Legislature:
Category:
Reset
Active:

Maltacom

Question

Billi l-Maltacom plc kienet qiegħda fl-istadju li toħroġ tender biex jiġu spustjati xi cables li kienu għaddejjin minn taħt l-art fis-sit li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, u billi l-Maltacom issa għaddiet f'idejn azjenda privata, għadu l-Ministru f'pożizzjoni jgħid f'liema stadju wasal it-tender u dan billi x-xogħlijiet li kellhom isiru bis-saħħa ta' dan it-tender kienu ġew assunti mill-Maltacom plc qabel għaddiet fil-kontroll ta' l-azjenda privata?

Response (GATT, AUSTIN)

Peress li l-Maltacom hi kumpanija privata, l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata.

Maltacom — Impjegati

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm impjegati tal-Maltacom li huma on loan jew seconded fid-dipartimenti u ministeri tal-gvern? Issa li l-Maltacom hi totalment privatizzata, dawn l-impjegati se jintbagħtu lura jew se jsiru mpjegati permanenti tal-gvern?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Nru. 19438.

Servizz.gov

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il talba/mistoqsija kien hemm matul l-2005 u l-2006 fuq is-servizz elektroniku "servizz.gov"? Kemm minn dawn ġew imwieġba u kemm fadal pendenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li l-informazzjoni dwar is-"servizz.gov", liema servizz jaqa' taħt ir-responsabbilta' ta' l-OPM, imma mantnut mill-MITTS, għadha qed tinġabar.

Imġarr/Binġemma — Wires tad-dawl

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi proġett, anke forsi wieħed bl-għajnuna ta' fondi mill-Unjoni Ewropea, sabiex il-wires tat-33 tal-high tension li jaqsmu l-Imġarr lejn Bingemma jitpoġġew taħt l-art biex ma jibqgħux ikerrħu l-ambjent?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-Enemalta għandha pjanijiet biex jinbidlu l-linji tat-33kV b'cables li jitpoġġew taħt l-art u bħalissa qegħdin jiġu nvestigati possibilitajiet ta' xi rotot.

Rapport ta' Deloite and Touche

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk fir-rapport li għamlu Deloitte and Touche fuq s-surcharge fuq dawl u ilma: (a) ħadux in konsiderazzjoni il-fatt li l-gvern kien għolla l-prezz tal-petrol, eċċ. fil-pompi biex jagħmel cross subsidisation tal-konsum tad-dawl; (b) it-telf ta' Lm2.5 miljun assorbiti mill-Enemalta f'Ottubru 2005, ġew ikkonsidrati fl-audit li sar; (c) jekk l-ineffiċjenzi ta' l-Enemalta ammontanti għal Lm5.2 miljun suppost li se jinġarru mill-Enemalta, ġewx ikkonsidrati fil-kalkoli, peress li l-mekkaniżmu msemmi fir-rapport bħala kumpens għal dan l-ammont globali ta' Lm5.2 miljun huwa ħafna anqas mill-ammont ta' Lm5.2 miljun? Dan kollu jimpatta fuq ir-rata ta' surchargeli jrid iġorr il-konsumatur?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Segretarji permanenti/diretturi

Question

Jista' il-Ministru jiċħad jew jikkonferma li fid-dekasteru tiegħu inħarġu call for applications għall-karigi ta' segretarju permanenti, diretturi ġenerali, diretturi u assistenti diretturi, tmexxew l-intervisti u ħadd ma ġie appuntat minn dawk li applikaw u għaddew mill-interview b'suċċess? F'każ li fl-affermattiv, jista' jgħid x'kienet ir-raġuni u min ħa din id-deċiżjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li matul din is-sena (2006) ma kien hemm l-ebda call for application għal kariga ta' Assistenti Diretturi mal-Ministeru tagħna. Dwar il-gradi l-oħra, nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Investiment, Industrija u Teknoloġija ta' l-Informazzjoni — Fuel

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża tal-fuel tal-Ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għas-snin 2004 u 2005 separatament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li l-informazzjoni għadha qed tinġabar r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Triq Mater Boni Consigli — Fgura

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ħadu l-awtoritajiet rigward il-problemi li qed jiġu kkaġunati fi Triq Mater Boni Consigli, il-Fgura, u jieqaf dan l-inkonvenjent.

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li dan l-inkonvenjent ta' ħsejjes jirriżulta meta jintfew l-pompi li jippumpjaw lejn l-Impjant ta' Sant'Antnin (Waste Hammer effect). Jien infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma qed tieħu ħsieb biex sa fejn hu possibbli l-livell tal-materjal fis-sentina qed jinżamm għoli biex il-pompi jibqgħu jaħdmu. Ġew ukoll installati valvi li jgħalqu bil-mod meta jintfew il-pompi biex inaqqas dawn il-ħsejjes. Il-pompi li jaħdmu lejn l-impjant ta' Sant'Antnin se jieqfu definittivament meta jsir l-Impjant il-ġdid fin-Nofs in-Nhar ta' Malta.

Pembroke — Bini ta' substation

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 19034 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li parti mir-risposta ġiet riferuta lilek, tista' jekk jogħġbok tgħid jekk il-gvern hux beħsiebu jagħti konsiderazzjoni lill-petizzjoni miġbura mill-kunsill lokali ta' Pembroke kontra l-bini ta' substation fil-car park użat minn Pembroke Athleta Sports club u dan minħabba l-fatt li minbarra li se jkerrah l-ambjent ta' l-akwati se jelimina wkoll il-postijiet ta' parkeġġ li jintużaw mill-membri ta' dan il-klabb u b'hekk se tinħoloq problema ta' parkeġġ u traffiku f'dawn l-akkwati? Tista' tgħid ukoll x'inhi l-pożizzjoni ta' l-Enemalta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Każ dwar is-servizz ta' l-ilma

Question

Jista' il-Ministru ġentilment jgħid meta se ssir il-komunikazzjoni ġdida għas-servizz ta' l-ilma li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament minħabba li jidher li ilha pendenti għal madwar sitt xhur?

Response (GATT, AUSTIN)

Jiena nfurmat li din l-applikazzjoni kienet għal servizz ta' l-ilma f'kamra rurali barra mill-iskema tal-bini u għalhekk damet aktar mill-applikazzjonijiet normali biex tiġi pproċessata. It-talba għall-ilma issa ġiet milqugħa u s-servizz għandu jiġi nstallat fil-ġranet li ġejjin.

Enemalta

Question

Possibbli l-Enemalta tinformana x'sar dwar każ li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, minħabba li ma rċevejt ebda risposta għal diversi e-mails tiegħi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni (D/74/06) ġiet reġistrata fid-9 ta' Frar 2006. Peress li l-applikant kien għad kellu xi dejn x'iħallas lil Korporazzjoni Enemalta l-applikazzjoni ma setgħatx tiġi pproċessata. Meta tħallas id-dejn, l-applikazzjoni marret id-distrett u x-xogħol sar fis-6 t'April 2006.

Ħal Kirkop — Bozza mwaħħla mal-knisja

Question

Jista' il-Ministru jara, wara li fallew il-proċeduri normali, li jinbidel il-wire li jissuplixxi l-konsum lil bozza W064-31 li tinsab imwaħħla mal-Knisja ta' Ħal Kirkop?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret jirriżulta li ma hemmx il-ħtieġa li jinbidel il-wire li jissuplixxi din il-bozza. Din il-bozza qed tixgħel normali.

Dragonara Palace Casino

Question

Jista' il-Ministru jippreżenta kopja tal-ftehim milħuq bejn il-konsorzju Accor u l-MIMCOL fl-1998/9? Jista' il-Ministru jgħid min huwa responsabbli għal manutenzjoni tal-bini nnifsu tal-Palazz Dragonara Casino li jinsab fi stat tal-biki? Fil-fatt fuq din il-materja kien hemm diversi rapporti tal-ħaddiema tal-casino infushom għand l-unions rappreżentattivi tagħhom, peress li qegħdin jibżgħu li jistgħu jċedu xi xorok ta' l-istess bini (li bħalissa huma moħbijin mis-suffett). Huwa minnu li żewġ fanali tal-ħadid li kienu imdendlin fil-kuridur ta' barra waqgħu? Min se jinżamm responsabbli jekk iweġġa' xi ħaddiem jew klijent fl-istabiliment? Il-health and safety authority qatt żaret il-post tax-xogħol konċernat biex tivverifika l-qagħda ħażina ta' din l-istruttura? X'kienu r-reazzjonijiet ta' dawn iż-żjarat? Hu minnu li biex id-Dragonara Casino għaddiet mingħand il-MIMCOL għal konsorzju Accor, kien hemm bżonn ta' votazzjoni mill-ħaddiema? Minnu li l-ftehim milħuq bejn it-tliet unions rappreżentanti tal-ħaddiema mal-konsorzju Accor, ġie mibdul tliet darbiet għaliex kull darba li jkun wasal biex jiġi ffirmat jerġgħu jinbidlu xi dettalji mill-ftehim milħuq bil-fomm u li effettivament dan seta' wassal għal tnaqqis fil-kondizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema? Veru li l-BUPA family health scheme li l-ħaddiema kienu jgawdu qabel it-tmexxija ta' l-Accor ġiet limitata għall-impjegati biss? Veru li filwaqt li l-ħaddiema Maltin ġew imċaħħda mill-family health scheme, il-ħaddiema barranin impjegati direttament ma' l-Accor, ingħatatilhom health scheme ta' livell ogħla fejn setgħu jkomplu jassiguraw il-membri tal-familja tagħhom ukoll? Jaf il-Ministru li l-Accor suppost li kellha r-responsabbilta' li tirranġa l-post li hemm wara l-Palazz, magħruf bħala is-Slott Palace, u li sal-ġurnata tal-lum għadu ma sar xejn f'dan ir-rigward? Riżultat ta' hekk laħqet saret ħsara kbira f'dan il-post u għaldaqstant tajjeb li jsir magħruf issa min se jinżamm responsabbli għal din il-ħsara meta l-kuntratt ta' l-Accor jiskadi. Veru li l-Accor kellha ġġib investiment (f'termini ta' lagħba) barrani u minn dan l-investiment baqa' ma ġie xejn? Għaldaqstant il-qligħ kollu ġej minn fuq dahar il-Maltin?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li ma jeżisti ebda ftehim bejn il-MIMCOL u Accor u konsegwentament id-domandi kollha ma jistgħux jiġu mwieġba.

Imġarr — Provvista ta' l-ilma

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta l-partijiet ta' Mrejnu u Ta' Palma, l/o Imġarr, Malta se jerġa' ikollhom l-ilma, peress li dan ilu nieqes għal dawn l-aħħar tliet ġimgħat?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18690.