Jista' il-Prim Ministru jgħid kif issir l-għażla ta' kull karozza mixtrija u għal liema għan tkun inxtrat tip ta' vettura minn oħra? F'dan ir-rigward nitlob li saħansitra jiġu ppreżentati t-tenders ta' kull vettura kemm mixtrija jew mikrija.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kif se jintnefqu eżatt il-Euro 805 miljun li huma mwegħda mill-Unjoni Ewropea sa l-elezzjoni li ġejja u jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra b'mod dikjarat kif se jintnefqu eżatt?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li l-flus li ġejjin mill-Unjoni Ewropea għas-snin 2007-2013 qed jiġu programmati. Iż-zewġ abbozzi ta’ programmi tal-Fondi Strutturali, Operational Programme I u Operational Programme II, ilhom pubbliċi u fuq il-websites prinċipali tal-Gvern minn Ġunju u Lulju ta’ din is-sena rispettivament. Dawn jagħtu indikazzjoni tajba ta’ kif ser jintefqu l-flus (anke b’eżempji ta’ inizjattivi), mhux biss sa l-elezzjoni iżda għas-seba’ snin li ġejjin. Il-Proġetti speċifiċi jitgħażlu formalment meta jkun hemm qbil formali bejn il-Kummissjoni Ewropea u Malta fuq il-Programmi. Dan mistenni li jintlaħaq sa’ l-aħħar ta’ din is-sena.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk id-dipartiment tal-kuntratti allokax tender għall-hardware għall-isptar Mater Dei? Jekk iva, min ħa dan il-kuntratt? Kemm jiswa? Meta ġie allokat? Il-kuntratt jippermetti sub-contracting fil-provvista tal-hardware? Jekk iva, dan is-sub-contracting sar? U lil min?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jispeċifika u jagħti aktar dettal sabiex it-tweġiba tkun tista tingħata b’mod korrett.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21834 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi u li issa ġiet riferuta lilu, jista' il-Prim Ministru jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim kollettiv li sar ma' l-għalliema?
Jista' ukoll ipoġġi kopja tal-conditions of work ta' l-istess għalliema?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Ftehim Kollettiv li sar ma’ l-għalliema, liema ftehim jelenka l-conditions of work ta’ l-istess għalliema.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kif surveyor jista' ikun indipendenti meta jiġi appuntat biex jagħmel survey fuq karozza u dan peress li jkun imqabbad dirett mill-kumpannija ta' l-assikurazzjoni? Kif inhu protett il-konsumatur f'dan ir-rigward? Għandu dritt il-konsumatur iqabbad surveyor privat, kif wara kollox isir barra minn Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għalkemm hija prattika tas-suq ta’ l-assigurazzjoni li is-surveyor jiġi appuntat minn kumpannija ta’ l-assigurazzjoni, imma huwa d-dover tas-surveyor li jisspezzjona l-ħsara u jagħmel ir-rapport tiegħu fuq il-ħsarat li soffriet karozza kawża ta’ claim. Dan ix-xogħol għandu jsir minn surveyor b’mod imparzjali. B’hekk l-iskop ta’ polza ta’ assigurazzjoni, dak li jpoġġi l-persuna assigurata fis-sitwazzjoni finanzjarja li kienet fiha qabel it-telfa, jintlaħaq. B’dan il-mod l-assiguratt (il-policy holder) jiġi protett.
Huwa veru ukoll illi l-assigurat, kif dejjem kellu id-dritt li jagħmel, jista’ huwa stess jqabbad surveyor privat biex jisspezzjona l-ħsara. F’dal-kas, l-appointment jsir għal spejjes tal-assigurat.
Jista' il-Prim Ministru jgħid liema huma dawk il-unions li qed jibbenefikaw mill-iskema tal-gvern li jipprovdi ħaddiema mis-servizz pubbliku biex jaħdmu sekondati magħhom? Kull union kemm għandha ħaddiema mis-servizz pubbliku magħha? Kif jiġu sekondati dawn il-ħaddiema? Il-gvern kemm qed joħroġ fondi pubbliċi għal dawn il-ħaddiema?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Hija l-prassi tal-Gvern li jissekonda uffiċjali minn tiegħu biex jaħdmu mal-Unions.
Il-Unions li qed jibbenefikaw fil-preżent huma il-GWU, il-UHM, l-MUT, il-MAM u l-MUMN.
Fil-preżent hemm total ta’ 15-il uffiċjal tal-Gvern fuq leave speċjali biex jaħdmu ma’ dawn il-Unions fuq bażi ta’ paga sħiħa (special paid leave on grounds of public policy) jew mingħajr ħlas (special unpaid leave on grounds of public policy), kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kif jispjega l-fatt li filwaqt li kien jgħid kemm il-bdiewa/raħħala ħadu flus matul l-2005, l-Agriculture Income Factor naqas b'5% għas-sena 2005?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-ammont ta’ għajnuniet li ingħataw lill-bdiewa fl-2005 żdiedu bi 2.1% fuq l-2004.
L-ammont ta’ għajnuna li l-bdiewa ħadu fl-2005 ammonta għall-Lm8.2 miljun. Minn dawn, Lm5.4 miljun kienu sussidji fuq produzzjoni, u Lm2.8 miljun li mhux relatati ma produzzjoni.
Fl-2004 it-total ta’ għajnuniet li ngħataw lill-bdiewa/raħħala ammontaw għal Lm8.0 miljuni. Minn dawn, Lm5.0 miljun kienu sussidji fuq produzzjoni, u Lm3.1 miljun li mhux relatati ma’ produzzjoni. (nota : minħabba rounding xi figuri jistgħu ma jaqblux eżatt).
L-Agricultural Factor Income naqas b’5% primarjament minħabba nuqqas fi qtil ta’ tjur, fejn il-valur tal-produzzjoni naqas b’24%, u fil-produzzjoni tal-patata fejn il-valur ta’ din naqas bi 11%.
Fatt ieħor naqas l-Agricultural Factor Income huwa minħabba li l-ispejjeż tal-bdiewa/raħħala żdieu b’2.3% fuq l-2004. Dan primarjament minħabba l-fatt li l-ammont ta’ flus li ntefq u fuq l-enerġija (fuels u żjut) żdied bi 22% fuq l-2004.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21840 u jgħid x'inhi r-raġuni li meta individwu jibbukkja u jħallas flight imbagħad jikkanċella ma jeħux lura l-ammont kollu ta' taxxi mħallsa fuq it-ticket? Meta t-tour operators iżommu parti minn din it-taxxa din se tasal għand il-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid f'liema stadju waslet is-sejħa għal offerti għall-I.T. għall-isptar Mater Dei?
Meta mistenni li s-sistema tkun installata kollha kemm hi u l-ħaddiema jkunu ngħataw it-taħriġ kollu kif din għandha titħaddem?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21608 u jgħid: Peress li l-Ministru in kwestjoni ma pprovdiex l-informazzjoni, jista' il-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21414?
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21541 u jgħid liema proġetti ġew finanzjati mill-fondi ta' l-Unjoni Ewropea (2005-2006)?
Sa meta jistgħu jiġu sottomessi l-kontijiet ta' dawn il-proġetti sabiex ikunu jistgħu jitħallsu minn dawn il-fondi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-lista tal-proġetti li qed jiġu finanzjati mill-Fondi Strutturali, mill-Fond ta’ Koezjoni, mill-Programm Equal u mill-Fond ta’ Transizzjoni għas-snin 2005-2006.
Fil-każ tal-Fondi Strutturali, il-preżentazzjoni tal-kontijiet mhix speċifika għall-proġett iżda għall-Fond. Kull sena jridu jiġu preżentati numru ta’ kontijiet fuq il-Fondi differenti u dawn jitgħu jkunu minn proġetti differenti. Jiena diġa għidt fid-diskors tal-baġit li Malta laħqet l-obligazzjonijiet tagħha kollha għas-sena 2006 – xhur qabel d-deadline. Dan japplika wkoll għall-Programm Equal.
Fil-każ tal-proġetti tal-Fond ta’ Koezjoni, l-aħħar data hi Novembru 2008 iżda fuq dan il-Fond l-Awtoritajiet jistgħu jitolbu estensjoni tad-deadline minħabba n-natura tal-proġetti.
Fil-każ tal-proġetti taħt il-Fond ta’ Transizzjoni, il-pagamenti jridu jsiru sa tliet snin minn mindu ġie approvat il-Programm. Dan ifisser sa Diċembru 2008 għall-proġetti taħt il-programm tal-2005 u sa Diċembru 2009 għall-proġetti taħt il-Programm tal-2006. Għal dan il-Fond hemm ukoll il-possibilta’ ta’ talba għal estensjoni tad-deadline.
Jista' il-Prim Ministru jekk jogħġbu issa jagħtini t-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19436 dwar l-investiment tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 19436
Jista' il-Prim Ministru issa jagħtini tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19436 li kont għamilt fid-29 ta' Mejju 2006 dwar l-investiment f'Għawdex mill-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 19436.
Nirriferi lill-Prim Ministru għat-tweġiba li tani għall-mistoqsija parlamentari 20215 dwar in-nefqa f'Għawdex tal-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi. Peress li din il-mistoqsija kont diġa' għamiltilu madwar tmien ġimgħat ilu, jista' jekk jogħġbu issa jagħtini t-tagħrif li tlabtu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għal-mistoqsija parlamentari numru 19436.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' taxxa li hi dovuta lura mill-gvern lit-tax payers? Jista' jgħid kemm minn dan l-ammont ilu dovut aktar minn ħames snin u għaxar snin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lil-Onorevoli Interpellant li l-ammont dovut hu ta’ Lm 16,893,206. Dan hu kollu relatat sas-sena ta’ stima 1998.
Il-liġi tat-taxxa ma tispeċifikax meta dawn l-ammonti għandhom jitħallsu. Il-liġi tat-Taxxa fuq id-Dħul tispeċifika ż-żmien meta refunds għandhom jitħallsu għal dawk is-snin ta’ stima li jiġu wara s-sena ta’ stima 1998. F’dan il-każ id-Dipartiment tat-Taxxi Interni huwa marbut li jħallas ir-refund fi żmien 6 xhur minn meta jagħlaq iż-żmien għas-sottomissjoni tal-prospett tat-taxxa jew fi żmien 12-il xahar minn meta jintbagħat il-prospett f’każ li dan jintbagħat wara ż-żmien preskritt. Fin-nuqqas id-dipartiment ikun obbligat li jħallas interessi ta’ 1 fil-mija.
Barra dan, infakkar dak li ħabbart fil-buget u nikkwota :
« Ħadna wkoll id-deċiżjoni li l-ħlas ta’ rifużjonijiet li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni għandu jagħti lil diversi individwi u kumpaniji għas-snin l-imgħoddija ma jibqgħux ikunu posposti aktar għal żmien indefinit. Għalhekk, matul is-sena d-dieħla kull minn għandu jieħu xi ħlas lura tat-taxxa se jkun infurmat bl-ammont li għandu jieħu u kif ser jitħallas. L-ammonti dovuti għandhom jitħallsu fiż-żmien stipulat. Il-medja prevista tkun ta’ 12-il xahar u tasal sa massimu ta’ 36 xahar fejn l-ammonti huma sostanzjali. Id-dipartiment ser jitrabat li jħallas imgħax ta’ 1 fil-mija fix-xahar, jekk dawn il-miri ma jintlaħqux. B’hekk ikun ittieħed pass ieħor li ma jħallix lil kulmin ħallas xi taxxa żejda fil-għama ».
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il persuna ntbagħtet għal kors fuq VTMIS? Kemm minnhom kienu jaħdmu ma' l-AFM? Xi kwalifiki għandhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmata illi fir-rigward tal-Forzi Armati ta’ Malta, 21 persuna attendew kors fil-Vessel Traffic Management Information System (VTMIS). Dawk li attendew dan il-kors għandhom kwalifiki bħal Search and Rescue Mission Coordinator, General Operation’s Certificate (GOC), Restricted Operator’s Certificate (ROC), Radio Operator (livell varji), Radar Operator (livelli varji) u Rescue Coordination Centre Controller.
Jista' il-Prim Ministru jgħid meta se jiġu stallati dawk il-faċilitajiet, bħal showers u lockers kif ukoll jiġu mogħtija ilbies protettiv sabiex dawk inkarigati mill-klandestini, b'mod partikolari l-membri ta' l-Armata, u dan stante l-preżenza ta' mard li jista' jaffettwa lill-istess membri?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi kull ċentru tad-detenzjoni ta’ l-Armata għandu faċilitajiet ta’ ‘showers’ għall-personnel li jkunu xogħol u li kull suldat għandu l-locker tiegħu. Id-differenza hi li f’Ħal Safi l-lockers huma ċentraliżżati minħabba nuqqas ta’ spazju.
Fir-riward ta’ lbies protettiv, fuq ir-rakkomandazzjoni tad-dipartiment tas-saħħa, kull suldat ġie provdut b’maskli protettivi sabiex jintlibsu fil-preżenza ta’ immigranti li jkunu qed jieħdu kura għall-kontra it-TB.
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li meta individwu jibbukkja u jħallas flight imbagħad jikkanċella ma jeħux lura l-ammont kollu ta' taxxi mħallsa fuq it-ticket? Meta t-tour operators iżommu parti minn din it-taxxa din se tasal għand il-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.