Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kanċellar ta' Flights

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li meta individwu jibbukkja u jħallas flight imbagħad jikkanċella ma jeħux lura l-ammont kollu ta' taxxi mħallsa fuq it-ticket? Meta t-tour operators iżommu parti minn din it-taxxa din se tasal għand il-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li individwu li jħallas flight imbagħad jikkanċella għandu d-dritt li jieħu lura mingħand min ikun ħallas il-biljett l-ammont ta’ taxxa mħallsa. Taħt il-liġi, l-linja tal-ajru huma responsabbli biex jgħaddi din it-taxxa lill-Gvern.

Ħal-Lija — Ħanut li qed jagħmel dual pricing

Question

Jista' il-Prim Ministru jinvestiga dan l-ilment li wasal għandi li ħanut popolari f'Ħal-Lija diġa' qiegħed jagħmel dual pricing fuq l-oġġetti u qiegħed jaqleb affarijiet li jinbiegħu lira għal euro2.50 (irċevuta qed tintbagħat separatament) li hi ogħla mir-rata stabbilita? X'passi se jittieħdu kontra stabilimenti bħal dawn li se jabbużaw mal-bidla għall-munita Euro?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li diskussjonijiet mill-NECC mal-ħanut li tiegħu intbagħtet l-irċevuta fuq dan l-ilment bdew fis-17 ta’ Ottubru 2006. Dan l-istabbiliment kien ta assikurazzjoni li ser juża ir-rata tal-kambju fuq l-irċevuti kif suppost. Meta reġa’ ġie ikkuntattjat fis-6 ta’ Novembru mill-NECC, sid dan l-istabbilment qal li iffaċċja xi dewmien mill-fornitur tal-cash registers tiegħu rigward it-tibdil tekniku meħtieġ. Għaldaqstant huwa mistenni li t-tibdiliet neċessarji iseħħu fil-jiem li ġejjin. Ninforma wkoll lill-Onorevoli interpellant li hu ppjanat li tidħol fis-seħħ Legal Notice fil-ġimgħat li ġejjin li tkun tista’ tirregola l-wiri tal-prezzijiet biż-żewġ muniti liema eżerċizzju irid isir skond ic- Central Party Rate li ġiet stabbilita’ mill-Bank Ċentrali u l-Gvern Malti fit-2 ta’ Mejju tal-2005. L-NECC qiegħeda tirċievi diversi ilmenti dwar l-użu tar-rata tal-kambju mhux korretta, f’kull każ qiegħed tikteb lill-istabbiliment konċernat u tiġbid l-attenzjoni tas-sidien għal-linji gwida li ġew ippublikati kmieni din is-sena. Bil-pubblikazzjoni tal-Avviż Legali dwar il-Wiri tal-Prezzijiet biż-Żewġ Muniti, kull min ser jippersisti fl-użu ta’ rata tal-kambju mhux dik stabbilita ser jiġi mmultat multi amministrattivi għal kull ġurnata li jippersisti fl-iżball.

Kanċellar ta' flights

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 21840 u 21968 u jgħid x'inhi r-raġuni li meta individwu jibbukkja u jħallas flight imbagħad jikkanċella ma jeħux lura l-ammont kollu ta' taxxi mħallsa fuq it-ticket? Meta t-tour operators iżommu parti minn din it-taxxa din se tasal għand il-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghat-twegiba li nghatat ghall-mistoqsija parlamentari 21840.

Sptar Mater Dei — Hardware

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 21936, ninforma lill-Prim Ministru li qed nirriferi għall-kuntratt li oriġinarjament ibbiddjaw għalih l-isoft.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Rettur ta' l-Universita'

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21909 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Impjiegi u li issa ġiet riferuta lilu, u jgħid ta' xiex ir-rettur ta' l-Universita' qed jieħu Lm15,000 konsulenza mill-OPM?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li s-servizzz ta’ konsulenza mogħtija mill-Uffiċċjal, li huwa wkoll ir-Rettur ta’ l-Universita’, hija fuq affarijiet relatati ma’ edukazzjoni għolja, riċerka, innovazzjoni, teknologiji ta’ kommunukazzjoni fl-informatika, żvilupp u ppjanar nazzjonali Socio-ekonomiku u l-attrazzjoni ta’ investiment barrani w ditti lejn il-pajjiż. Is-servizzi jinkludu wkoll ghajnuna lill-Gvern biex jinkisbu l-miri stabbiliti fil-‘Lisbon Agenda’ ta’ l-Unjoni ewropea w il-‘Programm Nazzjonali tar-Riforma.’

OPM — Kuntratti

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21722 u jgħid x'sar outsourcing u kuntratti simili jew anċillari għall-proviżjon ta' servizzi mill-ministeru, mid-dipartimenti u mill-enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru tiegħu matul is-snin 2004, 2005 u 2006? Min kienu l-kumpanniji, individwi, firms, etc. li ħadu dan ix-xogħol (outsourcing u kuntratti ta' proviżjoni ta' servizzi ) matul l-istess snin u perijodi? Kemm tħallsu kull individwu u/jew ente li rċeviet xogħol bħal dan mill-ministeru, dipartiment jew ente li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu matul dawn l-istess perijodi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Każ dwar impjegata

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21918 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u cioe' jista' jekk jogħġbu jara li persuna mill-Fontana li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li taħdem St Luke's tinġieb temporanjament taħdem ġo Għawdex peress illi hija tqila u hemm periklu li minħabba t-traġitt jekk tmur u tiġi minn Malta titlef it-tarbija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li hemm proċedura stabbilita f’każ ta’ nisa Għawdxin li qed jistennew tarbija u jixtiequ li temporanjament jaħdmu xogħol Għawdex u għalhekk huwa rakkomandat li l-persuna kkonċernata tkellem lis-Superjuri tagħha.

Sptar Mater Dei — Sistema ta' l-IT

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 21988 u jgħid f'liema stadju waslet is-sejħa għal offerti għall-I.T. għall-isptar Mater Dei? Meta mistenni li s-sistema tkun installata kollha kemm hi u l-ħaddiema jkunu ngħataw it-taħriġ kollu kif din għandha titħaddem?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Uffiċjali tad-dwana

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid, b'riferenza għal każ ta' tkeċċija ta' dan l-aħħar ta' żewġ uffiċjali tad-dwana, jekk il-persuni li attwalment evadew il-ħlas ta' dazju humiex se jiġu prosekuti? Jista' jgħid jekk hemmx aktar uffiċjali tad-dwana in konnessjoni ma' dan il-każ li se jittieħdu passi dixxiplinarji kontrihom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Każi ta' inġustizzji

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hux qed jiġu skrutinati l-każi ta' l-inġustizzji li nqatgħu? Is-sentenzi mogħtija kienu kollha ġustifikati? Jemmen il-Prim Ministru li l-każi kollha li nqatgħu mit-tribunal kienu mogħtija sentenza ġustifikabbli?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed nassumi li meta qed jirreferi għal każi ta’ inġustizzji, l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għal każijiet li kienu deċiżi mill-Kummissjoni għall-Investigazzjoni tal-Inġustizzji u sussegwentament dawk deċiżi mit-Tribunal għall-Investigazzjoni tal-Inġustizzji. Nista nikkonferma illi s-sentenzi li kienu jingħataw kemm mill-Kummissjoni għall-Investigazzjoni tal-Inġustizzji kif ukoll mit-Tribunal għall-Investigazzjoni tal-Inġustizzji, kienu jiġu skrutinati qabel ma tittieħed id-deċiżjoni finali dwar jekk dawk is-sentenzi għandhomx jiġu aċċettati jew le. Ninsab infurmat illi kien hemm sentenzi mogħtija kemm mill-Kummissjoni għall-Investigazzjoni tal-Inġustizzji kif ukoll mit-Tribunal għall-Investigazzjoni tal-Inġustizzji, li ma ġewx aċċettati għax ma kienux meqjusa bħala ġustifikati.

Budget

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid issa li għadda l-budget, kif wettaq id-djalogu ta' konsultazzjoni mal-poplu Malti fir-rigward tal-budget meta dawn id-djalogi seħħew ġewwa ċentri partiġġani tal-Partit Nazzjonalista u mhux f'postijiet li setgħu jintlaħqu mill-poplu in ġenerali? Jista' jgħid x'tip ta' djalogu kellu l-gvern mal-poplu u kemm dan kien reali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-laqgħat tad-djalogi bħala konsultazzjoni rigward il-baġit saru fis-Sala tal-Kunsill Lokali tal-Gżira, fil-Kumpless Aċċess ġewwa l-Birgu, fl-Iskola Primarja Patri Ġuże Delia fis-Siġġiewi, fl-Iskola Sekondarja Lily of the Valley fil-Mosta u fl-iskola tal-Gvern fil-Qala, Għawdex. Ma nistax nifhem kif l-Onor Interpellant qed isejjaħ dawn iċ-ċentri bħala ‘ċentri partiġġjani tal-Partit Nazzjonalista’ u li ma jistgħux ‘jintlaħqu mill-poplu in ġenerali’. Barra dan, kull familja f’Malta u Għawdex kellha l-opportunita’ li tressaq il-veduti tagħha wara li ntbagħtilha fuljett li spjega il-ħsibijiet tal-Gvern għall-baġit. Mijiet ta’ familji irrispondew f’din il-konsultazzjoni. Nixtieq infakkar l-Onor Interpellant li l-Opposizzjoni ikkritikatni talli żammejt laqgħa ta’ djalogu dwar l-użu tal-fondi li ser nirċievu mill-Unjoni Ewropea fl-Iskola Primarja ta’ Birkirkara u akkużat lill-Gvern li qed juża l-iskejjel għal skop partiġġjan !

Sign It/Malta Trade Fair Corporation

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kif u għal liema għan daħal hu personali sabiex issir forma ta' merger bejn Sign it u l-Malta Trade Fair Corporation? Min se jieħu l-art fejn kienet tinżamm u topera dawn il-fieri u x'tip ta' żvilupp se jsir?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-premessa tal-mistoqsija hi totalment falza. Infakkar lill-Onorevoli membru f’dak li jiena kont għidt pubblikament ft-28 ta’ Ġunju 2005, fl-okkazjoni tal-ftuh tat-tmienja u erbgħin edizzjoni tal-Fiera Internazzjonali ta’ Malta. Dakinhar kont għidt : ‘Din l-edizzjoni tal-Fiera Internazzjonali qed isseħħ f’mument kritiku għall-Korporazzjoni tal-Fieri. Huwa importanti li f’dan il-mument jittieħdu d-deċiżjonijiet it-tajbin biex din l-attivita’ tkompli tkun xprun għal ħidma kummerċjali u ekonomika f’pajjiżna bħal ma dejjem kienet. Iż-żmien għaddej u flimkien irridu nsibu x’għandha tkun l-aħjar triq għal pajjiżna. Il-parametri f’moħħi huma ċari. Irrid li din l-attivita’ kummerċjali tkompli tiżviluppa b’mod li hi wkoll tirrispondi għal bżonnijiet ta’ pajjiżna. Irid jinstab post ġdid għall-Fiera Internazzjonali li taqdi l-bżonnijiet kollha ta’ pajjiżna – nenfasizza l-kliem ‘il-bżonnijiet kollha’. B’dan infisser li fejn nistgħu nikkonsoldaw attivitajiet oħra li llum għandna f’pajjiżna u oħrajn li rridu niġbdu lejn pajjiżna – bħal servizzi akbar u aħjar għal konferenza internazzjonali – allura rridu nagħmlu hek. Is-soluzzjoni trid tkun waħda li tuża r-riżorsi limitati ta’ pajjiżna bl-aħjar mod u billi jinħolqu sinerġija li sal-lum għadna m’esplorajniex biżżejjed.’ Ma nistax nirrispondi it-tieni parti tal-mistoqsija tal-Onor Interpellant dwar min ser jieħdu din l-art u x’tip ta’ żvilupp se jsir għax din hija art privata.

Awditur Ġenerali

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hux se jitbiddel l-Awditur Ġenerali peress li ġie kkritikat mill-PAC, u b'mod speċjali mill-Ministru Austin Gatt, dwar il-każ tal-voice of the Mediterranean? Huwiex il-każ li ġew avviċinati persuni oħra biex jintgħażel persuna oħra minflok?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Le

Impjegat mas-Servizz Pubbliku

Question

Jista' il-Prim Ministru, bħala l-Ministru responsabbli minn kull reklutaġġ li jsir fis-servizz ċivili u s-servizz pubbliku, jgħid x'inhu r-rwol tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, fil-gvern tiegħu u kif minn impjegat ta' l-Universita' sekondat mal-fondazzjoni għall-istudji internazzjonali, din il-persuna tkun mad-delegazzjonijiet barranin li jkunu hawn Malta? Jista' il-Prim Ministru, filwaqt li jqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tax-xogħol ta' l-imsemmi persuna għas-servizzi li qed jagħti filwaqt li jgħid permezz ta' liema sejħa għall-applikazzjoni ġie magħżul jaqdi dan is-servizz?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna li isimha ġie indikat separatament tinsab fuq kuntratt mal-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin bħala konsulent. Peress li l-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin kellu l-post ta’ Direttur tal-Protokol vakanti, u din il-persuna għandha esperjenza f’dan il-qasam, intalbet sabiex sakemm jinħatar Direttur tal-Protokol ġdid, intalbet sabiex sakemm jinħatar Direttur tal-Protokol ġdid, tassisti lill-Ministru fil-qadi ta’ din il-kariga. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-persuna imsemmija.

Dar Malta fi Brussell

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid fiex wasal il-proġett ta' Dar Malta fi Brussell? Jista' jgħid preċiżament kemm se jiġi jiswa dan l-embellishment u min ħa t-tenders għal tali proġetti? Jista' jgħid meta u kemm se ddaħħal il-Kaxxa ta' Malta mill-kirjiet imsemmija mill-gvern mill-istess proprjeta' fi Brussell?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Banek — Home Loans

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu stmat li l-banek f'pajjiżna silfu ammont ta' flus bħala home loans lil dawk li applikaw fis-sena 2006?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Impjegati tal-Gvern — Karozzi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm temmew l-impjieg tagħhom ħaddiema tal-gvern li kienu jokkupaw kariga u li kellhom karozza għall-użu tagħhom, jiġifieri meta temmew dan ix-xogħol kienu intitolati li jixtru dik il-karozza? Min kienu? X'kariga kellhom? Kemm kien it-total ta' flus li bihom inxtraw dawn il-karozzi għas-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004, 2005 u 2006?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.

Vetturi tal-gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm-il karozza hemm mal-gvern, kemm minnhom huma mixtrija u kemm huma mikrija mis-sena 1992 sa llum, f'liema dipartiment jinsabu assenjati u x'inhu n-numru tar-reġistrazzjoni ta' kull karozza u għal liema użu qed jintużaw u min qed juża kull vettura, inklużi dawk li jintużaw mid-diretturi u diretturi ġenerali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni li qed jitlob l-Onorevoli Interpellant tirrekjedi ħafna ħin sabiex tinġabar u nemmen li r-riżorsi tagħna għandhom jiġu użati aħjar.

Vetturi tal-gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid għal liema raġuni kull dipartiment għażel li jixtri jew jikri tali karozzi? Jista' jagħti l-prezz ta' kull vettura li jinsabu maċ-ċivil u anke l-prezz mikri ta' kull karozza, il-mudell f'każ li mixtri u l-prezz ta' kirja jekk kemm-il darba tkun mikrija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.