Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sponsorships għal degree f’oqsma agrikoli

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk bħalissa hemmx xi żgħażagħ li huma sponsorjati mill-Ministeru tiegħu li qed jistudjaw għal xi degree f'oqsma agrikoli differenti? Jekk iva, kemm hemm u f'liema oqsma qed jiġu mħarrġa?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 10313.

Talbiet għal estensjonijiet ta’ faċilitajiet agrikoli

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm talbiet għal estensjonijiet ta' faċilitajiet agrikoli li bħalissa jinsabu pendenti quddiem xi sezzjoni tal-Ministeru responsabbli mill-agrikoltura? Kemm ilhom pendenti dawn it-talbiet?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li m’hemm l-ebda talba pendenti.

Persuni b’taħriġ speċjalizzat fit-trobbija tal-annimali/tkabbir ta’ ħaxix u frott

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' persuni b'taħriġ speċjalizzat fit-trobbija tal-annimali jew tkabbir ta' ħaxix u frott li bħalissa huma impjegati mad-dipartiment ikkonċernat? F'liema oqsma huma speċjalizzati dawk li huma impjegati bħalissa?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni b'taħriġ speċjalizzat fit-trobbija tal-annimali u/jew tkabbir ta' ħaxix u frott li huma impjegati mad-Dipartiment huma ta’ 24. Filwaqt, li persuni impjegati bi specjalizzazzjonijiet oħra huma 4.

Waste Streams esportati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-waste streams li ġew esportati bejn Jannar 2014 u Marzu 2015? Jista’ jgħid lejn liema pajjiż qed tiġi esportata kull waste stream? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża totali tal-Gvern ta’ kull waste stream li ġiet esportata?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellanta li skond kif ninsab infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti l-kumpanija WasteServ ma tesportax waste streams. F’ċertu każijiet tbiegħ waste streams li jinġabru mill-kumpanija lill-Operaturi Maltin u f’każijiet oħra l-kumpanija tkun trid tħallas lill-operaturi privati biex jieħduh u jiddisponu minnu huma. Rigward il-mistoqsijiet l-oħra nitlob l-Onor. Interpellanta tagħmel dan lill-Ministru kkonċernat.

Il-Pitkalija — investiment

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema investiment hu mistenni li jitlesta fil-Pitkalija din is-sena? F'liema stadju wasal ix-xogħol marbut mal-istess investiment? Min hu mistenni li jagħmel dan ix-xogħol li hu meħtieġ li jsir? Kemm hu mistenni li jiġi jqum dan l-istess investiment?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond kif jien mgħarraf mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, din is-sena hu mistenni li jkun lest ix-xogħol għat-titjib tat-Teknoloġija tal-Informatika. Dan il-proġett qed isir flimkien mal-MITA u huwa stmat li b’kollox se jiswa €320,000. Bħalissa, dan ix-xogħol qiegħed fl-istadju tal-iżvilupp tas-software. Se jitlesta wkoll bini ta’ cold store fil-Pitkalija tal-Koperattiva Ċentrali tal-Bdiewa li qed isir bħala parti mill-proġett pilota u huwa stmat li se jiswa €265,107. Inżid ngħid li ġiet ippublikata sejħa għall-offerti biex jiġu mixtrija 20,000 kaxxa ġdida għall-użu fil-Pitkalija. Dan it- tender ġie ppubblikat nhar il-Ġimgħa 8 ta’ Mejju u se jiswa madwar €140,000.

Il-Pitkalija — ħlas lil bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-bdiewa hux qed jitħallsu fil-ħin għal dak li jirrigwarda l-prodotti li l-istess jdaħħlu fil-Pitkalija Ta' Qali? Jista' jagħti dettalji dwar kemm huma l-ħlasijiet li suppost jsiru mix-xerrejja, li iżda għad ma tħallsux, liema ħlas ilu pendenti għal iktar minn xahar, tliet xhur, sitt xhur u sena rispettivament? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk xerrejja li ma jħallsux dak li jixtru hux qed jitħallew jidħlu fil-Pitkalija xorta waħda?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond kif jien mgħarraf mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, mill-1 ta’ Marzu ‘l hawn, bis-sistema l-ġdida introdotta, il-bdiewa bdew jitħallsu minn nofs ix-xahar ta’ wara. Kien hemm każ ta’ pitkal wieħed li ma ħallasx fil-ħin u li għalhekk il-pagamenti dovuti lill-bdiewa tiegħu għadhom pendenti. F’dan il-każ, qed jittieħdu l-passi meħtieġa skond il-liġi. Għar-rigward tal-aħħar parti tad-domanda, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħlasijiet lid-Dipartiment ma jsirux mix-xerrejja iżda mill-Pitkala kif ukoll li r-responsabbiltà tal-ħlasijiet lix-xerrejja hija responsabbiltà esklussiva tal-Pitkala. Id-Dipartiment huwa responsabbli li jara li l-pitkal jiddepożita l-ħlasijiet dovuti fil-ħin. Ninfurmah ukoll li fil-preżent, id-Dipartiment ma rċieva l-ebda rapport mingħand xi pitkal li xi xerrejja ma ħallsux u għaldaqstant ma setgħux jittieħdu passi kontra xi xerrejja. Ħlasijiet lill-bdiewa ta’ qabel l-1 ta’ Marzu 2015, id-Dipartiment qed jaħdem mal-bank u maż-żewġ pitkala kkonċernati biex isiru l-arranġamenti neċessarji biex il-bdiewa jibdew jitħallsu.

Il-Pitkalija — xiri ta' prodotti agrikoli

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni li għaliha l-mara tad-dar mhux qed titħalla tidħol fil-Pitkalija biex tixtri prodotti agrikoli kif kienet tagħmel għal bosta snin? Jekk mhux qed titħalla tidhol jista' l-istess Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhi r-raġuni li għaliha dan qed iseħħ? X'tip ta' kontroll kien u għadu qed iseħħ fil-bieb tal-pitkalija biex jiġi assigurat li ma jkunx hemm abbużi minn dawk li jidħlu jixtru mill-Pitkalija? Jista' jagħti tagħrif dwar kemm hu stmat li kien il-valur tal-prodott li nxtara min-nisa tad-dar, kull xahar, matul l-aħħar sentejn?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skond kif jien mgħarraf mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, l-Onor. Interpellant mhux korrett meta fit-30 ta’ April qed jgħid li l-mara tad-dar mhux qed tidħol fil-Pitkalija. Ninfurmah li l-mara tad-dar ma tħallietx tidħol il-Pitkalija bejn it-13 ta’ Marzu 2015 u l-25 ta’ Marzu 2015 u dan sakemm ġiet introdotta sistema ta’ kontroll aħjar biex jinqatgħu l-abbużi u biex ikun issalvagwardjat id-dħul tal-bdiewa għall-prodotti tagħhom. Għall-aħħar parti tad-domanda, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi Tabella fuq il-Mejda tal-Kamra bl-informazzjoni mitluba. Ta’ min jgħid li fejn it-totali ta’ bejgħ bejn l-2011 u l-2014 dejjem kien qawwi - €784,772, €918,765, €1,110,642 u €1,017,282 - f’April 2015 bl-introduzzjoni tas-sistema l-ġdida li tiggarantixxi aktar kontroll fuq il-bejgħ lill-mara tad-dar, il-figura ta’ bejgħ għal xahar wieħed ta’ April kienet biss ta’ €1,312, meta f’April 2014 kienet €84,357 u f’April 2013 kienet €91,647, b’hekk ġie ssalvagwardjat l-interess tal-bidwi.

Parkeġġi — tabelli dwar annimali fil-karozzi

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li f'postijiet riservati għall-parking iwaħħal tabelli biex ifakkar lin-nies biex ma jħallux annimali msakkra fil-karozzi fix-xemx, l-aktar issa li bdiet is-sħana?

Response (BRINCAT, LEO)

Infakkar lill-Onor. Interpellant li l-liġi dwar it-Trattament Xieraq tal-Annimali titratta dak kollu li għandu x’jaqsam mal-moħqrija tal-annimali. Skond informazzjoni mgħoddija lili mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, persuni li jħallu l-annimali msakkra fil-karozzi fix-xemx iwettqu reat u huma suġġetti għall-passi legali kontrihom. Filwaqt li l-ħsieb tal-Onorevoli Interpellant huwa wieħed li jintlaqa’ pożittivament, ngħarrfu li l-edukazzjoni, speċjalment kif qed issir fl-iskejjel, hija meqjusa l-aktar mod effettiv sabiex jitqajjem għarfien kontra l-moħqrija tal-annimali. Ma naħsibx li hu prattiku li għal kull reat li jikkostitwixxi ksur tal-liġi noqogħdu nwaħħlu tabelli biex infakkru liċ-ċittadini x’inhuma l-obbligi tagħhom.

Dipartiment tal-Agrikoltura –ħaddiema trasferiti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew trasferiti ħaddiema mid-Dipartiment tal-Agrikoltura matul dawn l-aħħar sentejn? X'inhu l-grad ta' dawn il-haddiema?

Response (BRINCAT, LEO)

Nagħarraf lill-Onor. Interpellant li skont kif ninsab infurmat mill- Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, matul dawn l-aħħar sentejn kiem hemm ħames ħaddiema mid-Direttorat tal-Agrikoltura li mxew għall-dipartimenti/direttorati oħra fi ħdan il-Ministeru. Il-grad tagħhom kien ta’ General Hand, Gardener, Senior Clerk u 2 Agricultural Officers.

Agrikoltura — Sussidju lill-prodotturi lokali

Question

In vista tal-fatt li sew il-Gvern Malti kif ukoll l-Unjoni Ewropea taw daqstant sussidji lill-produtturi lokali, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-biedja sejra lura? Jista' jgħid x'inhi l-kawża ta' dan ir-rigress? Jista' jgħid jekk il-Gvern għandux pjan t'azzjoni ppreparat għall-perjodu 2014-2020? Jista' jgħid jekk hux se jinvesti f'aktar tagħlim u f'aktar taħriġ, speċjalment fuq il-maniġġ tal-biedja, sabiex ibiddel din it-trend u tieqaf l-emmorreġija ta' riżorsi umani fil-biedja?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispjega f’iżjed dettal liema huma l-indikaturi li fuqhom ibbaża l-konklużżjoni tiegħu li l-biedja ‘sejra lura’. Nixtieq ninfurmah li sabiex tingħata direzzjoni aktar strateġika lil dan is-settur, f’dawn ix-xhur li ġejjin se tkun qed titfassal politika agrikola nazzjonali għas-snin li ġejjin bi proċess ta’ konsultazzjoni nazzjonali u wiesgħa. Ninfurmah ukoll li d-Direttorat tal-Agrikoltura, fis-snin li għaddew offra għadd ta’ korsijiet b’xejn għall-bdiewa sabiex jiġu mgħallma ħielet maniġerjali u anki prattiċi speċifiċi għal dan is-settur, iżda r-rispons kien ferm baxx. Madanakollu l-Pjan Ta’ Żvilupp Rurali li qed jiġi mfassal mill-MEAIM jagħmel enfasi qawwija fuq l-aspett ta’ ‘ knowledge transfer ’ u ser ikun hemm iżjed opportunitajiet minn qatt qabel sabiex jiġu indirizzati dawn it-tip ta’ sfidi.

Agrikoltura — Bdiewa full-time u part-time

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' bdiewa full-time u part-time rispettivament li llum huma rreġistrati mad-Dipartiment tal-Agrikoltura? Minn liema lokalitajiet, f'numru għal kull lokal, ġejjin dawn il-bdiewa, f'Malta u f'Għawdex?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 12920.

Dipartiment tal-Agrikoltura – Permess biex jinqalgħu siġar protetti

Question

Jista l-Ministru jghid kemm-il permess inħareġ mid-Dipartiment tal-Agrikoltura biex siġar protetti jiġu maqlugħa mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Fejn dawn s-siġar ġew maqlugħa bil-kondizzjoni li jitħawlu siġar oħra biex jikkkompensaw, jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Agrikoltura jagħmilx moniteraġġ ta' fejn dawn is-siġar ikunu tħawlu u kemm minnhom għadhom ma mitux?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont kif jien infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, permessi ta’ qlugħ ta’ siġar ma’ jaqgħux taħt ir-responsabbilta` tad-Direttorat tal-Agrikoltura.

Użu ta’ sterlizzanti, erbiċidi, insettiċidi u fungiċidi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari x’kien l-ammont użat ta': (a) sterilizzanti kimiċi biex jisterillizzaw il-ħamrija tas-serer; (b) erbiċidi totali li ntużaw biex jinqered il-ħaxix ħażin mit-toroq; (c) erbiċidi selettivi mill-bdiewa biex jeħilsu minn ħaxix li mhux mixtieq fir-raba’ tagħhom; (d) insettiċidi mill-bdiewa biex iħarsu l-prodotti tagħhom mill-insetti; u (e) fungiċidi mill-bdiewa biex iħarsu l-prodotti tagħhom minn mard tal-moffa?

Response (BRINCAT, LEO)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Prodotti agrikoli importati –residue level ta’ pestiċidi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru random checks mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari għall-maximum residue level tal-pestiċidi fuq ħaxix għall-ikel bħal pastard, kaboċċi u frott li qed ikun importat minn pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea?

Response (BRINCAT, LEO)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Importazzjoni ta’ fniek – iċċekjar mill-veterinarju lokali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-fniek li jiġu impurtati minn barra l-pajjiż (kemm jekk ħajjin kif ukoll jekk mejtin) għall-konsum lokali, jiġux iċċekkjati mill-veterinarju lokali biex jiġi assigurat li huma ħielsa minn kull mard?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, infurmat li jsiru l-kontrolli neċessarji biex jiġi żgurat li l-fniek huma kollha ħielsa minn kull mard.

Konsum ta’ pestiċidi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif kien imqassam il-konsum ta' pestiċidi (ammont totali skont il-kategorija u skont il-kimika) bejn industrija, agrikoltura, settur pubbliku u ċittadini, sena b'sena għal dawn l-aħħar ħames snin?

Response (BRINCAT, LEO)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Produzzjoni ta’ ħalib frisk

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' produtturi tal-ħalib frisk reġistrati f'Malta u f'Għawdex fil-preżent? Xi produzzjoni jlaħħqu f'Malta u f'Għawdex separatament?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont kif infurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, preżentament ir-records tad-Direttorat tal-Agrikoltura jindikaw li t-total ta’ produtturi reġistrati sal-1 ta’ April 2015 kien ta’ 110 raħħal (34 Għawdex u 76 Malta). Rigward il-produzzjoni tal-ħalib, bejn Malta u Għawdex iċ-ċifri sottomessi mill-unika proċessur tal-ħalib frisk reġistrat għas-sena 2014 kien ta’ 28,967 tunellati f’Malta u ta’ 13,805 tunellati f’Għawdex.

Ħaddiema fl-agrikoltura u s-sajd

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ ħaddiema fis-settur privat f'Malta fl-aħħar ta' kull sena mill-2013 ’l hawn separatament f'dawk li jaħdmu għal rashom u impjegati, kif ġej: (a) agrikoltura; u (b) sajd?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 12920.

Ċimiterju tal-annimali — ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li ċ-ċimiterju tal-annimali mwiegħed fil-programm elettorali tal-Partit Laburista se jkun bi ħlas? Jekk ir-risposta hija fl-affermattiv, NGOs li jiġbru u jrabbu annimali abbandunati u jkollhom jagħmlu użu minn dan iċ-ċimiterju dawk se jkunu eżnetati mill-ħlas meta wieħed jikkunsidra li dawn l-NGOs jagħmlu sforzi kbar biex ilaħħqu mal-ispejjeż biex jiġbru, jżommu u jrabbu dawn l-annimali abbandunati?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont tagħrif miġbur mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari, iċ-Ċimiterju tal-Annimali se jkun joffri servizz personalizzat u se jkun żviluppat b’investiment privat. Għalhekk huwa raġonevoli li wieħed jistenna li dan is-servizz ikun bi ħlas. Ta’ min ifakkar li l-WasteServ diġà toffri servizz ta’ inċinerazzjoni ta’ annimali fl-inċineratur tagħha fil-Marsa. Dan is-servizz diġà jintuża mill-NGOs u dawn se jkunu jistgħu jibqgħu jagħmlu dan.

Gwardjan tal-Ġenerazzjonijiet Futuri – riżorsi finanzjarji u umani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux se jżid ir-riżorsi finanzjarji u umani lill-kummissjoni msejħa Gwardjan tal-Ġenerazzjonijiet Futuri wara li numru ta’ membri ta’ din il-Kummissjoni rriżenjaw minħabba n-nuqqas ta’ tali appoġġ li ngħatat il-Kummissjoni li kienu parti minnha?

Response (BRINCAT, LEO)

Nibda biex ngħid li fis-sena 2012, meta mhux biss għaddiet il-Liġi tal-Iżvilupp Sostenibbli taħt l-amministrazzjoni l-oħra u anki twaqqaf il-Bord tal-Kummissjoni msejħa Gwardjan tal-Ġenerazzjonijiet Futuri u saħansitra beda jitħaddem, ma kienx ġie allokat l-ebda Ewro għal strateġija dwar Żvilupp Sostenibbli. L-istess reġa’ ġara fis-sena 2013 fil-baġit tal-Gvern preċedenti. Li l-Gvern preżenti kien bi ħsiebu jżid ir-riżorsi finanzjarji għal din il-Kummissjoni ilhom jafuh l-istess membri tal-Kummissjoni mit-13 ta’ April 2015, permezz ta’ komunikazzjoni diretta li bgħatt lill-Gwardjan f’isem il-Gvern. Il-pożizzjoni tal-Gvern baqgħet l-istess kif baqgħet ir-rieda tal-Gvern li tiġi riveduta l-Leġiżlazzjoni ħalli jiġi żgurat li tkun aktar effettiva. Tajjeb li jingħad li kuntrarju għall-informazzjoni żbaljata li waslet f’ċerti għejjun is- Sustainable Development Network baqa’ jiffunzjona u jaħdem regolarment kif ukoll baqa` jiltaqa’ skond l-obbligi statutorji tiegħu. B’żieda ma’ dan irid jingħad illi sa minn ferm qabel mal-Gvern irċieva r-riżenja ta’ din il-Kummissjoni li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, kienu diġa’ ttieħdu passi amministrattivi sabiex issir sejħa għall-kariga ta’ Direttur għall-Iżvilupp Sostenibbli, kariga ġdida li ser tinħoloq għall-ewwel darba. Biex saħansitra nkomplu nżidu l- capacity building meħtieġ f’dan il-qasam speċjalizzat, ħarġet ukoll EOI ( Expression of Interest ) għal dawk kollha li setgħu kienu f’qagħda li joffru, fuq livell professjonali, support services lill-Ministeru fil-qasam tal-Iżvilupp Sostenibbli.