Legislature:
Category:
Reset
Active:

Benefiċċji Soċjali

Question

Jista' il-Ministru jagħti l-informazzjoni ta' kemm hu n-numru ta' dawk li resqu għall-għajnuna quddiem aġenziji u organizzazzjonijiet fuq każi ta' aspett soċjali f'kull aġenzija xahar b'xahar mil-1990 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Housing — Stallar ta' Lifts

Question

Jista' il-Ministru jgħid dwar l-istallazzjoni ta' lifts f'appartamenti tal-gvern hemmx żviluppi dwar dawn: i) 7/7 Pjazza Mattia Preti Valletta ii) 2 Melita Street Valletta iii) Blokk A2 Housing Estate Pieta' iv) 16 Kapuccini Street Floriana v) 46 Triq Sant' Anna Floriana vi) 36 Triq Sant' Anna Floriana vii) Blokk 1A Triq il-Fossos Floriana viii) 71 Triq il-Miratur Floriana ix) 41 Triq il-Miratur Floriana?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ma nstabitx soluzzjoni kif jista' jiġi akkomodat lift f'dawn il-postijiet: 36 Triq Sant' Anna, Floriana 71 Triq il-Miratur, Floriana 2 Triq Melita, Valletta Dwar 46, Triq Sant' Anna, Floriana qed jiġi mistħarreġ jekk hux possibbli jiġi akkomodat platform lift fl-ispazju limitat tat-tromba tat-taraġ. Fi blokk 3, Pjazza Mattia Preti, Valletta, hemm possibilita' li jiġi nstallat lift fil-bitħa użata minn terzi kemm il-darba jingħata permess biex dan isir minn dawn it-terzi. Dwar blokk A2, Pieta', ġie mitlub il-permess mingħand il-persuni li qed jikru l-garaxxijiet li jinstabu taħt it-tromba tat-taraġ biex jinbena l-pedament tal-lift. It-tender għall-lift f'numru 41, Triq il-Miratur, Floriana, ħarġet u għandha tingħata f'qasir żmien. It-tenders għall-lifts f'16, Triq il-Kapuċċini u f'blokk 1A, Triq il-Foss, Floriana, qed jiġu preparati u għandhom joħorġu fil-ġimgħat li ġejjin.

Carer — Gżira

Question

B'riferenza għall-mistoqsija 34320 datata 26.06.02 dwar il-persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament fejn kienet saret talba għas-servizzi ta' carer biex tgħina taħsel il-premises li tgħammar fihom, tistax tinvestiga dan il-każ billi minkejja li applikat fil-pront għas-servizz, dan għadu sal-lum ma ingħatalhiex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna li d-dettalji ntbagħtu separatament sarilha l-assessment fit-18 ta' Lulju 2002 jiġifieri ġimgħa wara li applikat. Il-Bord tal-Allokazzjoni tas-Servizz ittratta l-każ fit-30 ta' Lulju u ġew approvati sagħtejn fil-ġimgħa. Billi ma kien hemm ebda Casual Social Assistants available biex jagħtu servizz lil din l-anzjana, qegħdin jittieħdu l-passi kollha neċessarji biex dan is-servizz jibda jingħata kemm jista' jkun malajr.

Adult Training Centres

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li għandhom minn 16 sa 24 il-sena li jattendu adult training centres u li għandhom: a) diżabilita' fiżika b) nuqqas ta' smigħ c) nuqqas ta' vista d) nuqqas mentali e) aktar minn diżabilita' waħda?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li għandhom bejn 16 u 24 sena li jattendu fiċ-Ċentri tal-Persuni b'Diżabilita' hu kif ġej: b'nuqqas ta' smigħ 1 b'nuqqas intellettwali 16 aktar minn diżabilita' waħda, inkluż diżabilita' fiżika u nuqqas ta' vista 11

Housing

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jibdew jiġu istallati lifts fl-appartamenti tad-djar f'Ta' Giorni? Jista' jara li dan il-proċess jitħaffef peress li għadd ta' residenti f'dan il-housing estate huma anzjani?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar m'għandhiex applikazzjonijiet pendenti għall-installar ta' lifts fil-lokalita' ndikata mill-Onor. Interpellant.

Ta' Giorni — Bini ta' Playing Field

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta huwa maħsub li jibda x-xogħol ta' bini mill-ġdid tal-playing field li hemm fil-qasam tad-djar f'Ta' Giorni kif kien miftiehem mill-kunsill lokali ta' San Ġiljan u t-taqsima bini u tiswijiet fi ħdan id-dipartiment tad-djar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li qed jitħejjew id-dokumenti tat-tender mill-konsulent tal-Kunsill Lokali biex is-sejħa għall-offerti tkun tista' toħroġ fil-ġimgħat li ġejjin.

Housing

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' flus dovut mill-awtorita' tad-djar lill-kuntratturi għax-xogħlijiet li għamlu, liema kontijiet huma finalizzati u verifikati bħala korretti mill-istess awtorita'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita' tad-Djar ma għandha l-ebda kontijiet pendenti mal-kuntratturi tagħha.

Housing

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sarx xi studju biex jitqiegħdu lifts fil-housing estates ġo Ħal Qormi, cioe’dawk ta’ Farsina u dawk ta’ Fuq tal-Blat? Jekk iva, meta hemm ippjanat lil dawn jitlestew?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar toffri skema għall-installazzjoni ta' lift fi blokki ta' appartamenti tal-Gvern. Din l-iskema tapplika għal blokki fejn hemm residenti li għandhom diżabilita' ta' mobilita'. Ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar irċeviet żewġ applikazzjonijiet taħt din l-iskema minn residenti li joqgħodu fi blokki t'appartamenti ta' Farsina, Qormi. F'każ minnhom qed jiġu evalwati l-offerti għall-installar tal-lift wara li għalqet it-tender. Fil-każ l-ieħor qed tiġi proċessata l-applikazzjoni.

Children's Allowance

Question

Jista’ il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jidhru separatament u kunfidenzjalment għadha ma rċevitx iċ-children allowance meta din il-familja ilha mingħajr benefiċċju tal-qgħad u bla ebda introjtu sa minn Ġunju li għadda?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-persuna ndikata ġiet infurmata bil-każ tagħha.

Housing

Question

Meta fond rekwiżizzjonat mill-housing ikun se jinbiegħ mis-sid lill-inkwilin, jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid x’inhi l-proċedura dwar ħruġ ta’ de requisition u kemm normalment idum il-proċess mindu jsir il-bejgħ? Min se jixtri jkun irid jippreżenta wkoll kopja tal-konvenju jew sempliċement kopja tal-kuntratt?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena infurmat illi meta l-inkwilin ta' post rekwiżizzjonat ikun jixtieq jixtrih, hu għandu jitlob il-permess tad-Dipartiment. Wara li dan jingħata u jsir il-kuntratt, id-Dipartiment jinvestiga l-inkwilin għadux joqghod fil-post u jneħħi r-rekwiżizzjoni.

Housing

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35288, jista' jgħid kemm inbnew appartamenti fi Triq San Frangisk Bormla? Jista' jgħid kif u meta ser jiġu allokati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar bniet erbgħa appartamenti fi Triq San Franġisk, Bormla. Huwa ppjanat li dawn l-appartamenti jiġu referuti lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali sabiex jiġu allokati bil-kera lin-nies li qegħdin fuq il-waiting list tad-Dipartiment. Tali appartamenti ser jiġu trasferiti fi żmien qasir hekk kif l-installazzjoni tad-dawl u tal-ilma tiġi kompluta.

Slum Clearance

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35287, jista' jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir xi proġett ta' slum clearance fl-area ta' Santa Liena Bormla? Jekk fl-affermattiv jista' jagħti indikazzjoni fejn ser jintlaqat u meta hemm il-ħsieb li jibda x-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tielet fażi tal-proġett ta' Santa Liena qegħdha tistenna l-approvazzjoni ta' l-Awtorita' Maltija għall-Ambjent u Ippjanar. Dan il-proġett ikopri l-area bejn Triq Hanover, Triq Santa Liena, Triq l-Irlandiżi, Triq San Mark u t-telgħa ta' Hanover. Ix-xogħol hu maħsub li jibda fl-2005 hekk kif ir-residenti jingħataw akkomodazzjoni alternattiva f'bini ġdid li tiela' fiż-żona ta' Triq San Gwann.

ETC

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35285, jista' jagħti figuri xahar b'xahar tan-numru ta' persuni li tilfu l-impjieg tagħhom minn Jannar 2002 sal-lum? Jista' jaqsamhom skond minn liema settur kienu ġejjin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba għall-perijodu minn Jannar sa Lulju 2002.

ETC

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 35229, jista' jaġġornana bin-numru ta' dawk kollha li qed jirreġistraw għax-xogħol sal-lum? F'liema parti u x'inhija l-etajiet tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F'Lulju 2002 in-numru ta' persuni jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ kien ta' 6,557 fuq l-ewwel parti u 620 fuq it-tieni parti. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-kumplament ta' l-informazzjoni mitluba.

Għajnuna Soċjali

Question

Jista` il-Ministru jgħid meta sejjer jinħareġ l-għajnuna soċjali lill-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, u dan wara li llum hija legalment separata u li hija tinsab disokkupata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ser tirċievi l-Għajnuna Soċjali fil-ġranet li ġejjin.