Jista' il-Ministru jpoġġi kopja tar-ratifika tal-Council of Europe's il-European Social Charter (LN 204/99) u l-provision act (cap 318) tas-social security?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-Avviż Legali 204/99 (European Social Charter Order, 1999) li kien ġie mqiegħed fuq il-Mejda ta' din il-Kamra u ppublikat fil-gażżetta tal-Gvern tat-23 ta' Novembru 1999.
Bis-saħħa ta' dan l-Avviż, il-provvedimenti ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318) ġew estiżi għall-ċittadini ta' pajjiżi membri tal-Kunsill ta' l-Ewropa li għandhom residenza tagħhom hawn Malta.
Jista' il-Ministru jgħid kemm tqassmu postijiet mid-dipartiment tal-akkomodazzjoni soċjali minn Settembru 98 sal-lum? Fejn kienu dawn il-postijiet u mnejn kien kull min ibbenefika?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali alloka 631 post minn Settembru 1998 sallum imxerrdin ma' Malta kollha lill-applikanti minn madwar Malta. Dawn jinkludu r-rikonoxximenti.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm familji li għadhom ma rċevex ic-children's allowance? X'inhi r-raġuni wara dan id-dewmin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li n-numru ta' talbiet pendenti jammonta għal madwar 1,700. Id-dewmien jista' jkun riżultat ta' diversi fatturi u l-aktar komuni huma li t-talba ma tkunx imtliet kif suppost, ma jkunux ġew sottomessi d-dokumenti meħtieġa jew li t-talba tkun intbagħtet tard.
Peress li x-xogħol fuq il-Cottonera Resource Centre jidher li miexi sew, jista' il-Ministru jgħid meta ser ikun inawgurat il-post? Liema agenziji u dipartimenti ser jibdew jaħdmu minn hemm? Meta ser tibda tiffunzjona minn hemm kull aġenzija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Cottonera Community Resource Centre ser jinfetaħ uffiċjalment sa l-aħħar ta' din is-sena. Dan hu ċentru ta' aċċess għad-drittijiet soċjali għall-komunita' tal-Kottonera kif ukoll iservi ta' riżorsa għall-istess komunita'.
L-aġenziji li ser joperaw minn dan il-post huma: l-aġenzija APPOĠĠ, id-dipartiment tas-Sigurta Soċjali, l-ETC u s-sezzjoni tad-diżabilita' fi ħdan id-dipartiment tal-kura ta' l-anzjani.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' dawk il-barranin li qed jieħdu l-benefiċċji taħt is-social security act (cap 318) minn meta daħlet fis-seħħ l-immigration act?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Naħseb li l-Onor. Interpellanti qed tirreferi għall-Avviż Legali numru 291 ta' l-2001 jiġifieri l-Ordni ta' l-2001 dwar is-Sigurta' Soċjali (Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istatus tar-Refuġjati).
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li ma tinżammx statistika ta' persuni li kkwalifikaw bis-saħħa ta' dan l-Avviż Legali.
Jista' il-Ministru jagħti figuri xahar b'xahar tan-numru ta' persuni li tilfu l-impjieg tagħhom minn Jannar 2002 sal-lum? Jista' jaqsamhom skond minn liema settur kienu ġejjin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir xi proġett ta' slum clearance fl-area ta' Santa Liena Bormla? Jekk fl-affermattiv jista' jagħti indikazzjoni fejn ser jintlaqat u meta hemm il-ħsieb li jibda x-xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru rapporti minn Jannar 2002 sal-lum lid-dipartiment tal-labour office minn ħaddiema li allegaw li sara xi abbuż fuqhom mill-employers tagħhom? Jista' dawn l-abbużi jiġu kklassifikati u jgħid ukoll x'sar f'kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li, minn Jannar 2002 sallum, id-Dipartiment għall-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali ma rċieva ebda rapport minn ħaddiema li allegaw li sar xi abbuż fuqhom mill-prinċipal tagħhom.
Ta' min jgħid li l-liġi preżenti li tirregola l-kundizzjonijiet ta' l-impjieg ma tagħti ebda poter lid-Dipartiment jew lil xi entita' biex jiġu nvestigati allegazzjonijiet ta' fastidju fuq il-post tax-xogħol. Dan in-nuqqas issa ġie ndirizzat permezz tal-liġi l-ġdida li qed nipproponu dwar l-Impjiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru rapporti xahar b'xahar din is-sena, ta' ħaddiema barranin jaħdmu bla permess? Fejn kienu l-impjiegi marbuta ma' dawn ir-rapporti? X'sar f'kull każ u x'kien ir-riżultat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru l-airconditions ġewwa t-teatru f'St. Vincent de Paule Residence fejn bħalissa hemm l-anzjani?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-anzjani li qegħdin jabitaw temporanjament fit-teatru, qegħdin jgħixu fl-akbar kumdita' u fejn kien hemm il-bżonn ġie nstallat ukoll l-aircondition.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx records ta' anzjani li ma għandhom lil ħadd li jiġi minnhom u jinsabu ġewwa St. Vincent de Paule? Jekk iva, kemm huwa n-numru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-Residenza ta' San Vinċenz mhemmx rekords ta' dan it-tip.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għadhom ma irċevewx il-benefiċċju supplimentari taħt liema benefiċċju kienu jaqaw u meta ser jirċevuh?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi din is-sena d-Dipartiment irċieva 26196 talba għall-Allowance Supplimentari.
Minn dan l-ammont 25018 ġia' intlaqgħu u l-benefiċċjarji rispettivi tagħhom ġia' bdew jirċievu l-ħlas dovut lilhom bħala Allowance Supplimentari.
Inżid ukoll li 1155 talba ma' ġewx aċċettati, waqt li 23 talba għadhom qegħdin jiġu pproċessati minħabba nuqqas ta' nformazzjoni jew dokumenti relevanti, jew għax għadhom kif waslu fid-Dipartiment.
Qegħdin nittamaw li l-każi pendenti jiġu pproċessati hekk kif tingħata l-informazzjoni mitluba.
B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija 34952 mid-59 applikazzjoni għal skema V fil-Belt u fil-Floriana:
i) kemm minnhom ġew aċċettati? Liema minnhom kienu jeħtieġu xogħlijiet strutturali estensivi? Kemm swew f'kull każ?
ii) Kemm minnhom ma ġewx aċċettati? Liema huma? Għal liema raġuni f'kull każ?
iii) Kemm minnhom għadhom pendenti? Liema huma? F'liema stadju qegħdin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li ġew installati u qed jintużaw 5 lifts fil-Furjana u 4 fil-Belt. Dawn il-lifts swew madwar Lm112,000.
Inħarġu jew qegħdin f'fażijiet differenti ta' preparazzjoni tenders dwar lifts fi 8 blokki fil-Furjana u f'14-il blokk fil-Belt. L-ammont kemm jiswew dawn il-lifts ikun magħruf wara li jingħataw it-tenders. Il-prezz ta' kull lift ivarja skond l-kobor tiegħu u l-għoli li jkun meħtieġ jitla kif ukoll ix-xogħol strutturali li jkun hemm bżonn isir. Peress li fl-ebda blokk ma kien hemm maħsub minn qabel li ser jiġi nstallat lift kull każ jinvolvi xi xogħol strutturali.
Ninsab infurmat ukoll li kien hemm 10 applikazzjonijiet mill-Furjana u 15 mill-Belt fejn, wara spezzjonijiet li saru, għad ma nstabitx soluzzjoni kif jista' jiġi nstallat lift adekwat biex jaqdi lir-residenti li jgħixu fil-blokki rispettivi.
Mit-total ta' 59 applikazzjoni għall-installar ta' lifts fil-Belt u l-Furjana kien hemm applikazzjoni waħda mir-residenti fi blokk fil-Furjana li ġiet irtirata mill-applikanti stess, filwaqt li żewġ applikazzjonijiet minn residenti fi blokki fil-Belt ma ġewx aċċettati għax ma kienux jissodisfaw il-kriterji ta' l-iskema V.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella b'aktar dettalji dwar l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jinforma lill-anzjana li l-partikolaritajiet tagħha jidhru separatament minn din il-mistoqsija, għaliex ma ġietx aċċettata t-talba tagħha għal għajnuna medika (flus) tal-mard minkejja li din l-anzjana lanqas biss ma taqbeż l-ammont ta' Lm4000 fi flus bankarji? Tista' din l-anzjana tiġi infurmata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma l-Onor. Interpellant illi l-każ ġie investigat u nstab li l-persuna kkonċernata kienet infurmata mid-Dipartiment dwar il-pożizzjoni tagħha.
B'riferenza għal mistoqsija 34901, jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex l-informazzjoni indikata tingħata lill-Malta shipbuilding?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali beda il-proċess biex jibda jirrevedi il-pensjonijiet fejn hemm ftehim kollettiv li għadhom fis-seħħ. Diġa' tħallsu 'l-ex ħaddiema tal-"Malta Drydocks" u issa jmiss lill-dawk tal-"Malta Shipbuilding". It-taqsima tal-pensjonijiet qed tieħu ħsieb biex tibgħat l-informazzjoni dwar il-pagi biex dawn jiġu kkonfermati mill-kumpanija. Appena ssir din il-konferma jsiru ir-reviżjonijiet.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex kien twaqqaf ix-xogħol tal-konkos fl-art tal-laundry f'SVDP? Min ta' l-ordni biex dan ix-xogħol jieqaf meta kien diġa' nbeda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li x-xogħol tal-konkos fl-art tal-Laundry fl-SVPR waqaf minħabba li kien hemm xogħol iktar urġenti u mistenni jitkompla fil-ġranet li ġejjin.
Jista' il-Ministru jgħid kemm telgħet in-nefqa totali - inklużi passaġġi ta' l-ajru - fuq id-delegazzjoni li inti mexxejt fl-Afrika t'isfel in konnessjoni mal-world summit for sustainable development?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-parti tan-nefqa tad-delegazzjoni mħallsa mill-Ministeru għall-Politika Soċjali li kienet tkopri l-ispejjeż taż-żjara tiegħi u s-segretarju privat tiegħi fil-World Summit for Sustainable Development li nżammet is-South Africa kienet ta' Lm2,348.47. Dwar l-ispiża tal-kumplament tad-delegazzjoni Maltija li kienet immexxija mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent mitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.