tagħhom investew f'Malta, l-oppożizzjoni kienet kontra l-liberazizazzjoni tal-komunikazzjoni u kontra li l-Vodafone tingħata monopolju għal għaxar snin. Iż-żmien ta parir min kellu raġun!

Ishma tal-Maltacom

Question

Il-gvern f'xi stadju jew ieħor ikkonsidra li flok jagħti l-ishma tal-Maltacom lill-barranin joffri l-ishma li ried jiddisponi minnhom lill-pubbliku Malti u jekk iva, x'wasslu biex ibiddel fehmtu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li għalkemm il-Gvern jemmen li l-MSE għandu rwol importanti fil-qasam Finanzjarju ta' pajjiżna, f'dan il-każ ħass li l-aħjar direzzjoni strateġika fil-Maltacom kienet dik li l-ishma jinbiegħu lil sieħeb strateġiku. Dan sar għal tlett raġunijiet prinċipali: Id-Dħul tal-Maltacom min sorsi tradizzjonali kien qiegħed dejjem jonqos; Il-Konverġenza bejn it-telecoms u l-IT kienet qed iseħħ b'pass mgħaġġel wisq biex il-Maltacom tlaħħaq magħha bil-ħiliet interni tagħha biss; Id-dinja tat-telecoms kienet (u għadha) qiegħda tikkonsolida lilha nnifisha u l-Maltacom (f'suq liberalizzat) kienet ser issibha diffiċli ħafna biex iżomm il-profitabbilita' tagħha f'dan it-tip ta' ambjent. Ninforma wkoll lill-Onor Interpellant li l-kunsiderazzjonijiet kontra li l-Gvern ibiegħ l-ishma fuq l-"stock exchange" kienu wkoll: ma hemm ebda garanzija li l-ishma kienu jinxtraw mill-Maltin u mhux mill-barranin anzi, in vista tal-ammont ta' ishma (fuq 60 miljun) kien probabilment li l-maġġoranza jittieħdu mill-barranin; ma kien ikun hemm ebda kontroll fuq min jixtri l-ishma u konsegwentament fuq min se jkollu kontroll fuq il-Maltacom; il-Gvern kien assolutament kontra l-politika tal-ex Gvern Laburista mmexxi min Dr.Sant li poġġa l-ishma tal-Maltacom fuq l-"stock exchange" ta Londra bħala "bearer shares".

Maltacom

Question

Il-gvern ma kienx iħoss li kien ikun għaqli li kieku kkonsulta lill-Maltacom qabel ħa dan il-pass drastiku tal-privatizzazzjoni totali speċjalment fid-dawl ta' l-istrategic plans li kellha mħejjija l-korporazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Business Plan li kienet għadha kemm lestiet il-kumpanija ntuża bħala punt importanti ta' riferenza fil-proċess ta' l-għażla. Ninforma wkoll lill-Onor Interpellant li l-Gvern, permezz tal-Privatisation Unit, ta' lill-Bord tal-Maltacom dik l-informazzjoni kollha li kien dovut itih fl-istadji kollha tal-proċess.

Maltacom

Question

Il-gvern ma jaqbilx mal-fehma pubblika li biegħ il-Maltacom b'din l-għaġġla kollha minħabba konsiderazzjonijiet tad-dejn nazzjonali ħalli jiġi konformi ma' 'l hekk imsejħa Maastricht Criteria?

Response (GATT, AUSTIN)

Ma nqisx lill-Onor. Interpellant bħala rappreżentant ta’ l-opinjoni pubblika jekk mhux dik minoritarja. Lanqas ma’ nifhem x’irid ifisser l-Interpellant meta jgħid li l-bejgħ tal-Maltacom sar “b’għaġġla”. Fuq fuq, il-proċess ta’ privatiżżazzjoni tal-Maltacom huwa kif ġej: Marzu 2004: Il-Gvern iddeċieda li jipprivatiżża l-Maltacom Lulju 2004: Il-Privatisation Unit ħatret lil Lehman Brothers Europe u lil Camilleri Preziosi Advocates biex jassistuha fil-proċess Lulju 2005: Lehman Brothers Europe ħarġu f’isem il-Gvern sejħa internazzjonali għal Offerti non-binding għal Sieħeb Strateġiku biex jieħu f’idejh is-60% ta’ l-ishma tal-Maltacom plc li qegħdin għand il-Gvern Ottubru 2005: Il-Privatisation Unit irċeviet ħames offerti non-binding Jannar 2006: Il-Privatisation Unit irċeviet żewġ offerti finali Jannar 2006: Il-Privatisation Unit ħatret lill-Analysys u lill-Garnter biex jassistuha fil-proċess b’konsulenza fl-oqsma strateġiku u tekniku Marzu 2006: Il-Privatisation Unit tat parir lill-Gvern li jibdew negozjati fuq bażi esklussiva ma Tecom Investments April 2006: Il-Kabinett approva l-parir tal-Privatisation Unit u awtoriżża l-bidu tan-negozjati fuq bażi esklussiva ma’ Tecom Investments Minn dan jidher ċar li dan kien proċess li ħa ż-żmien tiegħu apparti ż-żmien qabel Marzu 2004 li fih kienu ikkunsidrati r-rotot differenti għal futur tal-Kumpanija. Iżda anki jekk jitħalla barra dan iż-żmien ta’ tħejjija l-proċess kien twil 26 xahar u fil-fehma tiegħi f’ebda stadju ma kien hemm ebda għaġġla partikulari għal konklużjoni tiegħu. Il-proċess kollu bid-dokumenti kollha relevanti tpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Barra minn hekk l-Onor. Interpellant hu mistieden jirreferi għal dokumenti pubbliċi, inklużi l-minuti tas-seduti tal-Kamra, fejn kemm il-darba ingħatat spjegazzjoni dwar ir- raġunijiet għal Privatiżżazzjoni.

TECOM

Question

Ma jidhirlux il-gvern li bil-profitti li qed tagħmel il-Maltacom bħalissa, TECOM se jkunu f'pożizzjoni li jiffinanzjaw minn fuq dahar il-Maltacom in-nefqa kapitali u l-investiment tagħhom fi Smartcity@Malta?

Response (GATT, AUSTIN)

Nispera li din il-Mistoqsija ta' l-Onor. Interpellant hija riżultat ta' xi lapsus min naħa tiegħu: 1. Dak li qiegħed jimplika l-Onor. Interpellant huwa aġir illegali minħabba li azzjonist maġġoritarju ikun qiegħed jikkalpesta d-drittijiet ta' l-azzjonisti l-oħra, m'għandix dubju li l-Onor. Interpellant dan jafu; 2. L-investiment li Smart City@Malta ser issir direttament permezz tat- Tecom u mhux tramite il-Maltacom; 3. Għalhekk azzjonist għandu kull dritt sagrosant li jagħmel dak li jidhirlu hu bis-sehem tiegħu tal-profitti tal-kumpanija, il-Gvern, permezz tas-Share Purchase Agreement, rabat lil Tecom li fit-tliet snin li ġejjin jagħmlu investiment ta' 68 million euro. 4. L-investimenti fil-Maltacom u fi SmartCity@Malta ser isiru permezz ta' żewġ vejikoli kummerċjali differenti.

Triq il-Kapuċċini Ħaż-Żabbar — Arblu tad-dawl

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta mistenni jinbidel l-arblu tad-dawl li jinsab fi Triq il-Kapuċċini Ħaż-Żabbar, u li jinsab f’kundizzjoni ħażina u ta’ periklu?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li minn investigazzjoni li saret fi Triq il-Kapuċċini Ħaż-Żabbar, ma jirriżultax li hemm xi arblu li jinsab fi stat perikoluż.

Kont tad-dawl u ilma

Question

Jista’ l-Ministru jinvestiga il-kont tad-dawl u l-ilma tal-persuna mill-Imsida li d-detallji dwarha qed jintbagħtu separatament u li hija armla li toqgħod waħedha?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-kont huwa korrett. Wara li ġie nieqes żewġha, l-kont inqaleb fuq isimha u r-rata nqalbet minn waħda ta' assistenza soċjali għal waħda domestika.

Maltacom

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19175 u jgħid jekk kienx hemm persuni oħra, apparti il-privatisation unit li kienu involuti fit-taħditiet ma' l-Emirates International Telecommunications (M) Ltd. dwar il-privatizzazzjoni tal-Maltacom? Jekk iva, min kienu?

Response (GATT, AUSTIN)

Apparti mill-Privatisation Unit il-persuni l-oħra li kienu involuti fil-privatiżżazzjoni tal-Maltacom kienu dawn: Camilleri Preziosi: Dr. Louis de Gabriele Dr. Laragh Cassar Lehman Bros. Europe: Mr. Todd Berman Ms. Tonia Albano Mr. Dmitri Sedov Gvern ta’ Malta: Mr. Claudio Grech Evaluation & Adjudicating Committee: Mr. Emanuel Ellul – Chairman Mr. Lawrence Zammit Mr. Chris Grech Mr. George Sammut Gartner UK Ltd.: mgħejuna minn Mr. Juan Borg Manduca Analysys Mason Group: mgħejuna minn Mr. Philip Micallef

TECOM

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta tat-TECOM qalu li daħlu għal Smart City għax ħadu l-Maltacom ukoll, il-Ministru qal li f'moħħhom seta' kien hekk iżda f'moħħ il-gvern il-ħsieb kien differenti. Jista' il-Ministru jgħid fir-realta' u f'moħħ il-poplu x'inhi l-fehma ġenerali mill-feedback li huwa kellu bħala gvern dwar dan?

Response (GATT, AUSTIN)

Kuntrarju għall-Onorevoli Interpellant ma nippretendix li nkun naf x'hemm "f'moħħ il-poplu" u lanqas ma nippretendi li l-poplu lkollu idea waħdanija fuq xi ħaġa bħal din. Jgħoddu biss il-fatti. Il-fatti huma: Il-prezz li bih inbiegħet il-Maltacom ma kienx negozjat fuq ebda bażi ħlief il-valur tal-kumpanija. Dawn in-negozjati tmexxew mill-Privitisation Unit li ta lill-Gvern il-parir li l-ishma jinbiegħu. Il-parir kien ibbażat fuq parir minn tlett ażjendi internazzjonali - Lehman Brothers Europe, Analysys u Gartner - dwar x'kellhom ikun l-aspettattivi ta' prezz. L-offerta finanzjarja ta' Tecom Investments kienet l-ogħla waħda wara sejħa dinjija għall-offerti. Jiġifieri kieku l-offerta ta' Tecom ma kenitx l-għola, ma kenitx se tingħażel hi minħabba li kienu qed joffru li jinvestu fi SmartCity@Malta. Il-ftehim preliminari dwar SmartCity@Malta kien iffirmat seba' ġimgħat qabel ma' ntlaħaq il-ftehim dwar il-Maltacom. Dawn huma l-fatti. Hu preżumibilment fatt li Tecom Investments daħlu kemm għal SmartCity u kemm għal Maltacom għax għalihom iż-żewġ proġetti jagħmlu sens u għaliex jemmnu fil-potenzjal tal-pajjiż. Iżda dan il-fatt la kellu għalfejn jinfluwenza l-pożizzjoni tal-Gvern u lanqas fil-fatt influwenzha.

TECOM

Question

Jista' il-Ministru jgħid f'termini speċifiċi x'inhuma l-benefiċċji u value added li se jikkontribwixxu TECOM jekk verament jikkwalifikaw bħala sieħba strateġiċi fil-Maltacom?

Response (GATT, AUSTIN)

Tecom Investments intrabtet li tassigura li taħdem ma’ l-istrateġija tal-Gvern fil-politika ta’ żvilupp tat-teknoloġiji ta’ l-informazzjoni u l-kommunikazzjoni. F’dan il-kuntest Tecom Investments intrabtet kif ġej: 1. Li tagħmel investiment kapitali ta’ €68 miljun fin-netwerks fissi u tal-mobalj sa l-2009; 2. Li tibdel lill-Maltacom f’waħda mill-fornituri ewlenin tal-quadruple play fil-Mediterran; 3. Li tagħmel lill-Malta bħala l-fus ta’ l-espansjoni tagħha fl-Ewropa u fl-Afrika ta’ Fuq; 4. Li tesporta l-mudell ta’ Dubai li toħloq clusters teknoloġiċi mibnija madwar infrastruttura aġġornata f’Malta; 5. Li tappoġġa l-isforz biex Malta ssir fost l-iprem ekonomiji fir-reġjun mibnija fuq it-teknoloġiji; 6. li sa tmiem is-sena d-dieħla: a. ittejjeb is-servizzi u l-pakketti li toffri lill-klienti tagħha; b. tiżviluppa prodotti ta’ Voice over Broadband u Voice over IP; c. tisfrutta l-prodotti ta’ l-Interoute biex toffri prodotti aħjar ta’ data lill-ażjendi f’Malta; d. tinvesti f’infrastruttura avvanzata t’IP; e. tinvesti fit-titjib tal-bandwidth internazzjonali; f. tipprovdi kontenut diffirenzjat; g. tipprovdi n-netwerk DTTV; h. tipprovdi n-netwerk 3G; i. toffri servizzi f’daqqa ta’ voice, data u video; j. ttejjeb il-konverġenza bejn servizzi fissi u mobajl; 7. li sa tmiem l-2010: a. tintroduċi settijiet IP u apparat ieħor b’valur miżjud; b. tiżviluppa prodott li jikkombina l-ADCL u l-BWA; c. iżżid il-kapaċità tat-trażmissjoni; d. tiżviluppa l-IPTV biex jikkumplimenta d-DTTV; e. tintroduċi servizzi ta’ video-on-demand; f. tintroduċi l-WiMax; g. tikkombina n-netwerks tat-3G u l-WiMax; h. tintegra l-operat tal-linji fissi u tal-mobajl; i. toffri prodotti ta’ quadruple plau; j. tiżviluppa Next Generation Network; 8. li sa tmiem l-2010 wkoll tipprovdi lill-klienti: a. numru tat-telefon wieħed għal servizzi fissi u bil-mobajl; b. punt wieħed ta’ kuntatt għax-xiri, ħarsien tal-konsumaturi u għajnuna; c. aċċess għal applikazzjonijiet differenti minn ambjenti differenti; d. kaxxa postali elettronika waħda għas-servizzi kollha; e. kont wieħed għas-servizzi kollha; 9. li ta’ l-anqas għat-tliet snin li ġejjin iżżomm l-impjegati kollha bil-kundizzjonijiet tax-xogħol eżistenti; 10. li mill-anqas sa l-2010: a. tibqa’ tħallas għas-sussidji lil min għandu l-karta r-roża; b. tibqa’ tipprovdi s-servizz tat-Telecare; c. tibqa’ tipprovdi s-servizz TAFDA; d. tibqa’ tiffinanzja l-programm edukattiv li jippromwovi s-soċjetà ta’ l-informazzjoni; e. tibqa’ tipprovdi s-servizzi speċjali lill-impjegati irtirati tal-Maltacom; f. tibqa’ tipprovdi s-servizzi fiċ-Ċentri fil-Kommunità għat-Tagħlim dwar it-teknoloġija; 11. li matul is-sentejn li ġejjin iżżid is-servizzi tat-Telecare għal elf persuna oħra; 12. li tintroduċi pakkett ta’ Always On Broadband f’offerta ta’ darba lil erbat elef familja; 13. li tipprovdi pakkett ta’ Always On Broadband bi skont ta’ 40% għal 600 persuna b’diżabilità u 400 għaqda filantropika u m’hux governattiva; 14. li tidħol għal programm mal-Kordin Business Incubation Centre biex tħajjar imprendituri Maltin ikabbar l-kapaċità tagħhom u tħejjijhom għal attività ta' ekonomija internazzjonali; 15. li tipprovdi Lm200,000 bejn l-2007 u l-2009 għall-promozzjoni tas-Soċjetà ta’ l-Informazzjoni; 16. li tgħin biex mill-2008 jkun hemm mitt student kull sena fl-MCAST jistudja l-imprenditorija fit-teknoloġija; 17. li tgħin biex mill-2008 jkun hemm ħamsin student kull sena fl-MCAST jistudja l-midja diġitali; 18. li tipprovdi ħamsin post tax-xogħol tas-sajf kull sena għall-istudenti fil-qasam tat-teknoloġija. Naturalment dan kollu hu b’żieda mal-prezz li għalih ġew trasferiti l-ishma.

Żejtun — Bdil ta' kanen u mains ta' l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 19082 u 19222 u jgħid permezz tal-water services corporation meta hemm il-ħsieb li jsiru xogħlijiet ta' bdil ta' kanen u mains f'diversi toroq fiż-Żejtun? Minħabba diversi ilmenti minn residenti f'toroq differenti li qed jilmentaw minn pressa baxxa ta' l-ilma, provvista irregolari ta' l-ilma kif ukoll ilma bis-sadid, jista' il-Ministru jgħid jekk dawn l-ilmenti waslux għand il-water services corporation? Jekk iva, hemm il-ħsieb li jibdew ix-xogħlijiet biex dan l-inkonvenjent tar-residenti jiġi rrimedjat? Meta se jibdew dawn ix-xogħlijiet u f'liema toroq?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ilha tirċievi lmenti dwar ilma bis-sadid f'diversi toroq fiż-Żejtun. Fil-fatt, ftit taż-żmien ilu saru pjanijiet biex jitwettqu żewġ proġetti ta' bdil ta' mejnijiet f'diversi toroq fiż-Żejtun. Iż-żewġ inħawi huma magħrufa bħala Tal-Ħniena u Tal-Kantur. Wara li tlestew dawn il-pjanijiet, inħarġu żewġ kuntratti lil kuntratturi differenti f'Novembru u Diċembru li għadda. Il-kuntratturi bdew il-preparamenti biex isir dan ix-xogħol u applikaw għall-permessi ta' tħaffir meħtieġa. Il-Kunsill Lokali taż-Żejtun pero' għamel kundizzjoni li biex il-KSI twettaq dan il-proġett, din għandha tintrabat li tiksi l-wiċċ kollu tat-toroq bit-tarmac. Il-KSI ma tħossx li dan hu ġust u għandha tintrabat biss biex tiksi dawk it-trinek li ser jinqalgħu biex isir dan il-proġett. Saru diversi laqgħat u korrispondenza bejn il-Kunsill u uffiċċjali tal-KSI iżda s'issa għadu ma ntlaħaqx ftehim. Il-Kunsill mhux lest li jagħti l-permessi meħtieġa jekk ma jinkesiex bit-tarmac il-wiċċ kollu tat-toroq. Sabiex tikkomplika l-affarijiet, jien infurmat ukoll li dan l-aħħar xi partijiet minn dawn il-mejnijiet antiki komplew jinstaddu u r-residenti issa qed isofru wkoll minn nuqqas fil-provista tal-ilma. Bħalissa l-aktar li qed ibgħatu minn dan in-nuqqas huma r-residenti ta' Triq Vendome. Wieħed jittama li l-Kunsill ma jdumx ma jagħti l-permess biex jitwettaq dan ix-xogħol sabiex it-tbatija tar-residenti tittaffa mill-aktar fis .

Kordin — Ħażna ta' fuel

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19049 u jagħti informazzjoni dettaljata għal dawn l-aħħar għaxar snin ta' kemm-il darba ntużaw it-tankijiet ġewwa Kordin biex jinħażen il-fuel? Jista' jikkonferma jekk kenitx twaħħlet is-sistema protettiva (fire protection) kif kien stipulat fl-applikazzjoni PA5814/94?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li f'dawn l-aħħar għaxar snin it-tankijiet ġewwa Kordin qatt ma ntużaw. Peress li t-tankijiet qatt ma ntużaw ma kienx hemm il-bżonn li titwaħħal is-sistema protettiva (fire protection).

Gozo Channel

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 17849 u jgħid għal kull sena mill-1992 'il hawn x'kien id-dħul tal-Gozo Channel Co mill-bejgħ ta' biljetti għat-trasport ta' vetturi ta' merkanzija (a) minn/għal Sa Maison u (b) minn/għaċ-Ċirkewwa? Kemm saru vjaġġi minn u għal Sa Maison? Kemm kienet l-ispiża totali għat-tħaddim tas-servizz ta' Sa Maison u x'kienu l-komponenti ta' l-ispiża?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Call for Applications

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk kienx hemm call for applications għall-karigi ta' segretarju permanenti, diretturi ġenerali, diretturi u assistenti diretturi matul is-snin 2004 u 2005 fid-dekasteru tiegħu? F'każ li fl-affermattiv, jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-order of merit finali ta' l-applikanti għal kull kariga rispettiva? Jista' jgħid jekk hux f'kull każ il-persuna klassifikata fl-ewwel post ħadet l-appointment? F'każ li l-appointment ma ħaditux il-persuna klassifikata numru wieħed, jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 18490. Rigward Assistenti Diretturi, ma kienx hemm 'call for applications'.