Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #32050 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-Korp tal-Pulizija sospiżi illum u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 31726.
Leg 9 PQ #32078 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Applikazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga f'hiex waslet l-applikazzjoni PA 02034/01?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni PA 2034/01 hija fi stadju ta` rikonsiderazzjoni wara li kienet rifjutata fit-3 ta` Settembru 2001. It-talba għal rikonsiderazzjoni ġiet sottomessa fl-aħħar ta` Settembru u fil-preżent din l-applikazzjoni qiegħda tistenna li tingħata data biex tinstema` quddiem il-bord.
Leg 9 PQ #32122 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija — Serq

Question

Jista l-Ministru jgħid kemm gie rrappurtat serq matul Frar 2002? Jista l-Ministru jikklassifika s-serq? Jista l-Ministru jghid kemm gew solvuti każijiet ta’ serq matul Frar 2002?

Response (BORG, TONIO)

Tweġiba tingħata f`xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #32124 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

B’ riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 31607. Jista’ l-Ministru jikkonferma li x-xogħol forensiku kollu li kien taħt ir-responsabbilta’ tal-persuna li isimha qieghed jintbaghat separatament huwa wieqaf u ma jistax jigi assenjat lil ħaddiehor għaliex ma hemmx esperti tal-kalegrafija li jistgħu jieħdu dan ix-xogħol?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-persuna msemmija mill-Onorevoli Interpellant, kien ġie trasferit għal Malta National Laboratory Ltd, b`effett mit-22 ta` Ottubru 2001. Din l-istess persuna kienet talbet vacation leave sat-8 ta` Novembru 2001, iżda ma irritornax għax-xogħol. Ninsab infurmat ukoll, illi fil-preżent qed issir is-selezzjoni ta` persuni sabiex ikunu mħarrġa fl-eżaminar ta` dokumenti sabiex ikun jista` jinħadem il-backlog li ħalla warajh il-persuna msemmija.
Leg 9 PQ #32153 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet il-pulizija dwar rapport li daħal fl-għassa ta' tas-Sliema li sewwieq tat-tfal tal-iskola ħareġ sikkini u hedded lit-tfal li kien qed jieħu lejn l-iskola?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija investigat dan ir-rapport u ser jittieħdu proċeduri quddiem il-Qorti kontra x-xufier involut.
Leg 9 PQ #32159 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin

Question

Nirreferi l-Ministru għall-mistoqsija parlamentari nru. 30735? Bħalissa kemm hemm priġunieri li waslu fl-aħħar tlett xhur tas-sentenza u qed jingħataw l-oppurtunita li jaħdmu barra l-ħabs? F'liema xogħol? Dan japplika wkoll għall-priġunieri barranin? Jekk fl-affermattiv, kemm hemm u ta' liema nazzjonalita huma?

Response (BORG, TONIO)

L-opportunita` biex priġunier joħroġ jaħdem barra l-Ħabs fl-aħħar tlett xhur tas-sentenza tiegħu hija miftuħa kemm għall-Maltin kif ukoll għall-barranin. Ovvjament jekk barrani jkun irid jieħu vantaġġ minn din l-opportunita` irid jinġiblu l-working permit minn min ikun ser iħaddmu. Ix-xogħol jista` jkun kwalunkwe tip u jiġi offrut lill-priġunieri minn ditti privati. F`kemm il-okkażżjoni x-xogħol instab lill-priġunier wara intervent ta` l-amministrazzjoni tal-Ħabs. Preżentament hemm żewġt priġunieri Maltin li qegħdin jingħataw din l-opportunita` u wieħed qiegħed jaħdem ma` kuntrattur tal-bini privat u l-ieħor jaħdem ma` ditta li tiġbor il-karozzi għat-tqattiegħ (scrapyard).
Leg 9 PQ #32160 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Reġistru Pubbliku

Question

B'referenza għat-tweġiba għal-mistoqsija parlamentari nru. 31688, jista' jgħid kemm-il darba mill-1995 l'hawn saru rakkomandazzjonijiet biex tiġi revokata iċ-ċittadinanza? Ta' liema nazzjonalita' kienu dawk li lilhom ġiet revokata iċ-ċittadinanza?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li kien hemm erba` każijiet fejn persuna barranija li kienet akkwistat iċ-ċittadinanza Maltija bis-saħħa taż-żwieġ tagħha ma` ċittadin ta` Malta, ġiet ipprivata minn din iċ-ċittadinanza. Iċ-ċittadinanza ta` dawn il-persuni kienet: Ingliża, Eġizzjana, Libjana u Lebaniża.
Leg 9 PQ #32172 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

PA

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pubblikazzjoni maħruġa mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar Trees Shrubs and Plants : Guidelines for Planting and Landscaping the Maltese Islands?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra 4 kopji tal-pubblikazzjoni Trees, Shrubs and Plants - Guidelines for Planting and Landscaping in the Maltese Islands. Aktar kopji jistgħu jittieħdu direttament mill-webpage ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar (www.pa-malta.org).
Leg 9 PQ #32176 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

PA

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol li qiegħed isir f'17, Inguanez Street Mdina huwiex kopert bil-permessi ta' l-Awtorita ta' l-Ippjanar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn spezzjoni li saret minn uffiċjal mis-sezzjoni ta` l-Infurzar ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar irriżulta illi l-fond imsemmi kien magħluq. Għaldaqstant ser jiġi ikkuntatjat is-sid biex tkun tista` ssir spezzjoni fl-iqsar żmien possibli. Aktar tagħrif ikun jista` jingħata wara din l-ispezzjoni.
Leg 9 PQ #32190 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

PA

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet 1) l-Awtorita' ta' l-Ippjanar 2) il-Pulizija dwar il-kwistjonijiet li qajmu r-residenti ta' Vega, 29, Hughes Hallett Street, Sliema mill-perikli li nħolqu għalihom bix-xogħol li qed isir bit-trakkijiet fuq is-sit tal-Union Club?

Response (BORG, TONIO)

Għalkemm ma hemm l-ebda kundizzjoni fil-permess rigward l-aċċess in kwistjoni, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar permezz ta` ittra datata 26 ta` Frar 2002, talbet lill-Bord tad-Diriġenti tal-Union Club u l-perit tal-proġett biex jieħdu dawk il-miżuri biex jaċċertaw a sodisfazzjon ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar li ikun hemm aċċess mingħajr periklu għar-residenti ta` Vega Court. Fil-frattemp ġie ordnat li l-kanċell li jmiss ma` Vega Court jiġi magħluq. Ninsab infurmat ukoll illi l-Pulizija tad-Distrett ta` Tas-Sliema kellha żewġ rapporti dwar ilmenti minħabba bini fis-sit imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Wieħed kien f`Novembru li għadda u kien jirrigwarda żewġ biċċiet injam li waqgħu minn fuq is-sit. Il-Pulizija ħadet passi quddiem il-Qorti u l-persuna responsabbli kien ġie mmultat Lm50 mill-Qorti. Ir-rapport l-ieħor kien fi Frar ta` din is-sena, meta biċċa injama li kien hemm fuq l-iscafolding waqgħet għal isfel u kkaġunat ħsara fuq żewġ telephone boots tal-Maltacom. F`dan il-każ il-Pulizija qegħdha tistenna stima tal-ħsara kkaġunata.
Leg 9 PQ #32191 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Artijiet — Raba

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'azzjoni qiegħda tittieħed mid-dipartiment ta' l-artijiet kontra min jaqbad u jokkupa raba tal-gvern li m'għandux titlu għalih?

Response (BORG, TONIO)

Fil-każ ta` dawk in-nies li okkupaw raba tal-Gvern mingħajr permess u ħadu l-opportunita` mogħtija lilhom biex japplikaw biex jirregolarizzaw il-pożizzjoni tagħhom taħt l-Iskema tal-Qbiela li għalqet is-sena l-oħra, ma qegħda tittieħed l-ebda azzjoni qabel ma` d-Dipartiment ikun ipproċessa l-istess applikazzjoni u ddeċieda jekk l-applikant għandux jingħata titlu. Fil-każ ta` nies li jaqbdu u jokkupaw raba tal-Gvern mingħajr permess u ma għamlux applikazzjoni taħt l-iskema msemmija aktar `il fuq, jittieħdu dawk il-passi kollha skond il-liġi.
Leg 9 PQ #32192 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Aviation

Question

Jista l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-Aviation Security Committee? Għal kemm zmien qedin jservu? Kemm il-darba iltaqa' l-kumitat minn Settembru 1998? X' passi ttiehdu ghat-tisħiħ tas-sigurta fl-ajruport minn settembru 1998? Kemm intefqu flus għat-tisħiħ tas-sigurta fl-ajruport fl-1997,1998,1999,2000 u 2001? Kemm il-Security Breach gie nnotat, jekk kien hemm, fl-1997,1998,1999,2000 u 2001?

Response (BORG, TONIO)

Il-membri tal-Kumitat dwar is-Sigurta` fl-Avjazzjoni huma – il-Ministru responsabbli mis-Sigurta` fl-Avjazzjoni bħala Chairman tal-Kumitat; is-Segretarju Permanenti responsabbli għall-Affarijiet Interni u Ambjent bħala Deputy Chairman; il-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kmandant tal-Forzi Armati u l-Manager Airport Security huma membri ex ufficio; il-membri l-oħra huma d-Direttur Ġenerali tal-Avjazzjoni Ċivili, il-Kontrollur tad-Dwana, Chairman MIA plc. u Chairman Air Malta plc. Il-membri maħtura jibqgħu f`dik il-kariga għal dak iż-żmien, li ma jkunx ta` iktar minn tliet snin, hekk kif jista` jiġi speċifikat fl-ittra tal-ħatra tagħhom. Minn Settembru ta` l-1998, il-Kumitat iltaqa` tmienja u għoxrin darba (28). Minn Settembru ta` l-1998, ittieħdu diversi miżuri u passi biex tissaħħaħ is-sigurta` fl-ajruport. Fost l-aktar importanti huma: â Il-bdil ta` 16-il kilometru ta` fence; â Hold Baggage Screening System; â Bini mill-ġdid ta` Access Gates 1 u 4; â Żieda fin-numru ta` security cameras; â Regolamenti dwar security training, fejn ġie mfassal pjan biex jintlaħqu l-gradi kollha tal-ħaddiema tal-ajruport; â Regolamenti dwar security of cargo, bl-għan li jiżgura li l-cargo li jitlaq minn Malta ma jkunx fih oġġetti projbiti; â Regolamenti għall-Passenger Aircraft Security, biex jispeċifikaw dawk il-provvedimenti għal tfittix u kontroll ta` aċċess għal ajruplani; â Security of Tax Free Goods and Related Stores and Eqiupment, biex jiżguraw li waqt il-ġarr ta` merkanzija/apparat, li jkun dieħel fl-ajruport ma jkunx fih xi ħaġa li tista` tipperikola s-sigurta` tal-passiġġieri jew impjegati. Fir-rigward ta` kemm intefqu flus, din il-mistoqsija għandha tiġi riferuta lill-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi, li taħtu taqa` l-MIA plc. Fis-snin imsemmija kien hemm dawn is-security breaches: 1997 - 3 1998 - 4 1999 - 2 2000 - 7 2001 - 4
Leg 9 PQ #32194 Sitting 712 2002-03-12 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Protezzjoni Ċivili

Question

Kemm intefqu flus f'overtime fid-dipartiment tal-protezzjoni civili matul 1998,1999,2000 u 2001? Kemm il-darba kellha tintervjeni f'operazzjonijiet ta' salvatagg matul l-istess perjodu sena, sena u għal liema skop? X'taħriġ wettqet matul is-sena 2001? X' koordinazzjoni qegħda ssir mal-korp tal-pulizija u mal-forzi armati ta' malta? Saru laqghat mal-korp tal-pulizija u ma' l-armata biex jikkordinaw ahjar operazzjonijiet ta' salvatagg matul is-sena 2001?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat kif ġej:- 1) L-ammont ta` overtime li tħallas matul is-snin imsemmija kien kif ġej:- 1998 Lm 199 1999 Lm 220,096 (li jinkludi ukoll allowances imħallsa matul is-sena) 2000 Lm 236,991 (li jinkludi ukoll allowances imħallsa matul is-sena) 2001 Lm 118,329 2) Id-Dipartiment intervjena f`dawn l-operazzjonijiet ta` salvataġġ kif indikat hawn taħt: Suġġett 1999 2000 2001 Inċidenti tat-traffiku 17* 117 143 Għargħar 185 24 44 Bini mwaqqa` 5 18 19 Salvataġġ ta` persuni 89 103 133 Dan ix-xogħol ma kienx isir minn dan id-Dipartiment tul is-sena 1998. * Figuri juru minn April 1999. 3) It-taħriġ li twettaq matul is-sena 2001 kien dan: Taħriġ avvanzat ta` salvataġġ fuq l-art; Kors bażiku ta` navigazzjoni fuq il-baħar; Kors ta` għaddas; Rikonoxximent ta` splussivi; Basic First Aid; Basic Life Support; Fire engineering għall-Leading Assistance and Rescue Officers; Erba` simulazzjonijiet ta` tifi tan-nar u salvataġġ fuq tlett vapuri differenti, fosthom fuq vapur tal-Gozo Channel u f`lukanda lokali; Barra minn hekk numru ta` membri attendew għal korsijiet relatati max-xogħol tagħhom barra minn Malta; Id-Dipartiment organizza ukoll taħriġ għal impjegati tas-servizz ċivili tul din is-sena. Kien hemm 22 kors differenti u għalihom ipparteċipaw 362 impjegat. 4 u 5) Kien hemm diversi okkażżjonijiet fejn twettqet ħidma koordinata bejn it-tliet Forzi imsemmija matul is-sena 2001. Din il-koordinazzjoni kompliet tissaħħaħ wara li l-Gvern appunta Kumitat Parlamentari sabiex jeżamina din il-koordinazzjoni. Din il-koordinazzjoni ġiet diskussa wkoll waqt laqgħat tal-Kunsill tal-Protezzjoni Ċivili li għalihom jattendu ukoll kemm il-Kummissarju tal-Pulizija kif ukoll il-Kmandant tal-Forzi Armati, li huma ukoll membri tal-Kunsill fost oħrajn.
Leg 9 PQ #31996 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Atti Immorali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti is-sena l-oħra talli wettqu atti immorali fil-pubbliku u x'weħlu f'kul każ? Kemm minnhom kienu barranin u ta' liema pajjiż kienu? Kemm kienu nisa u kemm irġiel?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2001 tressqu quddiem il-Qorti 36 persuna, 13 nisa u 23 rġiel, uħud minnhom aktar minn darba, fuq atti immorali. F`dawk il-każi deċiżi, il-pieni mogħtija kienu jinkludu sentenzi sospiżi, ċanfira jew twiddiba, probation, multa u fil-każ ta` barranin tneħħija minn dawn il-Gżejjer. Minnhom, 2 kienu Ġermaniżi, 2 Russi, 1 Niġerjan u 1 Taljan.
Leg 9 PQ #31997 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Arrest Preventiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni l-ħabs illum fuq arrest preventiv u kemm ilhom hemm? Kermm minnhom huma Maltin u ta' xiex huma akkużati dawk miżmuma

Response (BORG, TONIO)

In-numru ta` persuni li qegħdin jinżammu taħt arrest preventiv biss u ma humiex jiskontaw xi sentenza huwa ta` erbgħa u sebgħin (74). Minn dawn hemm wieħed u erbgħin Malti u tlieta u tletin barrani.
Leg 9 PQ #32117 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

B’ riferenza għar-risposti ghall-mistoqsijiet parlamentari numri 9597 u 31625 ma jaħsibx il-Ministru li sentejn u nofs huma zmien twil bizzejjed biex tittieħed decisjoni dwar jekk għandhomx jigu maħtura aktar Maġġuri fil-Korp tal-Pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ma għandi xejn x`inżid mat-Tweġibiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #32119 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

B’riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 31626 jista l-Ministru jgħid x’inhi r-raguni għaliex ma jħossux komdu li jizvela l-ismijiet ta’ l-ufficcjali tal-Facilita Korrettiva ta’ Kordin li ingħataw l-overtime? Forsi l-Ministru qiegħed jiddejjaq juri li ufficcjali nazzjonalisti kielu l-bicca l-kbira tal-flus allokati ghall-overtime a spejjez ta’ uffiċċjali laburisti? Ma jaħsibx l-Ministru li huwa ta’ interess pubbliku w parlamentari li jingħata tagħrif dwar kif qiegħed jitqassam l-overtime fil-Faċilita ta’ Kordin?

Response (BORG, TONIO)

Jekk għall-Onor. Interpellant l-Uffiċjali tal-Ħabs huma Nazzjonalisti u Laburisti, għall-Amministrazzjoni tal-Ħabs, l-uffiċjali huma kollha ċittadini Maltin. L-overtime fil-Ħabs jitqassam b`korrettezza u ugwaljanza ma` kulħadd. Il-problema li teżisti hija li ħafna uffiċjali ma jridux jagħmlu overtime u għalhekk l-overtime li jingħataw ituh lil ħaddieħor. B`hekk xi uffiċjali jidhru li jagħmlu aktar overtime minn ħaddieħor. Nitlob lill-Onor. Interpellant li jekk hemm xi uffiċjal li wassal xi ilmenti li mhux jingħata overtime bħal ma` jingħata lil ħaddieħor, iressaq l-ilment lili u dan l-ilment jiġi investigat.
Leg 9 PQ #32120 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

B’riferenza għar-risposta ghall-mistoqsija parlamentari numru 31622 jista l-Ministru jikkonferma jekk sarux tibdiliet, tnaqqis jew zidiet fil-PIRS minn Settembru 1998 ‘l-hawn? Jekk iva f’xiex jikkonsisti it-tibdil, tnaqqis jew zidied?

Response (BORG, TONIO)

B`żieda mat-tagħrif li jien tajt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 31622, ninsab infurmat illi t-tibdil li kien hemm ta` natura operattiva kien jikkonsisti fis-tisħiħ ta` din is-sistema bl-introduzzjoni ta` rapporti għall-kumpaniji ta` l-assigurazzjoni fejn jirrigwarda serq jew ħsarat fuq proprjeta`. Ma` din is-sistema ġew ukoll integrati il-common database, li tgħin sabiex l-informazzjoni tkun aktar korretta u konsistenti, kif ukoll is-sistema tal-VERA li tforni informazzjoni dwar vetturi, inkluż jekk vettura tkunx ġiet irrapurtata nieqsa. Infurmat ukoll illi fil-preżent għaddej eżerċizzju sabiex is-sistema tal-PIRS tiġi upgraded għal sistema Windows u dan sabiex is-sistema tkun aktar user friendly.
Leg 9 PQ #32121 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Pulizija

Question

Jista l-Ministru jgħid kemm gew imwettqa reati matul Frar 2002? Jista l-Ministru jikklassifika r-reati? Jista l-Ministru jgħid kemm gew solvuti reati matul Frar 2002?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel u fit-tieni partijiet tal-Mistoqsija Parlamentari huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi matul Frar 2002 kien hemm 543 persuna misjuba ħatja ta` reati kriminali.
Leg 9 PQ #32142 Sitting 711 2002-03-11 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Għawdex — Reġistru Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub dwar ir-Reġistru Pubbliku f'Għawdex skond PQ 31725?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għal dak li jirrigwardja ir-Reġistru Pubbliku f`Għawdex, hu kif jidher hawn taħt: Żweġijiet Ċivili fl-2001 1) Bejn Maltin 4 2) Bejn Malti u Barranija 3 3) Bejn Maltija u Barrani 4 4) Bejn Barranin 8 In-nazzjonalita` ta` dawk f`kategorija (4) huma: Ingliża, Olandiża u Tuneżina.