Legislature:
Category:
Reset
Active:

Tobba ta' nazzjonalita' barranija

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux ġust illi tobba barranin li jaħdmu Malta jitħallsu bħall-Maltin, pero' il-barranin ma jħallsux taxxa? Issa li dħalna fl-Unjoni Ewropea, din ma tikkwalifikax bħala diskriminazzjoni? Jikkonferma l-Ministru li tobba Maltin li jaħdmu fl-Unjoni Ewropea jħallsu t-taxxa barra minn Malta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kundizzjoni tal-impjieg tat-tobba barranin li jaħdmu fid-Diviżjoni tas-Saħħa huma skond dawk imniżżla fil-kuntratt li jingħataw minn sena għall-oħra bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. M'inix f'pożizzjoni li nikkonferma jekk it-tobba Maltin li jaħdmu fl-Unjoni Ewropeja iħallsux taxxa barra minn Malta.

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Safar minn uffiċjali pubbliċi

Question

Jista' il-Ministru jagħti l-ammont total ta' l-ispejjeż kollha involuti f'safar (trips abroad) minn uffiċjali pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, kif ukoll minn uffiċjali li jaħdmu f'enti pubbliċi li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-ministeru għas-snin 2003, 2004 u 2005 sal-lum?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-ammont totali li ntefaq fuq safar uffiċjali matul is-snin 2003, 2004 u 2005 (sa l-aħħar ta' Ġunju) mill-Ministeru/Dipartimenti u Entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi huwa kif ġej: 2003 2004 2005 (sa l-aħħar ta' Ġunju) Ministeru/Dipartimenti 98,656 95,774 58,339 Entitajiet 16,533 15,169 3,057 Irrid niċċara li, fil-każ ta' l-ispiża tal-Ministeru/Dipartimenti, l-ammonti ndikati juru n-nefqa li tidher taħt it-Travel Vote (Item28) tal-Estimi. Irrid inżid ukoll li peress li parti minn dan is-safar kien konness ma' laqgħat ta' l-Unjoni Ewropeja, l-ammont ta' Lm53,888 diġa' ġie jew għandu jiġi mogħti lura (refunded) lill-Gvern Malti.

Dipartiment tas-saħħa — Radiographers

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk fid-dipartiment tas-saħħa hemmx nuqqas ta' Radiographers? Jekk iva, kemm hu dan in-nuqqas? Kemm hemm Radiographers li ggradwaw u għadhom ma daħlux jaħdmu? Kemm se jiggradwaw f'Novembru 2005?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-Kummisjoni dwar is-Servizz Pubbliku ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet fl-24 ta' Ġunju 2005 għall-mili ta' tmien (8) postijiet ta' Radiographer (Diagnostic). Din is-sejħa tagħlaq fit-22 ta' Lulju 2005. Barra minn dan, id-Diviżjoni tas-Saħħa diġa' ngaġġat tmien Radiographers (Diagnostic) fuq bażi part-time u Radiographer (Diagnostic) oħra fuq bażi ta' casual substitute b'kuntratt. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni .

Djar ta' l-anzjani — Part-time social assistants

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm part-time social assistants fid-djar residenzjali ta' l-anzjani tal-Furjana, l-Imsida, il-Gżira, il-Mosta u l-Imtarfa? Kemm hemm part-time social assistants f'San Vincenz de Paule?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fid-djar residenzjali msemmija hemm dawn il-Part Time Social Assistants Dar ta' l-Anzjani PTSAs Gżira 8 Mosta 9 Msida 15 Mtarfa 15 Floriana 10 Fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paul hemm 32 Part Time Social Assistants.

Servizz tal-home/help care

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' householda li fit-30 ta' Ġunju, 2005 kienu qed jirċievu s-servizz tal-hom/help care? Minn dan in-numru, kemm hemm households li fihom hemm aktar minn persuna waħda li qed tirċievi dan is-servizz? Kemm hemm minnhom li huma persuni bi bżonnijiet speċjali?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' households fit-30 ta' Ġunju 2005 li kienu qed jirċievu s-servizz tal-Home Help Service huwa 2,309. Minn dan in-numru hemm 630 households li fihom hemm aktar minn persuna waħda. 213 huma persuni bi bżonnijiet speċjali.

Unmarried mothers

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm twieldu tfal to umarried mothers sena b'sena f'dawn l-aħħar 15-il sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li skond is-Sistema Nazzjonali ta' Informazzjoni dwar l-Ostetriċija li bdiet tiffunzjona fuq bażi nazzjonali fis-sena 1999, in-numru ta' trabi li ġew irreġistrati li twieldu lil unmarried mothers f'Malta u Għawdex sena b'sena mis-sena 1999 huma kif ġej: Sena Numru ta' tfal li ġew irrapurtati li twieldu lil unmarried mothers 1999 425 2000 429 2001 487 2002 561 2003 675 2004 704

Anzjani fi djar privati

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li diġa' għaddiet nofs is-sena u n-numru ta' anzjani residenti fi djar privati taħt l-iskema tal-private public partnership ma żdiedx mill-aħħar tas-sena l-oħra, u dan kontra dak li kien indikat li kellu jsir matul din is-sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant mill-bidu tas-sena sal-lum fid-djar privati taħt l-iskema tal-Private Public Partnership daħlu 13 -il anzjan. Bħalissa għaddej il-proċess biex jidħlu aktar anzjani.

Dipartiment ta' l-anzjani — Care Malta Ltd.

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'ammonti ta' flus ħallas id-dipartiment ta' l-anzjani u kura fil-komunita' lil Care Malta Ltd. għas-servizz li ngħataw residenti f'Villa Messina u Casa Arkati taħt l-iskema tal-public private partnership matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena? X'kien l-ammont li tħallas lil Casa Serena għall-istess servizz għall-istess perijodu ta' żmien?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont imħallas mid-Dipartiment ta' l-Anzjani u Kura fil-Komunita' lill-Care Malta u l-Casa Serena taħt l-iskema Public Private Partnership matul l-ewwel sitt xhur tas-sena kien kif ġej: Care Malta Casa Serena Imħallsa Lm84,382.90 (Jannar-April) Lm41,820.00 (Jannar-April) Pendenti Lm45,039.70 (Mejju-Ġunju) Lm10,803.50 (Mejju) Total Lm129,422.60 Lm52,623.50

Djar ta' l-anzjani

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm fil-preżent hawn djar ta' l-anzjani fis-settur privat (kemm dawk immexxija mill-knisja u kemm dawk li huma privati) li huma regolarment liċenzjati biex jiffunzjonaw bħala tali? Liema huma dawn id-djar? Kull waħda minn dawn id-djar x'inhu n-numru ta' sodod li hi liċenzjata li jkollha?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Dipartiment ta' l-anzjani — Customer care centre

Question

Issa li ġie deċiż li l-customer care centre għad-dipartiment ta' l-anzjani għandu jinfetaħ kif kien oriġinarjament propost fil-Belt Valletta, jista' il-Ministru jgħid meta se jkun il-ftuħ uffiċjali ta' dan iċ-ċentru?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq il-Customer Care Centre jinsab għaddej b'ritmu normali u hu previst li jkun miftuħ uffiċjalment sa' l-aħħar ta' din is-sena.

SCBU

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 13225, jista' il-Ministru jgħid jekk humiex se jittieħdu passi kontra l-konsulent konċernat li għamel allegazzjonijiet, li skond ir-risposta tal-Ministru, huma infondanti u ma jistgħux jiġu kkjarifikati u fl-istess ħin setgħu għamlu ħsara kbira lill-professjoni medika?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Jidher ċar mill-istqarrija tal-konsulent li dan kien aktar każ ta' għażla ħażina ta' kliem milli ta' fatti.

SCBU

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 13224, jista' il-Ministru jgħid kemm mit-trabi li daħlu fl-SCBU b'riżultat ta' multiple births minn 1999 'il hawn mietu u x'kienu l-kawżi ta' l-imwiet?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni dettaljata li qed jitlob l-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar, risposta ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'xi seduta oħra.

SCBU

Question

B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 13223, jista' il-Ministru jagħmel stqarrija u jagħti dettalji dwar l-allegazzjonijiet serji li għamel il-konsulent responsabbli mill-SCBU? Jidhirlu li l-allegazzjonijiet li għamel il-konsulent huma gravi ħafna u ta importanza tali li jistgħu jtellfu l-fiduċja tal-Maltin fil-kura medika ta' l-istat u l-kura medika in ġenerali? Jista' jgħid jekk l-assoċjazzjoni medika Maltija talbitx kjarifikazzjoni dwar materja hekk serja u li titfa dawl ikrah fuq il-professjoni medika in ġenerali?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Għall-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-Risposta tal-Mistoqsija Parlamentari numru 13580. Ma kien hemm ebda talbiet ta' kjarifika mill-Assoċjazzjoni Medika Maltija.

Persuni bid-diabete

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li skond id-dipartiment tas-saħħa jsofru permanentement mill-mard tad-diabete? X'eta' għandhom dawn il-persuni?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar, Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Epidemija ta' l-influwenza

Question

Peress li l-uffiċjali tas-saħħa qed ibassru li jista' ikun hemm epidemija ta' l-influwenza, jista' il-Ministru jgħid kemm-il vaccine qed jiġi ordnat aktar mis-soltu? Min hu intitolat biex jieħu dan il-vaccine b'xejn?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa issa, ma teżisti l-ebda vaccine kontra l-istrain tal-influwenza li x'aktarx ser tikkaġuna pandemija. Ix-xjenzati jemmnu li hemm possibilita' li t-tilqima li tingħata kull sena kontra l-istrains normali tal-influwenza tista' toffri ftit ta' protezzjoni billi tnaqqas iċ-ċans ta' infezzjoni jew ittaffi s-sintomi wara li wieħed jiġi nfettat bil-virus. Minħabba din l-evidenza, l-gvern iddeċieda li din is-sena jixtri 66% vaccine iżjed mis-sena li għaddiet (minn 27,000 doża għal 45,000 doża). Il-gvern iddeċieda wkoll li jiftaħ iżjed il-kriterji ta' min hu ntitolat għal tilqim b'xejn. Dawn jinkludu: kull min għandu iżjed minn 55 sena, dawk kollha li jipprovdu servizzi mediċi diretti lil pazjenti, u kull min ibati minn mard kroniku bħalma hu d-dijabete, mard fis-sistema respiratorja, mard fil-kliewi, fil-fwied jew fil-qalb, u kwalunkwe mard li jaffetwa l-immunita' tal-bniedem, bħal kanċer jew l-AIDS. Fl-istess ħin, din it-tilqima hija offruta wkoll mill-privat.

Dipartiment tas-saħħa — Każi ta' influwenza

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk it-tobba jridux bilfors jinformaw lid-dipartiment tas-saħħa dwar kull każ ta' influwenza li jiltaqgħu miegħu? Liema huwa l-mard l-ieħor li jrid jiġi notifikat?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta' mard notifikabbli bil-liġi qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-lista tinkludi l-influwenza.

Imwiet kawża tat-titjip

Question

Jista' il-Ministru jgħid fl-ewwel sitt xhur tas-sena kemm kien hemm imwiet, direttament jew indirettament, attribwiti lit-tipjip? Kemm kienu rġiel u kemm kienu nisa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li n-numru ta' mwiet irreġistrati fir-Reġistru Nazzjonali ta' l-Imwiet minn Jannar sa Mejju ta' din is-sena u li meqjusa bħala li kienu kkaġunati minħabba t-tipjip fiż-żewġ sessi huwa ta' 186 f'residenti ta' Malta u Għawdex. Minn dawn kien hemm 131 raġel u 55 mara. Ċifri għax-xahar ta' Ġunju 2005 għadhom qed jinġabru.

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — PSC

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' każi li fil-preżent tressqu quddiem il-public service commission? Kemm ilha l-aktar talba li hija pendenti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li n-numru ta' każijiet li fil-preżent għadhom quddiem il-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (PSC) huwa ta' tmienja (8). L-aktar każ li ilu pendenti jmur lura għas-sena 1993.

Saħħa — Infermiera

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn nurses impjegati mal-gvern illum u fejn huma stazzjonati?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li n-numru ta' nurses li huma impjegati mal-gvern illum huwa ta' 1918. Fit-tabella ta' hawn taħt turi fejn huma stazzjonati. Post tax-Xogħol Numru ta' Nurses Sptar San Luqa 1130 Sptar Monte Karmeli 218 Sptar Sir Paul Boffa 69 Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita' 312 National Blood Transfusion Centre 9 Primary Health Care 163 Policy and Planning 2 Corporate Services Directorate 1 Health Information 4 Nursing Service Directorate 4 Public Health 6 Total 1918

Tobba

Question

Billi tobba barranin jaħdmu f'Malta għandhom paga ogħla minn dik tal-Maltin, jista' il-Ministru jgħid jekk dawk li ġejjin minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea għadhomx igawdu xi vantaġġ? Jekk le, kemm telqu minħabba dan? Kemm hemm tobba bararnin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea llum? X'pagi u perks għandhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tobba barranin kollha li jaħdmu f'Malta, minbarra wieħed, għandhom l-istess paga bħal dik tal-Maltin. Minbarra dan, huma jitħallsu expatriate allowance ta' Lm1,400 fis-sena. Is-salarju u l-imsemmija allowance ma titħallas taxxa fuqhom. Din tapplika għat-tobba barranin kollha, sew jekk ġejjin minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropeja, sew jekk le. Dawk it-tobba li temmew l-impjieg tagħhom ma tawx raġuni għal dan. Hemm 25 tabib barrani minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropeja. Il-paga tagħhom hija bħal dik tat-tobba Maltin. Kif diġa semmejt hawn fuq, dawn jitħallsu expatriate allowance ta' Lm1,400 fis-sena. Is-salarju u l-imsemmija allowance ma titħallasx taxxa fuqhom. Minnbarra dan dawn it-tobba għandhom dritt għal biljett ta' l-ajru għal pajjiżhom u lura għalihom u għal familja tagħhom għal kull kuntratt ta' sena.