Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #23546 Sitting 496 2001-02-16 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Villa Cassar Torreġġiani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport irċeviet l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar ix-xogħol li qed isir f'Villa Cassar Torreġġiani fi Triq il-Kbira, San Ġiljan? Jista' jgħid fiex kienu jikkonsistu dawn ir-rapporti, rapport b'rapport, u x'passi ttieħdu f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Awtorita` ta` l-Ippjanar irċeviet 5 rapporti b`kollox. Tnejn permezz ta` ittri u tnejn permezz tat-telefon u wieħed permezz tal-gazzetti. L-ewwel rapport permezz ta` ittra kien rigward ammont ta` ħamrija li niżel fil-baħar. Minn spezzjoni li saret fuq il-post dan ma rriżultax. It-tieni rapport kien permezz tat-telefon rigward hoarding li ttella` u li b`riżultat ta` dan tnaqqsu żewġ postijiet għal parkeġġ ta` karozzi. Dan il-hoarding kien kundizzjoni fil-permess u kellu jittella` biex ikun ta` sigurta` għall-pubbliku. It-tielet rapport kien permezz ta` ittra rigward ilma li kien qiegħed jintefa` ġol-bajja tal-Balluta. Minn investigazzjonijiet jirriżulta li l-ilma li kien qiegħed jintefa` kien ilma nadif li kien ġej mill-wied. Ir-Raba rapport bit-telefon kien jikkonsisti f`li: ma kienx hemm il-permess imwaħħal; li kienu qed jibdew ix-xogħlijiet qabel is-sebgħa ta` filgħodu; li kienu qed iħaddmu xi pompi bil-lejl; li l-post kien qed ikun imdawwal bil-lejl; li t-trakkijiet kienu qegħdin iħallu ħafna trab warajhom. L-Awtorita` mill-ewwel ikkuntattjat lill-perit inkarigat il-Perit Martin Xuereb u ordnatlu li jitwaħħal kopja tal-permess kif mitlub fl-istess permess. Ivverifikat rigward ix-xogħlijiet li kienu qed jibdew qabel is-sebgħa ta` filgħodu. Il-perit tal-proġett informa lill-Awtorita` li darba biss ħadmu qabel il-ħin indikat minħabba xogħol ta` emerġenza. Ivverifikat rigward l-istorbju tla-pompi, u dan ma rriżultax. Rigward li l-post m`għandux jiddawwal bil-lejl ma hemm l-ebda kundizzjoni f`dan is-sens, u rigward l-inġenji li kienu qed iħammġu t-triq, l-Awtorita` ma setgħetx tieħu passi minħabba li ma kien hemm l-ebda kundizzjoni fil-permess, biss ġibdet l-attenzjoni ta` l-applikant inkarigat. Il-ħames rapport fil-gazzetti kien rigward twaqqiegħ ta` bini ta` Villa Cassar Torreggiani. Fil-fatt l-annex tal-bini in kwistjoni kellu jaqa` skond kif kien approvat. Peress illi kellu jitneħħa ġibjun bħala parti mill-pjanti approvati, parti żgħira ħafna mill-villa ċediet u ġiet żmantellata biex ma tkunx ta` periklu. L-Awtorita` immedjatament ivverifikat ir-rapporti u talbet lis-sid flimkien mal-perit biex jagħmlu Method Statement ta` kif ser terġa` tiġi ripristinata l-biċċa żgħira li ċediet u li ġiet żmantellata. Dan il-Method Statement diġa` ġie sottomess lill-Awtorita` u x-xogħlijiet mistennija jibdew fil-ġimgħat li ġejjin.
Leg 9 PQ #23555 Sitting 496 2001-02-16 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Probation Officers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm probation officers? Kemm ġew ingaġġati probations officers matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? Kemm hemm studenti l-Universita' li qed jagħmlu l-kors ta' probation officer?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm għaxar probation officers jaħdmu mal-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin. Dawn ġew ingaġġati kif ġej:- 1996 - xejn 1997 - xejn 1998 - xejn 1999 - 3 (b`effett minn 1998) 2000 - 8 (waħda minn dawn ma komplitx) Ninsab infurmat ukoll illi fil-preżent ma hemm ħadd jagħmel il-kors ta` probation officer.
Leg 9 PQ #23537 Sitting 495 2001-02-15 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Impjegat

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ħatra tal-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, bħala chairman ta' l-awtorita' ta' l-ippjanar u l-ħatra tiegħu bħala project manager mal-kumpannija li qed tmexxi l-proġett ta' Villa Cassar Torreġġiani f'San Ġiljan huwiex konfliġenti u aktar minnhekk jekk hemmx konflitt ta' interess? Jista' l-Ministru jgħid ukol jekk inġibditlux l-attenzjoni dwar dan u jekk irċeviex rapporti f'dan ir-rigward? Jekk fl-affermattiv, x'passi ħa l-Ministru?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 22651, ninsab infurmat illi l-persuna msemmija dejjem iddikjarat kull interess kemm dirett kif ukoll indirett li seta` kellha minn żmien għal żmien dwar applikazzjonijiet ta` żvilupp li dehru quddiem l-Awtorita` ta` l-Ippjanar. Il-persuna indikata kienet involuta f`dan il-proġett mis-7 ta` Novembru 2000 sa l-20 ta` Jannar 2001. Għalhekk ta` min jinnota li fit-13 ta` April 2000, meta l-proġett ġie awtorizzat, il-persuna ndikata ma kenitx involuta fil-proġett. Kull konflitt ta` interess li membru tal-bord ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar jista` jkollu minn żmien għal żmien huwa regolat minn Art 5 ta` l-Ewwel Skeda ta` l-Att ta` l-1992 dwar l-Ippjanar ta` l-Iżvilupp u mill-kodiċi ta` etika għal diretturi ta` bordijiet fis-settur pubbliku maħruġ mill-uffiċċju tal-Prim Ministru fl-1994. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, peress illi l-persuna iddikjarat l-interess f`dan il-proġett meta ġiet involuta fih, u hija mixiet skond kif tipprovdi l-liġi u l-kodiċi ta` etika, ma kienx meħtieġ jittieħdu xi passi. L-Onorevoli Interpellant għandu jifhem li l-persuni kollha li s`issa inħatru fl-Awtorita` bħala Chairman dejjem żammew l-attivita` professjonali tagħhom; l-obbligu tagħhom hu li jiddikjaraw l-interess tagħhom, mhux li ma jkollhomx interessi, u li ma jieħdux sehem bi kwalunkwe mod fid-deċiżjoni dwar applikazzjonijiet li fihom jista` jkollhom xi interess.
Leg 9 PQ #23545 Sitting 495 2001-02-15 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — San Ġiljan - Villa Cassar Torreġġiani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport irċeviet il-pulizija dwar ix-xogħol li qed isir f'Villa Cassar Torreġġiani fi Triq il-Kbira, San Ġiljan? Jista' jgħid fiex kienu jikkonsistu dawn ir-rapporti, rapport b'rapport, u x'passi ttieħdu f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kien hemm okkażżjoni waħda fejn intalbet l-assistenza tal-Pulizija minħabba li trakkijiet li kienu ħerġin mis-sit in kwistjoni, bdew iħallu tajn fit-triq minħabba x-xita li kienet niżlet. Il-pulizija ħadet azzjoni mmedjata u t-triq ġiet imnaddfa mill-kuntrattur stess.
Leg 9 PQ #23568 Sitting 495 2001-02-15 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin

Question

Jista' l-Ministru jara li l-ħaddiema tal-faċilita' korrettiva ta' Kordin jipparkjaw fil-parking tagħhom ġewwa l-faċilita' korrettiva ta' Kordin minflok fi Triq il-Belt Valletta minħabba li qiegħed ikun hemm ħafna lmenti mir-residenti?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3481.
Leg 9 PQ #23571 Sitting 495 2001-02-15 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jerġa' jkun hemm reklutaġġ ta' gwardjani fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma hemm l-ebda ħsieb li fil-futur qarib jerġa` jkun hemm reklutaġġ ta` gwardjani għall-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin.
Leg 9 PQ #23572 Sitting 495 2001-02-15 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Żwiemel - Enforcement Orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm enforcement orders sabiex żwiemel li jinżammu f'garaxxijiet fejn residenzi mingħajr permess jiġu mneħħija, lokalita' b'lokalita', sena b'sena mit-twaqqif ta' l-awtorita' ta' l-ippjanar 'l hawn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat kif ġej : - Tabella li turi lista ta` avviżi li nħarġu u li għadhom pendenti fi stadji diversi Sena Numru ta` Avviżi Maħruġa Lokalita` 1993 2 Żebbuġ-1 Żejtun -1 1994 3 Rabat - 1 Żebbuġ- 2 1995 3 Għargħur - 1 Mosta - 1 Żebbuġ- 1 1996 4 Għajnsielem - 1 Naxxar - 1 Xewkija - 1 Żebbuġ- 1 1997 2 Għaxaq - 1 Żabbar - 1 1998 1 Mosta - 1 1999 4 Rabat - 1 Żabbar - 2 Żebbuġ- 1 2000 8 Fgura - 1 Ħamrun - 3 Marsascala - 1 Marsaxlokk - 1 Qormi - 1 Siġġiewi - 1 Tabella li turi lista ta` avviżi li nħarġu u li ġew esegwiti Sena Numru ta` Avviżi Maħruġa Lokalita` 1996 1 B`Kara 1997 1 Munxar, Għawdex 1998 1 B`Bugia 2000 3 Mosta, Ħamrun, Żabbar
Leg 9 PQ #23592 Sitting 495 2001-02-15 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment taċ-Ċittadinanza — Campers & Nicholsons

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 23517 li oriġinarjament saret lill-Prim Ministru u li ġiet riferuta lilu u cioe': jgħid jekk is-Sur Terry Walsh, il-persuna imsemmija mill-Kap ta' l-Oppożizzjoni fil-Parlament, bħala r-rappreżentant ta' Campers & Nicholsons f'Malta għandux il-permessi meħtieġa sabiex jaħdem f'Malta? Jekk le, x'passi qegħdin jittieħdu kontra din il-persuna?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi skond ir-rekords tad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta` l-Expatriates hemm persuna bl-isem ta` Terence Patrick Walsh li għandha permess ta` resident permanenti f`Malta. Id-Dipartiment ma jistax jgħid iżda jekk din il-persuna hijiex l-istess waħda msemmija mill-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #23394 Sitting 494 2001-02-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Mastrudaxxa bla permess

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 23054, jista' l-Ministru jgħid x'qed tistenna l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex tieħu 'azzjoni diretta' peress li qed jgħaddu x-xhur u s-snin u l-mastrudaxxa msemmi jibqa' jopera bla permess?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-azzjoni diretta fil-każ ECF 886/99 tittieħed meta dan il-każ ikun imissu skond l-ordni fil-lista ta` każijiet simili f`Għawdex.
Leg 9 PQ #23395 Sitting 494 2001-02-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Kukkudrilli / Rettili

Question

B'riferenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari nru. 22973 u fid-dawl tal-mistoqsija, jistgħu jsiru spezzjonijiet spissi mill-pulizija fl-imsemmi ħanut?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ser tkompli tagħmel spezzjonijiet fil-post imsemmi.
Leg 9 PQ #23350 Sitting 493 2001-02-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Drogi

Question

Jista' l-Ministru jara jekk tistax l-pulizija tieħu l-passi meħtieġa biex il-bini abbandunat li jinsab fi triq it-Tiben f'kantuniera ma' Triq id-Dris fis-Swieqi jingħalaq kull aċċess għal ġo fih peress li qed jintuża regolarment għat-tehid tad-drogi.

Response (BORG, TONIO)

B`żieda mat-tagħrif li jien tajt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 22193, ninsab infurmat illi s-sid kien tella` ċint madwar dan il-bini u għaldaqstant l-aċċess huwa magħluq. Infurmat ukoll illi l-proċeduri kriminali kontra s-sid jinsabu differiti għat-28 ta` Frar 2001.
Leg 9 PQ #23345 Sitting 492 2001-02-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Għajn Tuffieħa — Faċilitajiet Sanitarji

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemm xi ħsieb li jingħataw permessi biex fil-bajja t'Għajn Tuffieħa (in-naħa tar-Riviera Martinique) ikun hemm faċilitajiet sanitarji u tal-ikel u xorb għas-sajf li ġej? Xi problemi hemm biex jingħataw dawn il-permessi?

Response (BORG, TONIO)

L-Awtorita` ta` l-Ippjanar irċeviet żewġ applikazzjonijiet għal faċilitajiet ta` l-ikel u xorb fil-bajja ta` Għajn Tuffieħa (fuq in-naħa ta` Riviera Martinique) : PA 2565/99 u PA 4824/99. L-aħħar applikazzjoni msemmija tinkludi ukoll il-provvediment ta` faċilitajiet sanitarji. L-applikazzjoni PA 4824/99 ġiet rifjutata mill-Bord tal-Kummissjoni ta` l-Iżvilupp, filwaqt li l-applikazzjoni l-oħra, għalkemm għadha ma tressqitx quddiem l-istess bord imsemmi, tinsab rakommandata għall-rifjut mid-Direttorat ta` l-Ippjanar. Dawn iż-żewġ applikazzjonijiet kienu rakommandati għal rifjut fuq l-istess prinċipji għaliex iż-żewġ 'sites' jinsabu f`area ta` valur ekoloġiku skedat b`livell numru 2. Irrespettivament minn dan, id-Direttorat ta` l-Ippjanar lest li jikkunsidra faċilita` temporanja għall-ikel u xorb jekk tkun allokata fil-'car parking area' qabel ma wieħed jinżel għall-bajja ta` Għajn Tuffieħa. Faċilitajiet sanitarji jistgħu ukoll jiġu kkunsidrati fil-bajja jekk ikunu temporanji u disenjati b`mod li jikkumplementaw il-karattru naturali tal-bajja.
Leg 9 PQ #23346 Sitting 492 2001-02-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Kummerċ Illegali tal-Bnedmin

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'Diċembru 2000 u f'Jannar 2001 kemm kien hemm ċittadini Maltin li ġew miġbura mill-puliżija u interrogati dwar xibka li torganizza l-kummerċ illegali tal-bnedmin lejn pajjiżna u minn pajjiżna lejn pajjiżi oħra? F'liema dati nġabru? Dawn l-investigazzjonijiet saru b'kollaborazzjoni ma' pajjiżi oħra? Liema?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Diċembru 2000 u Jannar 2001 kien hemm seba` Maltin li ġew miġbura u/jew interrogati mill-Pulizija dwar l-organizzar ta` kummerċ illegali lejn jew minn pajjiżna. Wieħed ġie interrogat fl-20 ta` Diċembru 2000, tnejn fit-3 ta` Jannar 2001 u erba` fl-24 ta` Jannar 2001. Uħud mill-investigazzjonijiet f`dawn il-każi qegħdin isiru flimkien mal-Pulizija Taljana u għadhom għaddejjin.
Leg 9 PQ #23467 Sitting 492 2001-02-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

EU

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ikkummisjonati rapporti mad-dekasteru tiegħu marbuta mas-sħubija sħiħa ta' Malta fl-Unjoni Ewropea minn Ottubru 1998 sallum? Jista' jgħid wkoll fuq liema suġġett kienu, min għamel dan ir-rapport u kemm tħallas ta' dan ir-rapport? Jista' ġentilment ipoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, TONIO)

Ġew ikkumissjonati żewġ rapporti marbuta mas-sħubija ta` Malta fl-Unjoni Ewropea taħt il-Ministeru ta` l-Intern. Dawn huma rapporti li jikkonċernaw amendi għall-Ordinanza dwar l-Armi u l-Att dwar l-Immigrazzjoni. Fiż-żewġ każijiet il-konsulent prinċipali hu l-Professur Peter G. Xuereb LLD, LLM (Lond)., PHD (Cantab). Billi ż-żewġ rapporti għadhom fi stadju ta` konsultazzjoni mhux possibbli għalissa li jitqegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra. S`issa għadhom ma saru l-ebda ħlasijiet.
Leg 9 PQ #23113 Sitting 491 2001-02-13 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Bord taċ-Ċensura — Soft Porn

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il pubblikazzjoni differenti ta' magazines, hekk imsejħa soft porn, tħallew jidħlu Malta s-sena l-oħra u din is-sena? Billi dawn jistgħu issa jiġu mibjugħa f'Malta bil-barka ta' l-awtoritajiet, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma jew aħjar ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-regolamenti neċessarji konnessi ma' kif għandu jsir ir-reklamar, l-espożizzjoni fil-ħwienet u x'inhi l-eta' minima li wieħed jista' jkollu biex jixtri dawn it-tip ta' rivisti?

Response (BORG, TONIO)

Iċ-ċensura tal-magazines taqa` taħt id-Dipartiment tal-Posta u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #23440 Sitting 491 2001-02-13 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Parlament

Question

Jista' l-Ministru jara x'jista' jsir sabiex il-pulizija u suldati li ta' kuljum ikunu xogħol mal-bini tal-Parlament, ikollhom x'jilqgħalhom kontra l-elementi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minħabba n-natura ta` xogħol tagħhom, il-Pulizija kollha huma pprovduti b`ġakketta water proof u ingwanti.
Leg 9 PQ #23441 Sitting 491 2001-02-13 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Kottonera — Traffic Impact Assessment

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu t-traffic impact assessment u l-enviroment impact assessment għall-proġett tal-Kottonera? Jekk huma lesti, jista' jpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat kif ġej: - L-ewwel abbozz tat- Traffic Impact Statement ġie sottomess lill-Awtorita` ta` l-Ippjanar, fit-22 ta` Jannar 2001. Dan diġa` ġie analizzat, u l-konsulent ser jiġi mgħarraf b`xi tibdiliet li jeħtieġ isiru sabiex jiġi ppreparat l-abbozz finali. L- Environmental Impact Assessment għal Cottonera yacht marina qed jiġi ppreparat minn konsulenti indipendenti appuntati mill-iżviluppatur. L-EIA għadu ma ġiex sottomess lill-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
Leg 9 PQ #23442 Sitting 491 2001-02-13 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' membri fil-Korp tal-Pulizija maqsuma skond il-grad? Jista' jaqsam dan it-total f'kategoriji skond kemm ilhom membri, bejn sena u għaxar snin, bejn 11 u 20 sena u 'l fuq minn 20 sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta` membri fil-Korp tal-Pulizija hu ta` 1,716. It-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant fit-tieni parti tal-Mistoqsija hu kif ġej: Grad `L fuq minn 20 sena servizz Bejn 11 u 20 sena servizz Bejn sena u 10 snin servizz Kummissarju 1 - - Deputat Kummissarju 1 - - Assistent Kummissarju 6 - - Supretendent 17 6 - Spettur 15 38 19 Surġent Maġġur 3 - - Surġent 114 118 47 Kuntistabbli 224 504 603
Leg 9 PQ #23454 Sitting 491 2001-02-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Commuted Parking Payment Scheme

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema dipartiment, awtorita' jew entita' ntroduċa l-iskema tal-commuted parking payment scheme? X'kien il-ħsieb wara din l-iskema u x'wassal sabiex tiddaħħal din l-iskema? Jista' jgħid wkoll meta ġiet introdotta l-ewwel darba din l-iskema?

Response (BORG, TONIO)

L-Awtorita` ta` l-Ippjanar stabbilit il-Commuted Parking Payment Scheme fl-1994, ibbażata fuq il-Policy TRA 4 tal-Pjan ta` Struttura, kif ġie approvat mill-Parlament. L-iskop ta` din l-iskema hu illi fejn żvilupp ma jkunx jista` jakkomoda il-parkeġġ neċessarju għall-istess żvilupp, isir ħlas f`fond komuni, biex b`hekk ikun jista` jiġi pprovdut parkeġġ komuni fil-lokalita` minn fejn ikunu nġabru l-flus. Hemm il-ħsieb li parti minn dawn il-flus jintużaw sabiex issir skema ta` Park & Ride għall-Belt u l-Furjana; kif ukoll parkeġġi f`Paceville, San Ġorġ, tas-Sliema u Għar id-Dud.
Leg 9 PQ #23107 Sitting 490 2001-02-12 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħabsin li għal xi raġuni jew oħra kienu in-patient fl-Isptar St Lukes u fi sptarijiet oħra s-sena l-oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2000 kien hemm 196 każ fejn priġunieri nżammu għal kura bħala in patients fl-isptar San Luqa jew l-isptar Monte Carmeli.