Legislature:
Category:
Reset
Active:

Vetturi tal-Pulizija — VRT

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru testijiet tal-VRT fuq il-vetturi ta' kull sezzjoni tal-Korp tal-Pulizija mill-1 ta' Marzu 2013 sal-31 ta' Diċembru 2013, mill-1 ta' Jannar 2014 sal-31 ta' Diċembru 2014 u mill-1 ta' Jannar 2015 sat-30 ta' Settembru 2015? Jista' jgħid għand min saru dawn it-testijiet tal-VRT? Jist'a jgħid kemm ħallas il-Korp tal-Pulizija għal dawn it-testijiet? Jista' jgħid ħarġitx sejħa għal dawn it-testijiet jew jekk ingħatatx b'direct order? Jista' jgħid kemm, f'kull perjodu fuq indikat kien hemm vetturi li weħlu mit-test tal-VRT u kemm għaddew?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Tifla li tinsab barra minn Malta – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward it-tifla tiegħu li tinsab barra minn Malta?

Response (ABELA, CARMELO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jipprovdi aktar informazzjoni fuq il-każ sabiex nkun nista’ nipproċedi bil-mistoqsija parlamentari.

Skorta tal-pulizija ma’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadx għandu miegħu skorta tal-pulizija? Jekk iva, jista’ jgħid x’inhi r-raġuni għaliex dan l-individwu għad għandu skorta miegħu u liema fergħa tal-Korp tal-Pulizija tieħu ħsieb din is-sigurtà u jekk dan l-individwu jkunx akkumpanjat mill-iskorta anke barra minn Malta? Jista’ jgħid kemm swiet din l-iskorta lill-pajjiż minn meta l-individwu spiċċa mill-funzjonijiet pubbliċi tiegħu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li żewġ Kunstistabblijiet mit-Taqsima tas-Sigurta’ tal-Korp huma dettaljati sabiex jagħmlu xogħol ta’ xufiera u skorta mal-persuna li għalija saret referenza. Ninformah ukoll li minħabba raġunijiet ta’ sigurta’, aktar dettalji ma jistgħux jiġu mogħtija.

Korp tal-Pulizija – xufier ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ix-xufier tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament huwiex membru tal-Korp tal-Pulizija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li ż-żewġ xufiera tal-persuna li għalija saret referenza huma membri tal-Korp tal-Pulizija.

Każijiet ta’ mwiet riżultat ta’ suwiċidji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta' mwiet riżultat ta’ suwiċidju sena b'sena bejn l-2005 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Kemm minnhom kienu rġiel u kemm kienu nisa? X’kienet l-età tal-vittmi?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Pulizija kellhom mitejn u tnejn u sebgħin (272) rapport ta` persuni li mietu riżultat ta` suwiċidju mis-sena 2005 sa l-aħħar ta` Awissu 2015. Min dawn, disa u għoxrin kienu nisa waqt li 243 kienu rġiel.

Persuni li mietu b’kawża ta’ overdose

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm każi ta' mwiet riżultat ta’ overdose sena b'sena bejn l-2005 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija? Kemm minnhom kienu rġiel u kemm kienu nisa? X’kienet l-età tal-vittmi?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l -Pulizija kellhom sebgħa u erbgħin (47) rapport ta` persuni li mietu ri¿ultat ta` Overdose mis-sena 2005 sa l-aħħar ta` Awissu 2015. Disa u tletin kienu rġiel waqt li tmienja kienu nisa. L-etajiet huma kif jidhru fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni mressqa l-Qorti fuq moħqrija ta’ annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni tressqu mill-pulizija quddiem il-qorti fuq moħqrija ta' annimali bejn l-2004 u d-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija sena b’sena? Kemm minnhom kienu rġiel u kemm kienu nisa? X’kienet l-età tagħhom? X’kienu s-sentenzi mogħtija?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Pulizija re-instated bejn l-2008 u l-2013

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ pulizija li kienu re-instated bejn l-2008 u Marzu 2013? Jista’ jagħti d-dettalji dwar liema ranks ġew re-instated dawn il-pulizija bejn l-2008 u Marzu 2013?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bejn l-2008 u Marzu 2013 ġew re-instated 14-il membru tal-Korp kif muri fit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.

Pulizija re-instated bejn l-2003 u l-2008 — ranks

Question

Fost dawk il-pulizija li kienu re-instated bejn l-2008 u Marzu 2013, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm minnhom li ngħataw promozzjoni malli ddaħħlu lura u f’liema ranks ingħataw dawn il-promozzjonijiet?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif infurmajt lil din il-Kamra fil-mistoqsija ta’ qabel, matul is-sena 2008 u s-sena 2013 kien hemm total ta erbatax –il membru tal-Korp tal-Pulizija li ġie re-instated. Minnhom kien hemm każ wieħed fejn Surġent tal-Pulizija ġie promos għal-Maġġur, f’inqas minn sena.

Pulizija — Promozzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm pulizija li b’xi mod kienu investigati u li ngħataw promozzjoni bejn: (a) l-1987 u l-1996; u (b) l-1998 u l-2013?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bejn l-1987 u l-1996 kien hemm ħmistax (15), filwaqt li bejn l-1998 u l-2013 kien hemm sittax (16) il membru tal-Korp li kienu ġew investigati in konnessjoni ma’ reati kriminali jew inkella dixxiplinarji u li wara ġew promossi.

Pulizija seconded f’dipartimenti u/jew Ministeri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bejn l-1987 u l-1996, kienx hemm każijiet ta’ pulizija li kienu seconded fuq xogħol ieħor mal-Gvern? Jekk iva, ma’ liema dipartimenti u/jew Ministeri kienu seconded?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li mill-1987 sal-1996 kien hemm tliet Kuntistabbli tal-Pulizija li kienu ġew trasferiti ma’ dipartimenti/ministeri oħra. Wieħed kien trasferit fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin filwaqt li t-tnejn l-oħra kienu trasferiti għall-Qorti.

Pulizija seconded f’dipartimenti u/jew Ministeri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk bejn l-1998 u Marzu 2013 kienx hemm każijiet ta’ pulizija li kienu seconded fuq xogħol ieħor mal-Gvern? Jekk iva, ma’ liema dipartimenti u/jew Ministeri kienu seconded?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li mill-1998 sa Marzu 2013 kien hemm 57 membru tal-Korp tal-Pulizija li kienu ġew trasferiti ma’ dipartimenti oħra. Ħamsa w ħamsin (55) kienu trasferiti għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili wara sejħa li kienet saret għal dan id-Dipartiment. Membru tal-Korp mara u membru ieħor kienu ġew trasferiti fid-Dipartiment tax-Xogħolijiet Pubbliċi u d-Dipartiment tas-Saħħa rispettivament. Dan wara rakkomandazzjoni li kienet saret milll-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku peress li dawn ż-żewġ membri kienu għaddew proċeduri kriminali fil-Qorti.

Skorta — ex-Prim Ministri u ex Presidenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hekk hijiex il-prassi li ex-Prim Ministri u ex Presidenti jkollhom bodyguards u skorta magħhom?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-prassi li ex-Prim Ministri u ex Presidenti jkollhom bodyguards u/jew skorta magħhom hi kwistjoni ta’ sigurta.

Żgħażagħ li tressqu l-Qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm itellgħu l-Qorti persuni li kellhom inqas minn 16-il sena, mill-2008 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija, maqsuma sena b’sena? Jista’ jgħid kemm minnhom kienu subien u kemm kienu bniet? Jista’ jgħid x’kienu r-reati li tressqu l-Qorti fuqhom?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat illi mis-2008 sal-lum kien hemm sebgħa mija, ħamsa u sebgħin (775) persuna taħt is-sittax -il sena li tressqet quddiem il-Qorti. Min dawn kien hemm ħames mija, sitta u sittin (566) subien u mitejn u disgħa (209) bniet kif indikat fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra. L-ewwel tabella tindika dawn il-figuri sena b’sena filwaqt li t- tieni tabella tindika d-diversi reati li kienu tressqu fuqhom.

Persuni li nqabdu jsuqu vetturi mingħajr liċenzja tas-sewqan

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li nqabdu jsuqu xi vettura mingħajr il-liċenzja tas-sewqan mill-2008 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija sena b’sena? Jista’ jgħid x’kienet l-età ta’ dawn il-persuni u kemm minnhom kienu nisa u kemm kienu rġiel?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ninsab infurmat li mill-2008 sal-lum inqabdu sebgħa mija u tmintax il-persuna jsuqu xi vettura mingħajr il-licenzja tas-sewqan. L-eta’ kienet tvarja bejn ħmistax –il sena u ‘l fuq min sittin sena. Dettalji sena b’sena jidhru fit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.

Persuni li tteħditilhom il-liċenzja tas-sewqan

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li tteħditilhom il-liċenzja tas-sewqan b'deċiżjoni tal-Qorti mill-2008 sad-data li fiha tkun imwieġba din il mistoqsija sena b’sena? Jista’ jgħid kemm kien ivarja ż-żmien li għalih kienet sospiża l-liċenzja tas-sewqan? Jista’ jgħid x’kienet l-età ta’ dawn il-persuni u kemm minnhom kienu nisa u kemm kienu rġiel?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li mis-sena 2008 sa Settembru tas-sena 2015 kien hemm 2487 persuna, li tteħditilhom il-liċenzja tas-sewqan b'deċiżjoni tal-Qorti. Il-perjodu li għalih kienet sospiza il-liċenzja tvarja bejn ġimgħa u għal aktar minn sentejn. L-eta’ ta’ dawn il-persuni tvarja bejn taħt it-tmintax –il sena u ‘l fuq minn sittin sena. Min dawn, mija wieħed u sebgħin (171) kienu nisa u elfejn, mitejn u sittax (2316) kienu irġiel. Id-dettalji mitluba qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Persuni mressqa l-qorti fuq tlajjar għall-skop ta’ prostituzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-Qorti fuq akkużi ta’ tlajjar għall-prostituzzjoni mill-2008 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija sena b’sena? Jista’ jagħti l-etajiet tagħhom u jgħid f’liema lokalitajiet inqabdu? Jista’ jgħid x’pieni ngħataw?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Persuni mressqa l-qorti – akkużat li għexu minn qliegħ ta’ prostituzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq akkużi li għexu minn qliegħ ta' prostituzzjoni mill-2008 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija sena b’sena? Jista’ jagħti l-etajiet tagħhom u x’kienu l-pieni mogħtija ? Jista’ jgħid ta’ liema nazzjonalità kienu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.

Forzi Armati ta’ Malta – vetturi, muturi, vannijiet u low loaders

Question

B'referenza għat-tweġiba għal-mistoqsija parlamentari 18045 u l-informazzjoni li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew f'termini ta' flus l-inġenji mixtrija? Jista' jagħti l-informazzjoni skont kull dealer/entità separata?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – vetturi, muturi, vannijiet u low loaders

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 18046 u l-informazzjoni li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew f'termini ta' flus l-inġenji mixtrija? Jista' jagħti din l-informazzjoni skont kull dealer/entità separata?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.