Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm persuni daħlu fil-palazz ta' l-inkwiżitur tul din is-sena, sal-15 ta' Ottubru, 2002? Kemm kien hemm dħul minn dan? Jista' jiġi indikat ukoll jekk tul dan is-sajf sarx xogħol ieħor ta' restawr u jekk huwiex previst li l-faċċata tiegħu tiġi restawrata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' nies li żaru l-Palazz ta' l-Inkwiżitur 'din is-sena sal-15 ta' Ottubru huwa ta' 30,000, li sarraf fi dħul ta' Lm5,800.
Ix-xogħol ta' restawr u rijabilitazzjoni li sar matul dan is-sajf kien:
* Tqegħid ta' ċangatura u tiswija tal-forn fis-sezzjoni tal-kċina li issa re-għet infetħet għall-pubbliku wara numru ta' snin.
* Tneħħija t'a art tal-konkos u tqegħid ta' ċangatura fil-bitħa interna tal-ħabs.
* Tkomplija ta' tindif ta' bjar.
* Tibjid, brix ta' ħitan u xogħol ta' tiswija u tisbih ġenerali f'ħafna postijiet.
* Ġie ppubblikat ukoll ktieb fuq il-ħabs tal-palazz li qed jinbigħ mill-post, kif ukoll brouchure ġdid.
* Il-faċċata
Wara diskussjonijiet preliminari, l-Awtorita` tat-Turiżmu, flimkien mas-sezzjoni tar-restawr tal-Birgu, se jibdew il-proġett tar-restawr tal-faċċata tal-Palazz ta' l-Inkwiżitur. Bħalissa qed isiru l-preparamenti ġenerali. Ix-xogħol mistenni jibda tard din is-sena jew kmieni s-sena d-dieħla.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol sar matul is-sajf fl-iskola primarja ta' Bormla u kemm flus intnefqu? Jista' jiġi indikat kemm hemm tfal subien u bniet jattendu din l-iskola, sena b'sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija, t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi Sedua oħra.
Informat li fl-iskola Primarja ta' Bormla hemm dawn it-tfal jattendu:
Subien Bniet Total Klassijiet
Year 1 23 15 38 3
Year 2 16 21 37 2
Year 3 37 28 65 4
Year 4 18 25 43 3
Year 5 26 25 51 3
Year 6 45 28 73 4
Total 165 142 307 19
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tibda s-sena akkademika din is-sena għall-istudenti ta' l-istitut ta' l-arti u d-disinn f'Targa Gap? X'inhuma l-problemi konnessi mal-ftuħ tas-sena akkademika 2002 - 2003 f'dan l-istitut tal-MCAST?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa qed jitneħħew il-perikli kollha mis-soqfa eżistenti ta' l-Istitut ta' l-Arti u d-Disinn f'Tarġa Gap. Qed isir kull sforz biex l-istudenti kollha jirritornaw Tarġa Gap fl-iqsar żmein possibbli. Sadanittant biex tittaffa' l-problema, il-125 student full-time ta' l-Istitut qed jattendu temporanjament ma' l-għalliema kollha fl-Istitut Marittimu, il-Kalkara.
Jista' il-Ministru jgħid x'passi ttieħdu s'issa biex jitjieb is-servizz tat-trasport skolastiku kif rikmandat mill-uffiċċju Nazzjonali ta' l-awtorita' biex it-tfal ma jinġabrux kmieni wisq biex jittieħdu l-iskola jew tard wisq biex jittieħdu d-dar peress li qed jaslu lmenti dwar dawn in-nuqqasijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li qabel bdiet is-sena skolastika, f'Settembru tas-sena 2002, sar ftehim mat-tlett għaqdiet li jaħdmu x-xogħol tat-tfal ta' l-iskola biex it-trasport ma jibdiex iktar minn siegħa qabel tibda l-iskola u li jitwasslu d-dar mhux aktar tard minn siegħa wara li tkun spiċċat l-iskola. Bħal kull sena waslu xi lmenti fl-uffiċċju inkarigat li qed isegwi s-sitwazzjoni biex jara li l-ftehim jiġi onorat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu studenti għall-kors universitarju tal-mediċina u kirurġija f'din is-sena akkademika ġdida? Kemm minnhom daħlu fuq bażi ta' probation, u b'liema gradi ta' riżultati daħlu dawn l-istudenti fuq probation? Tista' tagħti lista sħiħa ta' l-istudenti li bdew il-kors tal-mediċina din is-sena?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għall-Kors tal-Mediċina u Kirurġija f'din is-sena akkademika ġdida daħlu 56 student Malti, minnhom 7 daħlu fuq bażi bi prova (probationary) b'dawn il-gradi:
Bioloġija/Kimika Kimika/Bioloġija Suġġett ieħor
Livell Avvanzat Livell Avvanzat Livell Intermedju
B B A (student wieħed)
B B C (student wieħed)
A C A (tlett studenti)
A C B (żewġ studenti)
Id-deċiżjoni li jidħlu studenti bi prova (probationary) u l-kundizzjoni ta' kemm jistgħu jidħlu ttieħdet qabel ma kienu aċċettati l-applikazzjonijiet u qabel ma kienu magħrufa r-riżultati tal-Matrikola. L-istudenti bi prova ntgħażlu fuq kriterji preċedentament approvati mis-Senat li kienu kif ġew.
Kategorija Bioloġija/Kimika Kimika/Bioloġija Suġġett ieħor
Livell Avvanzat Livell Avvanzat Livell Intermedju
1 A A C
2 A B C
3 B B A
4 B B C
5 A C A
6 A C B
7 B C A
8 B C B
Il-lista sħiħa ta' l-istudenti li bdew il-Kors tal-Mediċina din is-sena qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jikkonsidra li għall-estimi tal-budget li ġej jinkludi li jsir studju dwar il-possibilita' li l-iskejjel ta' l-Istat f'Malta u Għawdex kif ukoll il-bini li jaqa' taħt id-dekasteru tal-Ministeru tiegħu jiżviluppaw sors ta' l-enerġijia solari sabiex tissostitwixxi dik eżistenti?
Kemm, fil-fatt, kienet in-nefqa globali għall-kontijiet ta' l-ilma u tad-dawl ta' l-iskejjel kollha u tad-dipartiment w entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru f'Għawdex matul is-sena li għaddiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għadu qed jiġi konsidrat kemm hi vijabbli l-istallazzjoni ta' sistemi li jutilizzaw l-enerġija solari.
Rigward it-tieni parti tad-domanda nissuġġerixxi lill-Onor. Membru jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministeru għal Għawdex.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti li temmew il-kors foundation ma' xi istitut tal-MCAST? Kemm minnhom komplew xi kors tal-MCAST? Ma' liema istitut?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li temmew il-kors Foundation ma' xi Istitut ta' l-MCAST u li minnhom komplew xi kors huwa kif se nsemmi:
L-Istitut tat-Teknoloġija ta' l-Informatika u l-Komunikazzjoni
Foundation Programme in Computing
Bdew il-kors 60 student
Irriżenjaw matul is-sena 6 studenti
Spiċċaw il-kors b'suċċess 47 student
Ma' għaddewx 7 studenti
Temmew il-kors b'suċċess u komplew 45 student
l-istudji tagħhom.
B'riferenza għall-mistoqsija 35568, jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx data meta ser jitlesta x-xogħol fuq kull impjant? Hemm xi wħud li kellhom ikunu lesti diġa'?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li peress li hemm xi xogħlijiet imsemmija li t-tenders tagħhom għadhom ma ġewx aġġudikati, mhux possibbli li jingħataw dati definittivi meta dawn ix-xogħlijiet ser ikunu lesti.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari nru. 35659, jista' il-Ministru jgħid min kien is-sub-contractor li għamel ix-xogħol tal-kumpannija Kalaxlokk fil-junior lyceum Sir Adrian Dingli, Pembroke?
Response (GALEA, LOUIS)
Stante li r-relazzjoni tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada hi mal-kumpanija Kalaxlokk Co. Ltd biex, mhix il-prattika li jinġabru dettalji ta' sotto-kuntratturi ta' kuntratturi prinċipali li jkunu ħadu xogħol.
B'referenza għall-mistoqsija 34884 jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' l-imsemmija ittra ta' rakkomandazzjoni billi fir-risposta ma saret l-ebda referenza għaliha?
Response (GALEA, LOUIS)
Mhux ser inpoġġi d-dokument fuq il-Mejda peress li t-tqegħid ta' kopja ta' l-ittra ta' rakkomandazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra jista' joħloq preċedent stante li korrispondenza bħal din mal-PSC hi meqjusa konfidenzjali.
Jista' il-Ministru jgħid skond mistoqsija 35675 l-istudenti humiex se jidħlu għall-course ta' Frar bil-next one on the list, jew iridux jerġgħu japplikaw mill-ġdid?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kors ta' "Computer Awareness" huwa kors qasir ta' erbatax-il ġimgħa. Għall-kors ta' Frar, li jkun repetizzjoni tal-kors li qed isir bħalissa, jidħlu fih dawk li qegħdin fuq il-'waiting list' fuq sistema ta' "first-come-first-served".
Jista' il-Ministru jieħu ħsieb u jara li jiġi kkonservat shelter ta' żmien it-tieni gwerra li għandu diversi kmamar fih liema shelter jiġi quddiem il-fond bin-numru 96, Triq it-Torri Finghi, Xewkija, Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tal-Mużewijiet se jfittex li jillokaliza x-xelter imsemmi fil-mistoqsija u jieħu l-miżuri kollha neċessarji biex, jekk ikun il-każ, jiġi ppreservat.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kotba ġodda nxtraw tul din is-sena sat-30 ta' Settembru 2002? Jista' jiġi indikat ta' liema lingwa kienu u kemm ġew jiswew?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul din is-sena sat-30 ta' Settembru 2002, mill-fondi allokati lil-Librerija Pubblika Ċentrali għax-xiri tal-kotba inxtraw 6018 ktieb li b'kollox ġew jiswew is-somma ta' Lm18,185. Dawn kienu f'dawn il-lingwi:- Malti, Ingliż, Taljan, Franċiż, Ġermaniż u Spanjol.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm persuni daħlu fit-tempju ta' l-Ipoġew ġewwa Raħal Ġdid minn meta reġa' infetaħ għall-pubbliku? Kemm daħħal flus id-dipartiment minnu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' nies li daħlu fit-tempju ta' l-Ipoġew Raħal Ġdid minn meta reġa' nfetaħ għall-pubbliku huwa ta' 44,997, li ssarraf fi dħul ta' Lm124,580.
Jista' il-Ministru jinforma lill-Kamra kemm daħlu persuni fil-mużew marittimu matul din is-sena sal-15 ta' Ottubru 2002? Kemm kien hemm dħul minn dan? Jista' jiġi indikat ukoll jekk huwiex previst li fil-futur immedjat tinfetaħ parti oħra tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' nies li daħlu fil-Mużew Marittimu matul din is-sena sal-15 ta' Ottubru, 2002 huwa ta' 23,490, li sarraf fi dħul ta' Lm5,200.
Informat ukoll li bħalissa qed isir xogħol biex tinfetaħ sala msejħa ta' l-Anadrian fejn ser ikun hemm għall-wiri l-makkinarju kollu ta' l-engine room inkluż steam engine komplut tal-Garb Dreger Anadrian. Fil-mezzanin ta' l-istess sala ser ikun hemm għall-wiri rikostruzzjoni tal-gabina ta' l-Anadrian, mudell ta' l-Anadrian magni u mudelli ta' magni u oġġetti oħra li għandhom x'jaqsmu ma' l-inġinerija marittima.
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsir il-lift fl-iskola Maria Goretti, Tarxien biex il-bini jsir aċċessibbli għall-istudenti b'diżabilita`?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada qed twettaq audit tal-bżonnijiet kollha ta' l-iskola li jinkorpora bżonnijiet ta' aċċessibilita`.
Jista' il-Ministru jara li jittieħdu l-passi meħtieġa biex l-istudenta b'diżabilita` li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li tattendi Form IV fl-iskola Maria Goretti, Tarxien tkun tista' tieħu s-suġġetti li tixtieq bħall-istudenti l-oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Is-soluzzjoni permanenti f'dan il-każ hi l-introduzzjoni ta' lift li ser isir bħala parti mill-proġett għal din l-iskola u li hu maħsub li jiġi implimentat is-sena li ġejja. Tlabt li jkomplu jiġu esplorati possibilitajiet biex l-istudenta konċernata ssegwi suġġetti li tixtieq tagħmel.
Jista' il-Ministru jgħid jekk id-diviżjoni ta' l-edukazzjoni laqgħetx it-talba tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament f'ittra li bagħat fl-10 ta' Settembru, 2002 biex għal raġunijiet umanitarji jibqa' jgħallem l-Ingliż fl-iskola sekondarja tal-Fortini?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li wara li sar il-Classification Exercise ta' l-Iskola Sekondarja tal-Fortini għal din is-sena, irriżulta li kien hemm għalliem ta' l-Ingliż żejjed (redundant) f'din l-iskola. Kif dejjem jiġri f'każijiet bħal dawn l-għalliem li hu "junior" fis-suġġett partikolari f'din l-iskola ġie trasferit għal skola oħra fejn kien hemm bżonn is-servizzi tiegħu.
Meta fl-10 ta' Settembru l-għalliem imsemmi talab lid-Direttur ta' l-Edukazzjoni biex jibqa' jgħallem il-Fortini, it-talba tiegħu ma setgħetx tiġi milqugħa għax il-Fortini ma kienx hemm bżonn ta' għalliem ta' l-Ingliż.