Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tal-Mediċini — chairman

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt taċ-chairman tal-Awtorità tal-Mediċini?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt li għandu ċ-Chairman tal-Awtorità tal-Mediċini huwa ekivalenti għal dak ta’ Segretarju Permanenti. Minħabba kwistjoni ta’ data protection il-kuntratt mhux se jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCCAA — ilmenti

Question

Tista' l-Ministru tagħti informazzjoni ta’ kemm-il ilment sar minn Marzu li għadda sal-lum quddiem l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) li jirrigwardaw l-air, sea u land transport passenger rights li jaqgħu taħt l-Awtorità? Kemm minn dawn l-ilmenti ġew indirizzati u taħt liema kategorija jaqgħu dawn l-ilmenti, bħal pereżempju, dewmien ta’ mezzi tat-transport, nuqqasijiet fil-programm, eċċ.?

Response (DALLI, HELENA)

Jien infurmata li mill-ewwel ta’ Marzu ta’ din is-sena s’issa daħlu 103 ilmenti li jistgħu jiġu klassifikati taħt waħda mit-tliet regolamenti dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru, l-baħar u l-art. L-ilmenti kollha qed jigu indirizzati mill-Awtorità . L-ilmenti kollha, ħlief wieħed, kienu dwar titjiriet bl-ajru. Għaxra minn dawn l-ilmenti kienu dwar ibburdjar miżmum (denied boarding) filwaqt li l-oħrajn kienu jinvolvu dewmien fit-tluq jew kanċellazzjoni tat-titjiriet.

MCCAA – investigazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra jekk l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) bdietx tagħmel investigazzjoni taħt il-liġi ta’ sorveljanza tas-suq dwar id-dikjarazzjoni li għamlet il-kumpanija, li d-dettalji dwarha qegħdon jitnbagħtu separatament, il-ġimgħa l-oħra fejn l-Għaqda tal-Konsumatur talbet li jsiru l-investigazzjonijiet neċessarji?

Response (DALLI, HELENA)

Jien infurmata li d-Direttorat tas-Sorveljanza tas-Suq fi ħdan l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) jagħmel stħarrig regolari biex jassigura li ċilindri tal-gass impoġija fis-suq ikunu siguri. Minn investigazzjoni illi l-Awtorita’ għamlet sa issa, ma nstabux ċilindri illi kellhom is-seals skont kif deskritti fl-istqarrijiet ta’ dan l-aħħar. Mill-ispezzjonijiet li saru, lanqas ma nstabu ċilindri fuq is-suq li m’humiex konformi mar-rekwiżiti tas-saħħa skont il-liġi applikabli u l-istandards relatati. Il-laboratorju tal-istess Awtorità jagħmel spezzjonijiet regolari fuq l-apparat illi jintuża meta ċilindri jiġu mimlija sabiex ikun żgurat illi hemm mezzi ta’ kontrolli adegwati waqt il-mili ta’ dawn iċ-ċilindri.

MCCAA – White Paper fuq il-food supplements

Question

Tista’ l-Ministru tinforma lill-Kamra għaliex skont il-White Paper li għadha kif ħarġet dwar il-food supplements ir-responsabbiltà li llum qiegħda taħt l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) se tgħaddi taħt il-Ministru għas-Saħħa? X’se jiġri mill-uffiċjali fi ħdan l-Awtorità li huma responsabbli minn din il-qasam?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma l-Onor. Interpellant li l-konsultazzjoni fuq din il-White Paper għadha miftuħa.

Regolamenti dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur – terminu ta’ konsultazzjonijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6303, tista’ l-Ministru tgħid jekk it-traspożizzjoni ta’ dan ir-Regolament sarx mill-uffiċjali tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA)? Jekk ma sarx mill-uffiċjali tal-Awtorità, minn min saret it-traspożizzjoni u kemm ġiet tiswa?

Response (DALLI, HELENA)

Jien infurmata li t-transposizzjoni tad-Direttiva permezz ta' Regolamenti saret minn uffiċċjali ta' l-Awtorita’ flimkien ma’ espert f'dan il-qasam u swiet €1,440.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili – Whistleblowing Reporting Officer

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi grad għandu l-Whistleblowing Reporting Officer li ġie appuntat fil-Ministeru tagħha? Min hu/hi l-Whistleblowing Reporting Officer u x’taħriġ ingħata/t?

Response (DALLI, HELENA)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Whistleblowing Reporting Officer fil-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili huwa d-Direttur (Strategy Support) fl-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti. Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-taħriġ lill-Whistleblowing Reporting Officer inbeda x-xahar l-ieħor.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u LIbertajiet Ċivili — fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm u kif hu maħsub li l-Ministeru tagħha, flimkien mal-entitajiet li jaqgħu fir-responsabilità tagħha, mistennija jibbenefikaw minn fondi tal-Unjoni Ewropea fl-2014, ġejjin mil-liema programm ġejjin?

Response (DALLI, HELENA)

Bħalissa l-Gvern qiegħed f’negozjati mal-Kummissjoni Ewropea sabiex ikun approvat il-Partnership Agreement għas-snin 2014-2020. Fl-istess waqt għaddejja ħidma fuq il-Programmi ta’ Operazzjoni. Huwa wara li jitlesta dan il-proċess meta l-Awtorita’ ta’ Ġestjoni tibda’ toħroġ is-sejħiet għal proġetti u inizjattivi.

soċjetajiet/għaqdiet/każini tal-baned irreġistrati

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' soċjetajiet/għaqdiet/każini tal-baned irreġistrati mal-Kummissarju għall-Għaqdiet Non-Governattivi?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-informazzjoni mitluba.

Regolamenti dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur – terminu ta’ konsultazzjonijiet

Question

Tista’ l-Ministru tikkonsidra testendi t-terminu ta’ konsultazzjoni dwar ir-Regolamenti dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur liema abbozz ta’ regolamenti ħareġ fid-19 ta’ Novembru 2013 bil-konsultazzjoni tagħlaq fid-29 ta’ Novembru li ġej? Ma taħsibx il-Ministru li dan iż-żmien ta’ konsultazzjoni huwa qasir wisq meta wieħed jikkonsidra l-importanza ta’ dawn ir-regolamenti?

Response (DALLI, HELENA)

Ninsab infurmata rigward ir-Regolamenti dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur li huma ftit l-artikoli mid-Direttiva li Malta trid tiddeċiedi fuqhom. Għalhekk inħass li ż-żmien mogħti għal konsultazzjoni huwa ġustifikat.

MCCAA – Regolamenti dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) eżaminatx ir-regolamenti ġodda dwar id-drittijiet tal-konsumatur li diġà ġew adottati minn pajjiżi oħra? Tista’ ssemmi dawk il-pajjiżi li tagħhom ġew eżaminati dawn ir-regolamenti?

Response (DALLI, HELENA)

Ninsab infurmata li l-parti l-kbira tal-iStati Membri għadhom qed jaħdmu fuq it-transposizzjoni bl-intenzjoni li din tiġi ppublikati sat-13 ta’ Diċembru 2013. L-Awtorità ħadet in konsiderazzjoni t-transposizzjoni li qiegħda ssir fir-Renju Uniti.

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — xogħol lil kumpanija

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'xogħol ingħata mill-Ministeru jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għall-perijodu 1998 u Marzu 2013? Tista' tgħid għal kull każ, jekk ix-xogħol ingħatax b'direct order jew tender u kemm kienet l-ispiza għal kull każ?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-informazzjoni mitluba

Ministeru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili — bordijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt l-Ministeru tagħha li ltaqgħu minn Marzu ta’ din is-sena sad-data li fih tkun imwieġba din l-interpellanza? Liema huma dawk li ma ltaqgħux?

Response (DALLI, HELENA)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-informazzjoni kif mitluba mill-Onor Interpellant.

Chairman tat-Tribunal Industrijali

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma jekk hux minnu li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament tneħħa minn chairman tat-Tribunal Industrijali b’effett mit-8 ta’ Lulju 2013? Jekk dan huwa veru x’inhi r-raġuni? Hija konxja li l-ħidma tat-Tribunal Industrijali waqfet ħesrem għad-detriment taċ-ċittadini li qed jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 4780.

Volontarjat — żgħażagħ

Question

Peress li fit-28 ta’ Settembru 2013, waqt konferenza fuq il-Volontarjat, il-Ministru Helena Dalli qalet li “Aktar nies, speċjalment iż-żgħażagħ, għandhom jiġu mħeġġa mill-Gvern u mis-soċjetà ċivili biex jagħmlu xogħol volontarju mal-NGOs, tista’ l-Ministru tgħid kif il-Gvern jista’ jinkoraġixxi lin-nies jinvolvu ruħhom fl-NGOs meta fl-istess nifs, naqqas l-għajnuna finanzjarja lill-NGOs permezz tal-fondi tal-MEUSAC?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 4781

Unions u NGOs – għajnuna finanzjarja mill-MEUSAC

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema huma dawk il-unions u NGOs li se jingħataw għajnuna finanzjarja mill-MEUSAC? Kemm hu l-ammont eżatt li se tingħata kull Union u NGO din is-sena u kemm kien l-ammont li kienu qed jingħataw l-istess unions u NGOs fl-2009, 2010, 2011 u l-2012?

Response (DALLI, HELENA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 4782

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – Suq tad-distribuzzjoni tal-LPG

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni jaqbilx li s-suq f’Malta tad-distribuzzjoni tal-LPG għandu jkun separat minn dak tal-produzzjoni u provvista tal-LPG? Jekk l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni jaqbel, x’analiżi għamel f’dan ir-rigward sabiex wasal għal din il-konklużjoni? Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ din l-analiżi?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa dan l-istadju l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni għadu qed jevalwa l-proposta dwar jekk is-suq f’Malta tad-distribuzzjoni tal-LPG għandux ikun separat minn dak tal-produzzjoni u provvista tal-LPG.

Uffiċċju tal-Kompetizzjoni – rapport dwar is-suq tad-distribuzzjoni taċ-ċilindri tal-gass

Question

Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tal-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni rigward is-suq tad-distribuzzjoni taċ-ċilindri tal-gass liema rapport ġie maħruġ f’Jannar li għadda?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rapport tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni rigward is-suq tad-distribuzzjoni taċ-ċilindri tal-gass liema rapport ġie sottomess lit-Tribunal tal-Appell għall-Kompetizzjoni u għall-Konsumatur skond il-liġi huwa kunfidenzjali u għaldaqstant ma’ jistax jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Uffiċċju tal-Kompetizzjoni – Servizz ekonomiku ta’ interess ġenerali

Question

Tista’ l-Ministru telenka dawk il-kriterji li bihom l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni jiddikjara servizz ekonomiku provdut lill-pubbliku bħala servizz ekonomiku ta’ interess ġenerali (Service of General Economic Interest) għall-fini tal-Att dwaril-Kompetizzjoni?

Response (DALLI, HELENA)

Jien infurmata li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni m’għandux il-kompetenza legali taħt l-Att dwar il-Kompetizzjoni li jiddikjara servizz ekonomiku provdut lill-pubbliku bħala servizz ekonomiku ta’ interess ġenerali (Service of General Economic Interest).

MCCAA – prezzijiet tal-mediċina

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) għadhiex tispezzjona l-prezzijiet tal-mediċini fis-suq? Tista’ tgħid x’inhuma l-kriterji użati sabiex jiġi stabbilit jekk il-prezz tal-mediċinali huwiex għoli jew le? Tista’ tgħid kemm-il spezzjoni saret u kemm-il mediċinali kellhom il-prezz tagħhom eżaminat mill-Awtorità, xahar b’xahar mid-9 ta’ Marzu sal-11 ta’ Novembru?

Response (DALLI, HELENA)

Ninsab infurmata li l-Awtorità ghall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur għadha tagħmel spezzjonijiet. Mid-9 ta’ Marzu sal-11 ta’ Novembru 2013 saru mal-220 spezzjoni maqsuma kif ġej: Marzu 2 April 55 Mejju 37 Gunju 31 Lulju 33 Settembru 19 Ottubru 43 Minkejja li l-ftehim volontarju li sar fit-2011 ma ġiex iffirmat mill-membri kollha taħt l-amministrazzjoni l-oħra, l-prezz ta’ Malta jiġi mqabbel mal-medja ta’ numru ta’ pajjizi u fejn jinstab ogħla, l-importatur konċernat jiġi avviċinat biex iraħħas il-prezz.

Uffiċċju għall-Kompetizzjoni – analiżi ekonomika tas-suq tal-bejgħ tal-LPG

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni għamilx analiżi ekonomiku tas-suq tal-bejgħ tal-LPG u tas-suq tad-distribuzzjoni taċ-ċilindri tal-gass tal-LPG? Jekk tali analiżi saret, tista’ titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, HELENA)

Sal-lum l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni ma għamilx analiżi ekonomiku tas-suq tal-bejgħ tal-LPG u tas-suq tad-distribuzzjoni taċ-ċilindri tal-gass tal-LPG.