Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #25554 Sitting 552 2001-06-13 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tas-Saħħa

Pubblikazjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid separatament kemm-il pubblikazjoni ġiet maħruġa mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul is-sena 1999, 2000 u 2001? Jista' jgħid separatament f'kull każ x'kienet ir-raġuni tal-pubblikazzjoni, liema kienet u kemm-il kopja ġiet stampata? Jista' jgħid f'kull każ min stampa u għamel l-artwork u colour sepations? Jista' jgħid separatament f'kull każ kemm sar ħlas għall-istampar, artwork, colour separations, posta, distribuzzjoni etc?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.
Leg 9 PQ #25555 Sitting 552 2001-06-13 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tas-Saħħa

Impjiegi Ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mall-Ministeru w entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-11 ta' Settembru 2000 sal-lum? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid meta ħarġu l-applikazzjonjiet għal dawn l-imjiegi? Jekk jirrizulta li ġew impjegati mingħajr ma' ħarġu applikazjonijiet, jista' jgħid kemm dawn l-impjegati kien ilhom applikati għal imsemmi impjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi impjieg, jista' jgħid xi kriterji intużaw biex jingħataw l-imsemmi impjieg? Jista' jgħid f'kull każ x'inhu s-salarju u x'inhuma l-kundizzjonijiet

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li mill-11 ta` Settembru 2000 sal-lum ġew impjegati għaxar (10) ħaddiema ġodda f'entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella 'A' li turi l-informazzjoni dwarhom. Dwar impjiegi ġodda li saru tul l-istess perjodu fil-Ministeru tas-Saħħa nirreferi l-Onor Interpellant għar-risposta mogħtija mill-Prim Ministru għall-Mistoqsija Nru. 25568 dwar it-total t'impjiegi ġodda fis-Servizz Pubbliku.
Leg 9 PQ #26334 Sitting 551 2001-06-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Ċimiterju

Question

Jista' l-Ministru jinformana bil-progress li sar dwar l-iżvilupp taċ-ċimiterju ġdid għall-komunita' tar-Rabat, Baħrija u Mtarfa? Ma jaħsibx li wasal iż-żmien li t-talba ġenwiena ta' dawn il-komunitajiet għall-ċimiterju ġdid tittieħed bis-serjeta' meta tqies li kważi ġew akkomodati l-ibliet u l-irħula kollha għal talbiet simili u r-Rabtin baqgħu b'xejn? Jista' l-Ministru jara kif jerġa' jintervjeni ħalli fid-dawl li issa nstabet art għall-pompa tal-petrol fil-Mellieħa, minkejja li hija ta' ħsara għar-residenti, inħarġu permessi għal lukanda li nbniet bla permess u f'zona fejn hemm (ro tal-Marfa) tinstab ukoll art għall-iżvilupp ta' dan iċ-ċimiterju fir-Rabat jew il-madwar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li minn l-aħħar risposta għal mistoqsija parlamentari numru 24062, is-sitwazzjoni għada l-istess. Waqt li nfakkar li, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar hija l-Awtorita` kompetenti li tiddeċiedi dwar għoti ta` permessi, kif ukoll dwar lokazzjoni, jkun aktar opportun jekk tali mistoqsija tiġi referuta lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #26336 Sitting 551 2001-06-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Rabat — Ċentru tas-Saħħa

Question

Jista' l-Ministru jaġġornana dwar is-sitwazzjoni taċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat u cioe' meta din se terġa' tiftaħ fuq bażi ta' 24 siegħa kif kien ġie mwiegħed? Jista' l-Ministru jinformana kemm-il darba saru laqgħat bejn il-kunsill tar-Rabat u d-dipartiment tas-saħħa dwar din il-kwestjoni u xi żviluppi kien hemm? Jista' l-Ministru jara li mill-aktar fiss possibbli d-dipartiment tas-saħħa jlaqqa' d-deputati parlamentari li jirrappreżentaw il-poplu tar-Rabat sabiex tiġi diskussa immedjatament din is-sitwazzjoni taċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat li twalet iż-żejjed?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Iċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat ikun jista` jinfetaħ fuq bażi ta` 24 siegħa kuljum meta fid-Dipartiment tal-Kura Primarja ikun hemm tobba biżżejjed sabiex dan is-servizz ikun sostenibbli. Id-Dipartiment qiegħed jiddiskuti u jistħarreġ il-possibiltajiet kollha biex tkun solvuta il-problema tan-nuqqas ta` tobba fiċ-Ċentru tas-Saħħa iżda sa issa għada ma nstabitx soluzzjoni sodisfaċenti. Ma saret l-ebda laqgħa bejn il-Kunsill tar-Rabat u d-Dipartiment tal-Kura Primarja. Id-deċiżjoni fuq l-għeluq taċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat kienet waħda amministrattiva bbażata fuq nuqqas ta` tobba u ma nara l-ebda skop biex din tingħata dimensjoni politika.
Leg 9 PQ #26254 Sitting 550 2001-06-12 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Ċimiterju ta' l-Addolorata

Question

Jaf il-Ministru bl-istat diżastruż ta' ħmieġ u ħaxix ħażin li hemm fiċ-ċimiterju ta' l-Addolorata? X'se jsir biex f'partijiet ta' l-istess ċimiterju jitkompla x-xogħol li kien inbeda madwar sentejn ilu fejn kien qed jingħata l-konkos, peress li dan ix-xogħol waqaf? Xi programm ta' tindif ġenerali għandu d-dipartiment?

Response (DEGUARA, LOUIS)

M'iniex infurmat li riċentement saru xi ilmenti dwar ħmieġ ġewwa ċ-ċimiterju. Iżda ta' min jinforma li żdiedu l-ħaddiema kkonċernati kif ukoll tali ħaddiema ġew iffurmati f'żewġ gruppi biex it-tindif taċ-ċimiterju jsir b'aktar effiċjenza. Tali tindif jinvolvi t-tneħħija ta' żibel mit-tankijiet li hemm mifruxin madwar iċ-ċimiterju, tneħħija ta' ħaxix li kontinwament jinbed bejn l-oqbra, kif ukoll knis ta' passaġġi w toroq. Biex jiġi faċilitat ix-xogħol ġew provduti wkoll żewġ dumpers, kif ukoll se jiġu provduti fil-futur qarib, żewġ vetturi żgħar li jippermettu li jgħaddu mill-passaġġi dojoq taċ-ċimiterju, b'hekk aktar xogħol ikun jista' jsir fl-istess ammont ta' żmien. Fil-parti l-ġdida taċ-ċimiterju għad hemm xi toroq mhux kompluti, imma d-Dipartiment qiegħed f'kuntatt mal-perit tal-Gvern u l-kuntrattur responsabbli, biex ix-xogħol jitlesta mill-aktar fis possibbli. Ninforma wkoll li d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika daħal fi ftehim ma' dak ta' l-Agrikoltura biex isir xogħol regolari ta' 'landscaping' fl-istess Cimiterju.
Leg 9 PQ #26297 Sitting 550 2001-06-12 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tas-Saħħa

Passive Smoking

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel id-dipartiment tas-saħħa biex jagħmel il-poplu aktar konxju mit-tipjip passiv (passive smoking)? X'passi qed/se jieħu biex f'postijiet pubbliċi t-tipjip jiġi ipprojbit?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li d-Dipartiment għall-Promozzjoni tas-Saħħa nieda kampanja nazzjonali bl-isem "It-Tipjip passiv joqtol". Din il-kampanja ġiet mnieda fil-31 ta' Mejju propju fil-jum dinji kontra t-tabakk. Din il-kampanja hija marbuta ma' waħda simili tal-WHO. Għal din il-kampanja, id-dipartiment ħejja posters, fuljetti fuq it-tipjip passiv, fuljetti għall-ġenituri, stickers, avviż televiżiv kif ukoll inizjattiva fl-iskejjel. Id-dipartiment għamel ukoll stħarriġ fost l-avukati Maltin dwar din il-problema li tolqot is-saħħa pubblika. Il-pass importanti li jmiss huwa li issa d-diviżjoni tas-Saħħa tagħmel it-tħejjijiet biex il-liġi eżistenti tat-tipjip tkopri l-projbizzjoni tat-tipjip fil-postijiet pubbliċi.
Leg 9 PQ #26307 Sitting 550 2001-06-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Mosta — Ċentru Tas-Saħħa

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex ċerti ċittadini li qed jirrikorru għall-pilloli fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta, qed jingħataw pilloli li jkopru l-perijodu ta' Ġunju u Lulju b'konsegwenza li l-pilloli għax-xhur ta' Lulju qed ikunu skaduti, kif jikkonfermaw il-fatti li qed nibgħat kopja tagħhom separatament minn din il-mistoqsija?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-proċedura tat-taqsima tal-mediċini fl-ispizeriji taċ-Ċentru tas-Saħħa issa ilha aktar minn sentejn stabbilita` li l-mediċini ta` rutina jingħataw f'ammonti ta` xahrejn u mhux xahar. Dan kemm għall-konvenjenza tal-pazjent kif ukoll biex jitħaffef ix-xogħol ta` l-ispiżerija, u jkun hemm queue anqas. S'intendi dejjem jittieħdu prekawzjonijiet illi l-mediċini ma jkunux skaduti sal-ġurnata ta` l-użu tagħhom, inkluż it-tieni xahar. Meta mediċina tkun ser tiskadi wara l-ewwel xahar, jingħata biss ammont ta` xahar wieħed biss u formula "to collect" sabiex wara jinġabar l-ammont tat-tieni xahar bid-data ta` skadenza li taqbeż dak ix-xahar. Id-Dipartiment jieħu il-miżuri kollha possibbli sabiex jiggarantixxi li l-mediċini dispensati ma jkunux skaduti u jinvestiga kull każ li jista` jissuċċedi f'dan ir-rigward u jieħu il-passi korrettivi kollha neċessarji dwar xi nuqqas. Jekk xi pazjent jinnota li bi sviżta ingħata pilloli li jkunu se jiskadu, kemm għall-ewwel jew għat-tieni xahar, il-pazjent għandu jikkuntattja lill-ispiżerija u dawn jiġu mibdula. Jkun tajjeb ukoll li javża lid-Dipartiment sabiex jieħu l-passi neċessarji sabiex dan ma jeġax jiġri. Il-każ imsemmi fil-mistoqsija ġie mistħarreġ u rriżulta li l-mediċina ġiet dispensata mill-ispiżerija ta` l-Isptar San Luqa u mhux mill-ispiżerija taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta. Ir-raġel tal-pazjenta mar l-ispiżerija tal-Mosta biex jibdel il-pilloli skaduti, iżda dawn ma setgħux jinbidlu il-Mosta peress li kienu 'special items' u allura jiġu dispensati biss mill-Isptar San luqa.
Leg 9 PQ #26368 Sitting 550 2001-06-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Radiographers

Question

Possibbli jittieħdu passi biex radiographers li jaħdmu on call jitħallsu ta' l-on call money?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #26079 Sitting 549 2001-06-11 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Ħealth Centre

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex residenti f'parti mill-area magħrufa bħala Ħal Farruġ, Ħal Luqa u li jibgħatu lill-uliedhom fl-iskola primarja ta' San Bastjan, Ħal Qormi, jiġu mitluba jmorru fil-Health Centre tal-Furjana u mhux fil-Health Centre ta' Ħal Qormi? JIsta' jikkonsidra li dawn ir-residenti jibdew jagħmlu użu mill-Health Centre ta' Ħal Qormi u mhux tal-Furjana biex jingħeleb l-inkonvenjent li dawn ir-residenti għandhom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li l-policy tad-Dipartiment huwa li kull resident jattendi fiċ-Ċentru tas-Saħħa li huwa responsabbli għal post residenzjali tiegħu skond il-"catchment area" ta` kull Ċentru tas-Saħħa. Dan minħabba raġunijiet loġistiċi u minħabba is-sistema ta` filing u ta` medical records. Ċittadini residenti f'Ħal Luqa jaqgħu taħt iċ-Ċentri tas-Saħħa tal-Furjana u dawk residenti f'Ħal-Qormi jattendu iċ-Ċentru tas-Saħħa ta` Ħal Qormi. Id-Dipartiment bilfors irid jimxi fuq ir-residenza kif indikata fl-ID Card għaliex inkella jinqalgħu ħafna problemi iżjed milli wieħed isolvi. Minkejja dan id-Dipartiment dejjem lest li jagħmel eċċezzjoni f'każi speċifiċi fejn ikun hemm raġuni valida meta issir xi talba minn xi individwu f'dan ir-rigward. Id-Dipartiment lest ukoll li jiddiskuti ma rappreżentanti ta` dawk in-nies li joqgħodu fil-parti ta` Ħal Farruġ, Ħal Luqa jew mal-Kunsill Lokali sabiex wieħed jistħarreġ jekk tistax tinsab soluzzjoni aċċettabli għal kulħadd dwar din il-problema.
Leg 9 PQ #26237 Sitting 549 2001-06-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid mil-liema se jitħallsu s-685 student universitarju li se jħaddem fis-sajf id-Dipartiment tas-Saħħa? Kemm se tkun is-somma totali mħallsa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li s-685 student universitarju li se jħaddem fis-Sajf id-Dipartiment tas-Saħħa se jitħallsu mill-vot 51 Item 1210. Jekk wieħed jikkonsidra li kull student jirċievi LM132, għal perjodu tax-xogħol tagħhom is-somma totali tagħhom tiġi LM90,420.
Leg 9 PQ #26246 Sitting 549 2001-06-11 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Għajnuna Finanzjarja

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament mhijiex tibbenefika mill-għajnuna ta' mediċini u cioe' Xabatant Noche neta jidher li għandha r-rekwiżiti neċessarji sabiex tirċievi l-istess?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li din il-mediċina ma setgħetx tiġi approvata oriġinarjament (f'Marzu 2001) għaliex ma kinitx skond il-protokol għat-trattament tal-glaucoma, li kien eżistenti dak iż-żmien. Wara li d-Drugs and Therapeutics Committee iddiskuta din il-problema mal-ispeċjalista tal-għajnejn, dan issottometta protokol ieħor fit-22 ta' Mejju 2001. Dan il-protokol għandu jiġi diskuss fil-meeting tad-Drugs and Therapeutics Committee li ġej. Jekk ikun rikommandat mill-kumitat u approvat mid-Direttur Ġenerali tas-Saħħa, pazjenti li ġew rikommandati għal dan it-trattament mill-ispeċjalisti tagħhom, jiġu mogħtija l-mediċina mill-isptar.
Leg 9 PQ #26251 Sitting 549 2001-06-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Rabat - Ċentru tas-Saħħa

Question

Peress li kif jaf il-Ministru l-poplu Rabti, ta' l-Imtarfa u dak ta' Ħad-Dingli għadhom qed jistennew iċ-ċentru tas-saħħa fir-Rabat jiftaħ mill-ġdid fuq bażi ta' 24 siegħa kuljum, jista' l-Ministru jinformana meta se jiġi rimedjat dan il-bżonn tal-komunita' ? Jista' jinformana kemm kien in-numru ta' persuni li wżaw iċ-ċentru tas-saħħa bejn Jannar - April ta' din is-sena u fis-snin 1998, 1999 u 2000 rispettivament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li ċ-Centru tas-Saħħa tar-Rabat ikun jista' jinfetah 24 siegħa kuljum meta jkun hemm biżżejjed tobba biex dan is-servizz ikun sostenibbli. Id-Dipartiment għadu miexi bi studju u diskussjonijiet sabiex jasal għal soluzzjoni tal-problema ta' nuqqas ta' tobba fiċ-Centri tas-Saħħa. In-numru ta' persuni li attendew fiċ-Centru tas-Saħħa tar-Rabat bejn Jannar u April fis-snin 1998, 1999, 2000, 2001 kienu hekk: 2001 18,927 2000 24,668 1999 22,809 1998 23,334
Leg 9 PQ #26267 Sitting 549 2001-06-11 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptarijiet — Servizz ta' Barbier

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex pprovdut servizz ta' barbier għall-irġiel anzjani/morda li ma jkollhomx min jarhom fl-Isptar San Luqa u fl-isptarijiet l-oħra kollha ta' Malta, separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Fl-Isptar San Luqa m'hawnx servizz ta` barbier, wara li min kien qiegħed jagħmel dan ix-xogħol spiċċa biż-żmien. Dan is-servizz bħalissa qed jingħad minn Nursing Aides jew mill-infermiera. L-Isptar Monte Carmeli joffri servizz ta` żewġ barbiera għall-pazjenti rġiel kollha. L-Isptar Monte Carmeli joffri wkoll servizz ta` female hairdresser għall-pazjenti nisa. Fiż-żewġ każi s-servizz offruti huma fuq bażi "full time". Ġewwa l-Isptar Boffa, kellna servizz ta` barbier li kien jiġi mill-Isptar San Luqa kull ħmistax. Dan baqa` jiġisat-12 t'April 2001 sa meta rtira. Bħalissa s-sitwazzjoni fl-Isptar Boffa hija l-istess bħal dik deskritta għall-Isptar San Luqa.
Leg 9 PQ #26355 Sitting 549 2001-06-11 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — MDC - Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' nies impjegati ta' l-MDC li huma mislufa lid-dipartiment tas-saħħa u f'liema grad huma?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li n-numru ta' mpjegati ta' l-MDC li huma mislufa lid-Diviżjoni tas-Saħħa huma tnejn. Il-grad tagħhom huma Professional Officer II u Watchman.
Leg 9 PQ #26364 Sitting 549 2001-06-11 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Djar ta' l-Anzjani — Spezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 26241 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi u li issa ġiet riferuta lilu u cioe': jgħid sarux spezzjonijiet fi djar ta' l-anzjani privati sabiex jiġu assigurati ċerti standards bħal: i) tindif ii) alarm iii) telephone fil-kamra iv) menu

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li kull sena qabel ma tinħareġ il-liċenzja jsiru spezzjonijiet ta' djar tal-anzjani privati. L-ispezzjonijiet isiru minn inspection team li jinkorpora membri mid-Dipartiment tas-Saħħa kif ukoll mid-Dipartiment ta' Kura ta' l-Anzjani. Jiġu spezzjonati diversi servizzi offruti lir-residenti ġo dawn id-djar. Dawn jinkludu: il-livell ta' tindif fid-djar kif ukoll fil-kċina. L-ispettur sanitarju jagħti grad skond il-livell jew standard li jsib. il-menu li qed jiġi servut. is-sistema ta' kommunikazzjoni kemm minn naħa ta' telephone fil-kamra, pay phones, kif ukoll sistemi attrezzati ta' nurse call systems.
Leg 9 PQ #26365 Sitting 549 2001-06-11 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Dipartiment tar-Radiography

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jivverifika għaliex fid-dipartiment tar-radiography qed jiġu hand picked biex jattendu ċerti korsijiet u mhux toħroġ call for application li tasal għand kulħadd biex min irid japplika jkun jista' jagħmel dan? Veru li għal korsijiet hawn taħt imsemmija ma ħarġux call for applications u min attenda jew qed jattendi dawn il-korsijiet ġie hand picked: (1) kors dwar breast screening; (2) kors dwar il-computer; (3) kors dwar il-first line management?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #26366 Sitting 549 2001-06-11 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Assistant Radiographers

Question

Possibbli li d-diviżjoni tas-saħħa tikkonferma informazzjoni li waslet għandi li għal postijiet vakanti ta' assistant radiographers il-closing date ta' meta għalqu l-applikazzjonijiet ġiet estiża wara li kienu diġa' għalqu l-applikazzjonijiet u min ma kienx applika sad-data ta' l-għeluq oriġinali ntalab jgħid hux interessat japplika jew le? Jekk dan hu minnu, min iddeċieda li jestendi l-closing date? Hi prattika normali li min ma jkunx applika jintalab jgħid jekk hux interessat japplika jew le, filwaqt li tiġi estiża l-closing date? Veru li min ma kienx applika sal-clsong date oriġinali bagħtulu ittra biex jgħid jekk hux interessat japplika?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li billi l-grad ta` Assistant Radiographer ma jeżistix m'inix f'pożizzjoni li nwieġeb għal din il-Mistoqsija.
Leg 9 PQ #25418 Sitting 548 2001-06-06 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru tas-Saħħa

Diamox & Indexol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom neqsin il-mediċini Diamox u Indexol mill-ispiżeriji tal-Gvern? Meta ser ikunu available?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Infurmat li l-pilloli Acetezolemide 250mg (Diamox) waslu fit-8/5/01 u tqassmu fl-Ispiżeriji tal-Isptarijiet u ċ-Ċentri tas-Saħħa bejn it-12 - 18/5/01. Il-pilloli Propranolol 40 mg (Inderal) waslu fis-17/05/01 u tqassmu bejn it-18 u l-25/5/01.
Leg 9 PQ #26243 Sitting 548 2001-06-06 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Visiting Consultant

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li l-visiting consultant Dr Degiovanni jiġi Malta din is-sena?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Dr. Degiovanni mistenni jiġi fit-tielet ġimgħa ta` Lulju 2001.
Leg 9 PQ #26170 Sitting 547 2001-06-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Mard

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi urġenti biex it-tfajla li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li qed tistenna li tintbagħat fi sptar fl-Ingilterra peress li bħalissa hija muġugħa ħafna u lanqas biss tista' tixrob u tiekol, tintbagħat għall-kura malajr kemm jista' jkun peress li anke hemm il-biża li tista' tmut qabel titla l-Ingilterra ħames ġimgħat oħra?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Peress li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija ta` natura personali, għandha tiġi segwita l-proċedura kif indikata fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 13567 f'seduta 235.